Il-Pandemija

Id-djakonat tiegħi u ta’ sħabi kien differenti minn kif għexuh saċerdoti oħra, peress li ftit xhur qabel sirna djakni faqqgħet il-pandemija. Għalina dan fisser li kellna nċaqilqu d-data tal-ordinazzjoni, imma mhux biss: il-pandemija biddlet il-mod ta’ kif għexna dan il-ministeru. It-tberik tad-djar ma sarx, it-tqarbin tal-morda twaqqaf, għal xi żmien twaqqaf saħansitra l-quddies pubbliku. Dan ma jfissrix li ma għexniex id-djakonat. Jien inħoss li d-djakonat għextu mija fil-mija, biss f’ċirkostanzi mhux tas-soltu.

L-ewwel ħsieb li jitla’ kif nisimgħu il-kelma ‘pandemija’ hu ħsieb negattiv: taħwid, inċertezzi, problemi…. Biss jekk wieħed jieqaf ftit u jirrifletti jagħraf li l-pandemija offritilna opportunita tad-deheb biex nieqfu u nħarsu ħarsa lejn ħajjitna. Tatna l-opportunita li ngħażlu bejn dak li hu essenzjal u dak li mhuwiex. Għalhekk tatna l-grazzja li nwarrbu dak li mhux essenzjal waqt li nerġgħu niskopru dak li hu essenzjal, imma, għal xi raġuni jew oħra, konna warrabna.

Għalija bħala djaknu, inħoss li l-pandemija tatni opportunita biex niskopri tliet aspetti importanti fil-ministeru tad-djakonat: it-talb, ix-xandir tal-kelma, u l-viċinanza.

It-talb huwa parti essenzjali mill-ġurnata tiegħi. Fit-talb inkun qrib ta’ Ġesu, li minnu nieħu l-eżempju u l-enerġija għall-ħidma tiegħi. Bis-saħħa tal-pandemija kelli l-opportunita li t-talb ma nagħmlux bil-ħatfa, imma nieħdu bis-serjeta. U hekk stajt ingawdi aktar frott minnu. Apparti minn hekk, id-diffikultajiet li kont nara madwari talbu minni li nħaddem il-ministeru tal-interċessjoni, jiġifieri talb għall-bżonnijiet ta’ ħaddieħor. Il-pandemija tatni opportunita biex inħaddem il-ministeru tal-interċessjoni aktar mis-soltu.

Ix-xandir tal-kelma hu ministeru ieħor importanti għad-djaknu. Bis-saħħa tal-pandemija fil-parroċċa tagħna inħolqu diversi inizjattivi online li permezz tagħhom stajt inħaddem dan il-ministeru. Kont (u għadni) involut fit-tagħlim tal-katekiżmu online kif ukoll fil-lectio divina online li qegħda toffri l-parroċċa. Dawn iż-żewġ inizjattivi ppremettewli nkun aktar qrib tal-Kelma t’Alla, u hekk napprezza aktar kemm għadha valida għas-soċjeta tal-lum. Anki meta s-soċjeta qed tinbidel minħabba l-pandemija.

Finalment, il-viċinanza. Effett ikrah tal-pandemija hu l-iżolament u s-solitudni. Il-miżuri għall-ħarsien tas-saħħa ma ħallewniex inkunu fiżikament qrib in-nies, imma t-teknoloġija ppermettietli nkun qrib diversi persuni fi żmien diffiċli. Hekk stajt inkun qrib persuni differenti, kemm fil-ħsieb u kemm fit-talb.

Din ir-realta ma għexthiex biss fid-djakonat, imma jidher li se tibqa’ miegħi anki fl-ewwel xhur tas-saċerdozju. Grazzi għall-pandemija warrabna dak li mhux essenzjal: ordinazzjonijiet bombastiċi, quddies solenni esaġerat, u festi pagani. Grazzi għall-pandemija qed niskopru mill-ġdid l-essenzjal fil-ministeru tad-djaknu u tas-saċerdot: it-talb, ix-xandir tal-Kelma, u l-viċinanza ma’ Alla u mal-poplu tiegħU.

About the author

Ikkummenta