QARI I
Qalilhom kif Sawl ra lill-Mulej fit-triq.
Atti 9:26-31
Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli
F’dak iż-żmien, meta Sawl wasal Ġerusalemm beda jfittex li jissieħeb mad-dixxipli. Imma lkoll kienu jibżgħu minnu, għax ma kinux emmnu li tassew ikkonverta. Imbagħad Barnaba qabdu u ħadu miegħu għand l-appostli. Hu qalilhom kif Sawl kien ra lill-Mulej fit-triq u semgħu jkellmu, u kif f’Damasku kien tkellem b’wiċċu minn quddiem fl-isem ta’ Ġesù.
Għalhekk Sawl baqa’ magħhom, dieħel u ħiereġ Ġerusalemm, u kien jitkellem bil-miftuħ f’isem il-Mulej. Kien jitħaddet mal-Lhud Griegi u jiddiskuti magħhom; iżda huma kienu jfittxu li joqtluh.
Meta l-aħwa saru jafu b’dan, niżżluh lejn Ċesarija u bagħtuh Tarsu. Il-Knisja kienet fis-sliem fil-Lhudija u l-Galilija u s-Samarija kollha; kienet dejjem tikber u timxi ’l quddiem bil-biża’ tal-Mulej, u tiżdied fl-għadd bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
SALM RESPONSORJALI
Salm 21(22):26b-27,28,30,31-32
R/. 26 (a): Mulej, nagħtik it-tifħir tiegħi f’ġemgħa kbira.
Irrodd il-wegħdiet tiegħi
quddiem dawk li jibżgħu minnu.
Jieklu l-fqajrin u jixbgħu;
ifaħħru l-Mulej dawk li jfittxuh.
Ħa tgħix qalbhom għal dejjem! R/.
Jiftakru t-truf kollha tal-art,
u jerġgħu lura lejn il-Mulej;
u quddiemu jinxteħtu r-razez kollha tal-ġnus.
Lilu jqimu l-bnedmin, li jmutu;
quddiemu jmil kull min nieżel ġot-trab.
U għalih tgħix ruħi. R/.
Lilu jaqdi n-nisel tiegħi.
Ixandru ’l Sidi lin-nisel li għad jiġi,
ixandru l-ġustizzja tiegħu
lill-poplu li għad jitwieled:
“Dan għamlu l-Mulej!”. R/.
QARI II
Dan hu l-kmandament tiegħu, li nemmnu u nħobbu.
1 Ġw 3:18-24
Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann Appostlu
Uliedi, ma nħobbux bil-kliem u t-tpaċpiċ, imma bl-għemil u bis-sewwa. Minn dan naslu li nagħrfu li aħna fil-verità, u quddiem Alla nserrħu l-kuxjenza tagħna, jekk il-kuxjenza ċċanfarna, għax Alla hu aqwa mill-kuxjenza tagħna, u hu jaf kollox.
Għeżież, jekk il-kuxjenza tagħna ma ċċanfarniex, aħna qalbna qawwija quddiem Alla, u kulma nitolbu naqilgħuh mingħandu, għax qegħdin inżommu l-kmandamenti tiegħu u nagħmlu dak li jogħġob lilu.
Dan hu l-kmandament tiegħu: li nemmnu fl-isem ta’ Ibnu Ġesù Kristu, u nħobbu ’l xulxin, kif wissiena hu. Min iżomm il-kmandamenti tiegħu jgħammar f’Alla u Alla fih. B’hekk nagħrfu li hu jgħammar fina: bl-Ispirtu li hu tana.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 15:4a,5b
Hallelujah. R/. Hallelujah.
Ibqgħu fija, u jiena nibqa’ fikom, jgħid il-Mulej;
min jibqa’ fija u jiena fih, dan jagħmel ħafna frott.
R/. Hallelujah.
EVANĠELJU
Min jibqa’ fija u jiena fih, dan jagħmel ħafna frott.
Ġw 15:1-8
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Jiena d-dielja vera u Missieri l-bidwi. Kull fergħa fija li ma tagħmilx frott jaqtagħha; u kull waħda li tagħmel il-frott jiżborha u jnaddafha, biex tagħmel frott aktar. Intom ġa ndaf minħabba l-kelma li għedtilkom.
Ibqgħu fija, u jiena nibqa’ fikom. Kif il-fergħa ma tistax tagħmel frott minnha nfisha jekk ma tibqax fid-dielja, hekk anqas intom jekk ma tibqgħux fija. Jiena d-dielja, intom il-friegħi. Min jibqa’ fija u jiena fih, dan jagħmel ħafna frott; għax mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn. Jekk wieħed ma jibqax fija, jintrema barra bħal fergħa, u jinxef; imbagħad, friegħi bħal dawn jiġbruhom u jixħtuhom fin-nar u jinħarqu.
Jekk tibqgħu fija u kliemi jibqa’ fikom, itolbu kulma tridu, u jingħatalkom. Din hi l-glorja ta’ Missieri, li intom tagħmlu ħafna frott u tkunu dixxipli tiegħi”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.