14 ta’ Awwissu Sidtna Marija Mtellgħa s-Sema Quddiesa tal-Vġili

Qari I                                                                 1 Kron 15, 3-4.15-16; 16,1-2

Qiegħdu l-arka ta’ Alla f’nofs it-tinda.

F’dak iż-żmien: David laqqa’ lill-poplu ta’ Iżrael kollu f’Ġerusalemm biex italla’ l-arka tal-Mulej f’postha li kien ħejja għaliha. U laqqa’ lil ulied Aron u lill-Leviti. U l-Leviti kienu l-ewwel li ġarrew l-arka ta’ Alla bil-lasti fuq spallejhom, kif kien ordna Mosè skond il-kelma tal-Mulej. U David ordna lill-kapijiet tal-Leviti li jqassmu lil ħuthom, il-mużiċisti bl-istrumenti tad-daqq – arpi, ċetri, ċnieċel – u jgħollu u jsemmgħu leħinhom għoli b’sinjal ta’ ferħ. U hekk ġiebu l-arka ta’ Alla u qegħduha f’nofs it-tinda li kien waqqaf għaliha David, u offrew sagrifiċċji tal-ħruq u sagrifiċċji tas-sliem quddiem Alla. Meta kien offra s-sagrifiċċji tal-ħruq u s-sagrifiċċji tas-sliem, David bierek il-poplu b’isem il-Mulej,

Il-Kelma tal-Mulej.

℟.  Irroddu ħajr lil Alla.

Salm Responsorjali                                                    S131, 6-7.9-10.13-14

℟.  Qum, Mulej,int u l-Arka tal-qawwa tiegħek.

Araw, smajna bl-arka f’Efrata,

sibnieha fir-raba’ ta’ Ġagħar.

Ħa nidħlu fl-għamara tiegħu,

ninxteħtu quddiem il-mirfes ta’ riġlejh! ℟. 

Jilbsu l-ġustizzja l-qassisin tiegħek,

jgħajjtu bil-ferħ il-ħbieb tiegħek.

Minħabba f’David, il-qaddej tiegħek,

twarrabx wiċċ is-sultan, il-midluk tiegħek. ℟. 

Għax il-Mulej għażel ‘il Sijon,

u xtaqha tkun id-dar tiegħu:

“Hawn insib il-mistrieħ tiegħi għal dejjem!

Fiha rrid noqgħod, għax ħabbejtha! ℟. 

Qari II                                                                                   1 Kor 15, 54-57

Alla tana r-rebħa permezz ta’ Sidna Ġesù Kristu.

Ħuti: Meta dak li jitħassar jilbes in-nuqqas ta’ taħsir, meta dak li jmut jilbes l-immortalità, mbagħad iseħħ dak li hemm miktub, “Inbelgħet il-mewt fir-rebħa. Fejn hi, ja Mewt, ir-rebħa tiegħek? Fejn hi, ja Mewt, in-niggieża tiegħek?” In-niggieża tal-mewt hi d-dnub, u l-qawwa tad-dnub hi l-Liġi. Niżżu ħajr lil Alla li tana r-rebħa permezz ta’ Sidna Ġesù Kristu. Għalhekk, ħuti għeżież, żommu sħiħ, titħarrkux; ħabirku dejjem fil-ħidma tal-Mulej. Kunu afu li l-ħidma tagħkom fil-Mulej m’hijiex għalxejn.

Il-Kelma tal-Mulej.

℟.  Irroddu ħajr lil Alla.

Akklamazzjoni għall-Evanġelju                                         ara Lq 11:28

℟.  Hallelujah

Hienja dawk

li jisimgħu l-kelma ta’ Alla

u jħarsuha!

℟.  Hallelujah

Evanġelju                                                                                  Lq 11, 27-28

Hieni l-ġuf li ġiebek.

F’dak iż-żmien waqt li kien qed ikellem lin-nies, kien hemm waħda mara li għolliet leħinha minn qalb il-folla u qaltlu: “Hieni l-ġuf li ġiebek u s-sider li rdajt!” Iżda hu qalilha: “Imma tassew ngħidlek, aktar hienja dawk li jisimgħu l-kelma ta’ Alla u jħarsuha!”

Il-Kelma tal-Mulej.

℟.  Tifħir lilek, Kristu.

About the author

Ikkummenta