Qari I
Nikkundannawh għal mewt l-aktar kiefra.
Għerf 2:12,17-20
Qari mill-Ktieb tal-Għerf
In-nies il-ħżiena qalu:
“Nonsbulu lill-ġust
għaliex hu ta’ xkiel għalina fi triqitna,
hu kontra l-għemejjel tagħna,
iċanfarna għax niksru l-Liġi,
jixlina għax immorru kontra t-tagħlim li ħadna.
Ħa naraw hux veru kliemu,
naraw fl-aħħar x’se jsir minnu.
Jekk il-ġust hu iben Alla,
jaqbeż għalih Alla, u jeħilsu minn id l-għedewwa tiegħu.
Inġarrbuh bit-tagħjir u l-moħqrija,
biex naraw xi tjubija għandu
u nkejlu sa fejn jasal sabru.
Naqtgħuhielu għall-mewt b’mistħija,
għax, kif jgħid hu, għandu min iħarsu”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
Salm Responsorjali
Salm 53(54):3-4,5,6,8
R/.(6b): Il-Mulej hu dak li jżommni.
B’ismek, o Alla, salvani;
agħmilli ħaqq bil-qawwa tiegħek.
Isma’, o Alla, it-talba tiegħi;
agħti widen għal kliem fommi. R/.
Għax nies kburin qamu kontrija,
nies kefrin jonsbuli ħajti;
ma jżommux ’l Alla quddiem għajnejhom. R/.
Ara, Alla l-għajnuna tiegħi;
il-Mulej hu dak li jżommni.
Minn qalbi noffrilek is-sagrifiċċju;
irrodd ħajr lil ismek, għax hu tajjeb. R/.
Qari II
Għal dawk li jfittxu jnisslu s-sliem, il-frott tal-ġustizzja hu miżrugħ fis-sliem.
Ġak 3:16–4:3
Qari mill-Ittra ta’ San Ġakbu Appostlu
Għeżież, fejn hemm l-għira u l-ġlied, hemm issib it-taqlib u kull xorta ta’ ħażen. L-għerf li ġej mis-sema, qabel kollox hu għerf safi, imbagħad hu għerf li jfittex is-sliem, it-tjubija u l-ħlewwa; huwa kollu ħniena u frott tajjeb, bla ma jħares lejn l-uċuħ u bla qerq. Dawk li jfittxu s-sliem jiżirgħu fis-sliem u jkollhom il-frott tal-ġustizzja. Mnejn hu ġej il-ġlied u t-tilwim bejnietkom? Jaqaw mhux minn dan, mill-passjonijiet li hemm jitqabdu f’ġisimkom? Tixtiequ, u ma ssibu xejn; imbagħad toqtlu, u tgħiru, bla ma tistgħu tieħdu xejn; imbagħad tiġġieldu u titqabdu. Ma għandkom xejn għax ma titolbux. Titolbu, u ma tiksbux, għax titolbu ħażin: titolbu ħa jkollkom xi tberbqu fix-xalar.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
2 Tess 2:14
Hallelujah. R/. Hallelujah.
Alla sejħilkom permezz tal-Evanġelju tagħna,
biex ikollkom sehem fil-glorja ta’ Ġesù Kristu.
R/. Hallelujah.
Evanġelju
Min irid ikun l-ewwel wieħed, għandu jkun il-qaddej ta’ kulħadd.
Mk 9:30-37
Qari mill-Evanġelju skont San Mark
F’dak iż-żmien, Ġesù u d-dixxipli tiegħu għaddew minn nofs il-Galilija, u ma ried li ħadd ikun jaf, għax beda jgħallem lid-dixxipli tiegħu u jgħidilhom: “Bin il-bniedem se jingħata f’idejn il-bnedmin u joqtluh; u meta jkun maqtul, wara tlitt ijiem iqum mill-mewt”. Iżda huma ma fehmuhx dan il-kliem, u beżgħu jistaqsuh.
Waslu Kafarnahum; u meta kienu d-dar staqsiehom: “X’kontu qegħdin titħaddtu bejnietkom fit-triq?”. Iżda huma baqgħu siekta, għax fit-triq kienu qagħdu jitħaddtu bejniethom fuq min kien l-akbar.
Imbagħad qagħad bilqiegħda, sejjaħ it-Tnax, u qalilhom: “Jekk xi ħadd irid ikun l-ewwel wieħed, għandu joqgħod wara kulħadd u jkun qaddej ta’ kulħadd”.
U ressaq lejh tfajjel ċkejken, qiegħdu f’nofshom, ħaddnu bejn dirgħajh u qalilhom: “Kull min jilqa’ wieħed minn dawn iċ-ċkejknin minħabba f’ismi, ikun jilqa’ lili; u min jilqa’ lili, ikun jilqa’ mhux lili, imma lil dak li bagħatni”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.