Iż-Żmien tas-Seminarju

Kont naħseb li għax kelli xogħol u paga dieħla kont kbirt u ma jonqosni xejn. Kemm kelli żball! Fis-seba’ snin tas-seminarju kbirt ħafna. Mhux fid-daqs, għax bqajt kif kont! Imma fil-karattru, fl-għerf, u fuq kollox fir-relazzjoni ma’ Ġesu.

Is-seminarju għalija fisser diversi bidliet kbar: mid-dar fil-Ħamrun spiċċajt f’bini enormi f’Tal-Virtu, r-Rabat. Mill-istorbju tal-belt spiċċajt fil-ħemda tal-kampanja. Minn impjegat tal-Universita erġajt spiċċajt student. Mix-xjenza għaddejt għall-filosofija u t-teoloġija. Minn raġel indipendenti spiċċajt seminarist taħt l-awtorita tar-Rettur. Kien xokk, imma kelli bżonnu.

Dawn il-bidliet kollha għallmuni nintelaq iktar f’idejn Ġesu u nħalli f’idejh. Issa ma kienx għadni nikkontrolla jien; issa kelli nintelaq u nħallih imexxi Hu.

Is-seminarju mhuwiex żmien ta’ studju biss. Anzi, illum li wasalt fl-aħħar ngħid li l-istudju hu l-inqas aspett importanti tal-formazzjoni. Tistudja kemm tistudja dwar Ġesu ma jiswa xejn jekk ma tkunx taf  lil Ġesu. U matul is-seba’ snin tas-seminarju kelli oportunita li nsir naf lil Ġesu u nagħmel diversi esperjenzi tiegħu.

Esperjenza partikolari kienet is-sena intermedja, jew is-‘sena barra’. Qattajt sitt xhur minnha fiċ-Ċilì, fl-Amerka t’Isfel. Hemm għext f’soċjeta u Knisja li huma differenti minn tagħna. Fl-istess ħin apprezzajt il-preżenza ta’ Kristu fil-Knisja tiegħu, anki n-naħa l-oħra tad-dinja.

Wara din is-sena kien baqa’ tlieta oħra li matulhom bdejna ningħataw il-ministeri bi tħejjija għas-saċerdozju: tal-Kelma,tal-Ewkaristija u tad-Djakonat. Dwar dan, darb’oħra…

About the author

Ikkummenta