Dħalt is-seminarju ftit wara li għalaqt sitta u għoxrin sena. Ħa ngħidilkom kif spiċċajt hemm…
Twelidt jumejn qabel il-Milied tal-1987. Sena u nofs wara twieled ħija. Trabbejna bħal ħafna mit-tfal Ħamruniżi bħalna ta’ żmienna. Morna l-iskola primarja tal-Gvern, il-Ħamrun, imbagħad l-iskola sekondarja tas-Seminarju, ir-Rabat. Missieri kien jaħdem id-Dwana u ommi taħdem id-dar. Kellna trobbija komuni imma sabiħa ħafna. Il-familja kienet l-ewwel Seminarju tiegħi, għax fil-familja ġejt imrobbi u edukat fil-fidi Nisranija

Wara s-sekondarja għamilt sentejn il-Junior College, u wara dħalt l-universita fejn gradwajt b’Baċellerat fil-Kimika u l-Bioloġija. Għamilt żmien naħdem fil-laboratorju ta’ kumpanija privata, u qattajt erba’ snin naħdem fil-laboratorji tal-Universita ta’ Malta.
Is-salmista jikteb lil Alla ‘f’ġuf ommi int insiġtni’ (Salm 139). B’dan irid jgħid li kull bniedem hu mwieled b’missjoni, u sa mill-ġuf il-Mulej jieħu ħsiebu u jmexxih sa fejn iridu jasal. Din kienet ir-realta tiegħi ukoll. Alla għandu pjan għalija, u mexxini pass pass sa minnn ċkuniti. Sa minn meta kont tifel fil-familja ġejt edukat fil-fidi nisranija u ġejt mgħallem biex nitlob lil Alla jmexxini fir-rieda tiegħu. Hekk kont nagħmel, u għadni nagħmel sal-lum.
Meta kont żgħir ma kontx ngħid li rrid insir qassis, għalkemm iż-żmien fl-iskola tas-seminarju laqqagħni ma’ din il-possibilta. Wara s-sekondarja ridt nistudja u niggradwa, u hekk għamilt. L-istudju tax-xjenza għeni napprezza l-eżistenza u l-kobor ta’ Alla. Kien wara li ggradwajt li bdejt nistaqsi x’se nagħmel b’ħajti, għax għalkemm kont qtajt xewqti, kont inħoss li baqagħli xi ħaġa x’nagħmel. Imma kien għadni rrid niskopri x’inhi…
Wara żmien ta’ talb u riflessjoni, bdejt nara li s-sejħa tiegħi hi li nkun strument biex permezz tiegħi Ġesu jasal għand kemm jista’ jkun bnedmin. Hekk bdejt inħoss is-sejħa għas-saċerdozju biex inwassal lil Ġesu permezz tal-Kelma tiegħu u tas-Sagramenti.
Tinstema’ faċli u sabiħa hux? Imma mhix. Pero l-Mulej kien miegħi u bil-mod il-mod għeni nitlaq ix-xogħol u nibda avventura ġdida miegħu: is-Seminarju.