Is-Sittax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

QARI I
Niġbor il-bqija tan-nagħaġ tiegħi, u nqiegħed fuqhom rgħajja.
Ġer 23, 1-6

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija

Dan jgħid il-Mulej: “Gwaj għar-rgħajja li jeqirdu u jxerrdu l-merħla tal-mergħa tiegħi – oraklu tal-Mulej. Għalhekk dan jgħid il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, lir-rgħajja, li jirgħu l-poplu tiegħi: Intom xerridtu n-nagħaġ tiegħi, gerrixtuhom u ma ħadtux aktar ħsiebhom. Arawni, se naħseb fikom jien minħabba l-ħażen ta’ għemilkom – oraklu tal-Mulej.

U jiena niġbor il-fdal tan-nagħaġ tiegħi mill-artijiet kollha li xerridthom fihom, u nreġġagħhom lura lejn il-mergħa tagħhom, u jnisslu u joktru. U nqiegħed fuqhom rgħajja li jirgħuhom, u ma jitbeżżgħux aktar, ma jitwaħħxux; u ħadd minnhom ma jonqos – oraklu tal-Mulej.

Araw, għad jasal żmien – oraklu tal-Mulej – meta nqajjem lil David rimja ġusta, li jsaltan ta’ sultan, u jmexxi bil-għaqal u jagħmel is-sewwa u l-ħaqq fil-pajjiż. Fi żmienu Ġuda jkun salv, u Iżrael jgħammar fiż-żgur. U dan hu l-isem li jsejħulu: Il-Mulej is-Sewwa tagħna”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 22 (23), 1-3a.3b-4.5.6

R/. (1): Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni

Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi,
xejn ma jonqosni;
f’mergħat kollha ħdura jqegħedni.
Ħdejn l-ilma, fejn nistrieħ, jeħodni;
hemm hu jrejjaqni. R/.

Imexxini fit-triq tas-sewwa
minħabba l-isem tiegħu.
Imqar jekk nimxi f’wied mudlam,
ma nibżax mill-ħsara, għax inti miegħi.
Il-ħatar tiegħek u l-għasluġ tiegħek,
huma jwennsuni. R/.

Int tħejji mejda għalija
quddiem l-għedewwa tiegħi.
Biż-żejt tidlikli rasi,
u l-kalċi tiegħi tfawwarli. R/.

Miegħi, iva, jimxu t-tjieba u l-ħniena
il-jiem kollha ta’ ħajti
U ngħammar f’dar il-Mulej
sakemm indum ħaj! R/.

QARI II
Hu l-paċi tagħna, li minna t-tnejn għamel poplu wieħed.
Efes 2, 13-18

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin

Ħuti, imma issa, fi Kristu Ġesù, intom, li darba kontu ’l bogħod, issa tqarribtu bis-saħħa tad-demm ta’ Kristu. Kristu hu s-sliem tagħna, hu, li minna t-tnejn għamel poplu wieħed, billi ġarraf il-ħajt li kien jifridna – il-mibegħda ta’ bejnietna – u ħassar bis-sagrifiċċju ta’ ġismu l-Liġi bil-kmandamenti u l-preċetti tagħha. Mit-tnejn, ried b’hekk joħloq bih innifsu bniedem wieħed, il-bniedem il-ġdid, billi jagħmilhom paċi t-tnejn bejniethom u jħabbibhom it-tnejn ma’ Alla f’ġisem wieħed permezz tas-salib li bih qered il-mibegħda ta’ bejniethom.

Imbagħad ġie jħabbar is-sliem, sliem lilkom li kontu fil-bogħod, u sliem lil dawk li kienu fil-qrib. Permezz tiegħu, it-tnejn li aħna għandna bi Spirtu wieħed id-dħul għal għand il-Missier.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 10, 27

Hallelujah. R/. Hallelujah
In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni,
u jiena nagħrafhom, u huma jimxu warajja.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Kienu qishom nagħaġ bla ma għandhom ragħaj.
Mk 6, 30-34

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, l-appostli reġgħu ġew ħdejn Ġesù u qalulu kull ma kienu għamlu u għallmu. U hu qalilhom: “Ejjew miegħi intom biss weħidkom f’xi post imwarrab, u strieħu ftit”. Għax tassew, kien hemm ħafna nies ġejjin u sejrin, u anqas żmien biex jieklu ma kienu jħallulhom.

Marru mela bid-dgħajsa weħidhom lejn post imwarrab, imma n-nies rawhom sejrin; kienu ħafna dawk li għarfuhom, u telqu jiġru ’l hemm bil-mixi, nies mill-ibliet kollha, u waslu qabilhom.

Xħin niżel l-art mid-dgħajsa ra kotra kbira ta’ nies u tħassarhom, għax kienu qishom nagħaġ bla ma għandhom ragħaj, u qabad jgħallimhom ħafna ħwejjeġ.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

About the author

Ikkummenta