QARI I
Aħna kilna u xrobna miegħu wara li qam mill-imwiet.
Atti 10:34a,37-43
Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli
F’dak iż-żmien, Pietru qabad jitkellem u qal: “Intom tafu b’dak li ġara mal-Lhudija kollha, ibda mill-Galilija, wara li Ġwanni kien xandar il-magħmudija; tafu kif Alla kkonsagra lil Ġesù ta’ Nazaret bl-Ispirtu s-Santu u bil-qawwa, u kif dan Ġesù għadda jagħmel il-ġid u jfejjaq lil dawk kollha li kienu maħkuma mix-xitan, għax Alla kien miegħu. U aħna xhud ta’ dak kollu li hu għamel fl-art tal-Lhudija u f’Ġerusalemm. Tawh il-mewt billi dendluh mal-għuda tas-salib; imma Alla qajmu mill-imwiet fit-tielet jum u għamel li hu jidher, mhux lil kulħadd, imma lix-xhieda li Alla għażel minn qabel, lilna, li miegħu kilna u xrobna wara l-qawmien tiegħu mill-imwiet.
Lilna ordnalna biex inxandruh lill-poplu u nixhdu li dan hu dak li Alla għamlu mħallef tal-ħajjin u tal-mejtin. Il-profeti kollha jixhdu għalih u jgħidu li kull min jemmen fih jaqla’ l-maħfra tad-dnubiet bis-saħħa ta’ ismu”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
SALM RESPONSORJALI
Salm 117(118):1-2,16ab-17,22-23
R/. (24): Dan hu l-jum li għamel il-Mulej;
ħa nifirħu u nithennew fih. Hallelujah.
Faħħru lill-Mulej, għaliex hu tajjeb,
għax għal dejjem it-tjieba tiegħu!
Ħa jgħidu wlied Iżrael:
“Għal dejjem it-tjieba tiegħu”. R/.
Il-leminija tal-Mulej ’il fuq merfugħa,
il-leminija tal-Mulej għamlet ħwejjeġ ta’ ħila!
Ma mmutx, imma nibqa’ ngħix,
u nħabbar l-għemejjel tal-Mulej. R/.
Il-ġebla li warrbu l-bennejja
saret il-ġebla tax-xewka.
Bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan:
ħaġa tal-għaġeb f’għajnejna. R/.
QARI II
Fittxu l-ħwejjeġ tas-sema, fejn qiegħed Kristu.
Kol 3:1-4
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Kolossin
Ħuti, jekk intom irxuxtajtu ma’ Kristu, fittxu l-ħwejjeġ tas-sema, fejn Kristu qiegħed fuq il-lemin ta’ Alla. Aħsbu fil-ħwejjeġ tas-sema, mhux f’dawk tal-art. Għax intom mittu, imma ħajjitkom hi moħbija flimkien ma’ Kristu f’Alla. Meta jidher Kristu, li hu l-ħajja tagħkom, imbagħad intom ukoll tidhru flimkien miegħu fil-glorja.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
Jew
QARI II
Tnaddfu mill-ħmira l-qadima, ħa tkunu għaġna ġdida.
1 Kor 5:6b-8
Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin
Ħuti, ma tafux li ftit ħmira ttalla’ l-għaġna kollha? Tnaddfu mill-ħmira l-qadima ħalli tkunu għaġna ġdida, kif intom bla ħmira. Il-Ħaruf tal-Għid tagħna, li hu Kristu, hu maqtul! Nagħmlu festa, mhux bil-ħmira l-qadima, anqas bil-ħmira tal-qerq u tal-ħażen, imma bil-ħobż bla ħmira tas-safa u tas-sewwa.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
SEKWENZA
Ħa jgħollu l-Insara b’tifħirhom
il-Vittma tal-Għid:
għax feda l-Ħaruf in-nagħaġ tiegħu
mill-jasar tal-mewt;
Ġesù raġa’ ħabbeb il-midneb
ma’ Alla l-Missier.
F’taqbida tal-għaġeb mal-Ħajja
inqerdet il-Mewt;
u qam Sid il-ħajja mill-qabar,
isaltan rebbieħ.
“Għidilna, Marija, ħabbrilna:
fit-triq lil min rajt?”.
“Jien rajt qabar Kristu li rxoxta
fis-sebħ tal-qawmien;
rajt l-Anġli li ġew jagħtu xhieda,
il-faxxa, il-liżar.
Irxoxta mill-mewt Kristu Sidi,
li fih ittamajt!
Mar hu l-Galilija qabilkom:
hemmhekk se tarawh”.
O, nemmnu li llum Kristu rxoxta
tassew mill-imwiet!
Int mela, Sultan, ħenn għalina,
O Kristu rebbieħ.
Amen! Hallelujah!
Victimæ paschali laudes
immolent christiani.
Agnus redemit oves:
Christus innocens
Patri reconciliavit peccatores.
Mors et vita
duello conflixere mirando:
dux vitæ mortuus,
regnat vivus.
Dic nobis, Maria,
quid vidisti in via?
Sepulcrum Christi viventis:
et gloriam vidi resurgentis.
Angelicos testes,
sudarium et vestes.
Surrexit Christus spes mea:
præcedet suos in Galilæam.
Scimus Christum
surrexisse a mortuis vere:
tu nobis, victor Rex,
miserere.
Amen. Alleluia.
AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
ara 1 Kor 5:7b-8a
Hallelujah. R/. Hallelujah.
Il-Ħaruf tal-Għid tagħna, li hu Kristu, hu maqtul:
nagħmlu mela festa fil-Mulej.
R/. Hallelujah.
EVANĠELJU
Kristu kellu jqum mill-imwiet.
Ġw 20:1-9
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
Kien l-ewwel jum tal-ġimgħa, filgħodu kmieni kif kien għadu d-dlam, u Marija ta’ Magdala ġiet ħdejn il-qabar u rat il-blata mneħħija mill-qabar. Għalhekk telqet tiġri għand Xmun Pietru u għand id-dixxiplu l-ieħor li kien iħobb Ġesù, u qaltilhom: “Qalgħu lill-Mulej mill-qabar, u ma nafux fejn qegħduh!”.
Pietru u d-dixxiplu l-ieħor ħarġu u ġew ħdejn il-qabar. It-tnejn ġrew flimkien, imma d-dixxiplu l-ieħor ħaffef aktar minn Pietru u laħaq qablu ħdejn il-qabar. Tbaxxa, u ra l-faxex tal-għażel imqiegħda hemm, iżda ma daħalx. Imbagħad wasal warajh Xmun Pietru, daħal fil-qabar, u ra l-faxex tal-għażel imqiegħda hemm, u l-maktur li kien madwar rasu; dan ma kienx mal-faxex, imma mitwi u mqiegħed f’post għalih. Imbagħad id-dixxiplu l-ieħor, li kien wasal l-ewwel ħdejn il-qabar, daħal hu wkoll, ra, u emmen.
Sa dakinhar kienu għadhom ma fehmux l-Iskrittura li tgħid li kellu jqum mill-imwiet.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek. Kristu.
Jew
EVANĠELJU
L-għala qegħdin tfittxuh qalb il-mejtin lil min hu ħaj?
Lq 24:1-12
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
Kmieni mas-sebħ tal-ewwel jum tal-ġimgħa n-nisa marru ħdejn il-qabar u ħadu magħhom il-fwejjaħ li kienu ħejjew. Huma sabu l-ġebla mgerbba minn quddiem il-qabar, imma meta daħlu fih, il-katavru tal-Mulej Ġesù ma sabuhx hemm.
U kif kienu mħassbin fuq dan, f’daqqa waħda dehrulhom quddiemhom żewġt irġiel libsin ilbies jiddi. In-nisa, mimlijin bil-biża’, baxxew għajnejhom lejn l-art; imma dawk qalulhom: “L-għala qegħdin tfittxuh qalb il-mejtin lil min hu ħaj? Mhuwiex hawn, imma qam. Ftakru x’kien qalilkom meta kien għadu fil-Galilija, meta qal: ‘Jeħtieġ li Bin il-bniedem jingħata f’idejn il-midinbin, ikun mislub, u fit-tielet jum iqum mill-imwiet’”.
U huma ftakru kliemu. Telqu lura minn ħdejn il-qabar u marru jagħtu l-aħbar ta’ dan kollu lill-Ħdax u lill-oħrajn kollha. Kienu Marija ta’ Magdala u Ġwanna u Marija ta’ Ġakbu u n-nisa l-oħra li kellhom magħhom; huma kienu li qalu b’dan lill-appostli.
Imma d-diskors tagħhom l-appostli stħajluh thewdin, u ma emmnuhomx. Madankollu Pietru qam u mar b’ġirja lejn il-qabar; tbaxxa biex iħares, imma ma rax ħlief faxex, u raġa’ lura d-dar mgħaġġeb b’li kien ġara.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.