Id-Djakonat

L-aħħar sena tas-seminarju hija s-sena tad-djakonat. Is-seminarist jiġi ordnat djaknu mill-Arċisqof u jiġi mibgħut iservi f’parroċċa bi tħejjija għas-saċerdozju. Il-kelma ‘djaknu’, mill-Grieg diakonos, tfisser qaddej. Mela l-missjoni tad-djaknu hi li jassisti lis-saċerdot fil-ħidma tiegħu: jgħinu fil-quddies, iqarben il-morda, iwassal il-Kelma t’Alla u jippriedka l-omelija. Dakinhar tal-ordinazzjoni, Mons Arċisqof spjega d-djakonat b’mod sabiħ ħafna: talabna nkunu l-idejn u s-saqajn ta’ Ġesu biex inwassluh lil ħutna l-bnedmin. Jiena kelli l-grazzja li dan il-ministeru naqdih fil-parroċċa ta’ San Ġiljan. Tliet modi kif wettaqt dak li talab minni l-Arċisqof kienu: l-omelija, il-magħmudija u t-tqarbin tal-morda.

L-omelija hija missjoni importanti ħafna tad-djaknu u tas-saċerdot, għax permezz tal-omelija, il-Kelma t’Alla li tkun għada kif inqrat tingħata l-ħajja fiċ-ċirkostanzi preżenti. Nistqarr li l-omelija kienet tbeżżagħni ħafna, pero maż-żmien qed napprezzaha aktar bħala grazzja. Biex nipprepara l-omelija hemm bżonn nitlob, nirriċerka, u nidħol fil-fond tat-tifsir tal-Kelma t’Alla. Hekk dan il-proċess qed jgħinni nikber u napprezza aktar is-sbuħija tal-Kelma t’Alla u kemm hi valida fil-ħajja tiegħi. Minn hemm imbagħad, wara li tkun misset lili, inkun nista’ nwassal dak li l-Kelma t’Alla trid tgħidilna llum. Huwa proċess li qed jgħinni nikber ħafna.

Mument ieħor sabiħ ħafna hu l-magħmudija. Bħala djaknu bdejt ngħammed it-trabi. Kull magħmudija kienet mument ta’ ferħ għax ħassejtni strument biex Alla jilqa’ fil-familja tiegħu lil dawk it-trabi żgħar. Għalkemm ma jistħoqqlix, il-Mulej qed jużani biex isawwab xita ta’ grazzji fuq dawn ħutna ċkejknin u l-familji tagħhom. Għalhekk il-magħmudijiet kienu mumenti ta’ grazzja kemm għall-familji tat-trabi u kemm għalija.

Fl-aħħarnett, għal ftit ġimgħat kelli l-grazzja li nwassal l-Ewkaristija lil dawk li ma jistgħux jieħdu sehem fil-quddies għal raġunijiet ta’ saħħa. Sfortunatament, dan it-tqarbin kellu jieqaf minħabba l-pandemija. Biss xorta niringrazzja lill-Mulej  li tani l-grazzja li ngħix din il-missjoni, imqar għal ftit ġimgħat. Żgur se jkolli l-grazzja ngħixha aktar ‘il quddiem. It-tqarbin tal-morda hu mument ta’ grazzja għax hu mument qawi ta’ laqgħa ma’ Ġesu: dak il-ħin inkun qed inwassal lil Ġesu fl-Ewkaristija, u fl-istess ħin niltaqa’ ma’ Ġesu wiċċ imb’ wiċċ fil-morda u l-batuti. Meta tkunu għall-kwiet qed titolbu, għidu talba żgħira għalihom, għax hemm diversi nies li jbatu fil-moħbi fis-soċjeta tagħna.

Din is-sena tad-djakonat kienet sena sabiħa ħafna, minkejja r-restrizzjonijiet. Matulha ħassejt li ltqajt ma’ Ġesu f’diversi okkażjonijiet u qsamt miegħu il-ferħ u t-tbatija. Meta ftit ieħor inkun ordnat saċerdot, il-ministeru tad-djakonat ma jitteħidlix, imma jiżdied miegħu is-saċerdozju. Dan ifisser li dawn il-grazzji li kont qed nirċievi bħala djaknu se nibqa nirċevihom, u se nżid magħhom! Il-pandemija biddlet il-mod kif ngħixu, imma ma żammitx lil Alla mill jsawwab fuqna xita ta’ grazzji.

About the author

Ikkummenta

Discover more from Parroċċa San Ġiljan

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading