Is-Sibt li ġej nibdew sena lituġika ġdida – Is-Sena t’Tajba !
Is-sena tal-Knisja nsejħulha “is-Sena Liturġika”. Bħalma l-kalendarju fih erba’ staġuni, tnax-il xahar u tnejn u ħamsin ġimgħa u jinkludu festi nazzjonali u festi pubbliċi, il-Kalendarju tal-Knisja fih ukoll il-mod tiegħu kif iqassam is-sena. Għandu ż-żminijiet liturġiċi tiegħu: l-Avvent, il-Milied, ir-Randan, it-Tridu tal-Għid il-Kbir, żmien l-Għid u ż-żmien ta’ matul is-sena.
Is-sena Liturġika tibda fl-ewwel Ħadd tal-Avvent. Dan jibda erbat iħdud qabel il-25 ta’ Diċembru, il-jum li fih niċċelebraw il-Milied. L-aħħar jum tas-sena tal-Knisja hija l-festa ta’ Kristu Sultan.
L-għan tas-sena Liturġika mhix biex inkejlu l-ġranet u s-snin, imma biex niċċelebraw u nifhmu aktar il-misteru ta’ Ġesù Kristu, mill-Inkarnazzjoni tiegħu sat-Tlugħ fis-Sema, imbagħad Għid il-Ħamsin u l-istennija għall-miġja tal-Mulej fil-glorja. L-azzjonijiet il-kbar li jsiru kuljum fil-Liturġija huma il-quddies u l-Liturġija tas-Sigħat. Fihom aħna naħsbu u nimmeditaw il-Misteru tal-Għid minn aspetti differenti. Dan isir billi, għal-Liturġija tagħha, il-Knisja tagħżel siltiet mill-Kotba Mqaddsa biex jinqraw waqt il-quddiesa kif ukoll siltiet oħra mill-kitbiet tal-Missirijiet tal-Knisja jew qari ieħor spiritwali biex flimkien ma’ siltiet mill-Kotba Mqaddsa jinqraw waqt it-talb tal-Uffiċju Divin.

Il-Liturġija tas-Sigħat
L-Uffiċċju Divin, jew il-Brevjar, hu talb u qari li l-Knisja trid li l-insara jitolbu kuljum. Is-saċerdoti, id-djakni u r-reliġjużi kollha għandhom obbligu li jgħidu dan it-talb kuljum. Dan huwa magħruf ukoll bħala l-Liturġija tas-Sigħat għax huwa mqassam biex jintalab f’ħinijiet differenti tal-ġurnata.
It-talbiet prinċipali tal-Liturġija tas-Sigħat huma dawk li jsiru filgħodu u fil-għaxija. Ta’ filgħodu magħruf bħala it-Tifħir ta’ sbiħ il-jum propju għax biha n-nisrani jagħti bidu għall-ġurnata tiegħu. It-talb ta’ filgħaxija, li huwa magħruf bħala l-Għasar jintalab ma’ nżul ix-xemx, meta l-jum ikun qed jintemm. Minbarra dawn it-talbiet prinċipali hemm talbiet oħra li huma iqsar li jintalbu f’ħinijiet differenti tal-jum. Hemm ukoll dak li huma magħruf bhala l-Uffiċcju tal-qari b’siltiet mill-Kotba Mqaddsa u l-aħjar siltiet minn awturi spiritwali. L-aħħar talb ta’ qabel l-irqad huwa it-Talb ta’ għeluq il-jum magħruf ukoll bħala l-Kompieta. Fit-talbiet kollha hemm Salmi u Kantiċi ta’ tifħir lill-Alla.
Il-Quddiesa
Fil-quddiesa ikun hemm żewġ qari fil-ġranet ta’ kuljum u tliet qari fil-ħdud u l-festi.
B’dan il-mod il-Knisja tistedinna naħsbu fuq il-ġrajjiet importanti fl-istorja tas-Salvazzjoni tagħna, tistabilixxi l-ġranet speċjali meta niċċelebraw dawn il-ġrajjiet u turina l-imporatnza tagħhom fil-kuntest tal-Misteru tal-Għid. Hekk l-aktar ġrajjiet importanti bħal l-Għid u l-Milied inssejħilhom “Solenità”.
Dawk ta’ anqas importanza insejħulhom “Festi”. F’xi ġranet oħra tista’ ssir “Tifkira” li kultant tkun ukoll “Obligatorja”. B’dawn hija tfakkar qaddisin li b’ħajjithom taw xhieda kbira tal-fidi. Meta ma jkunx hemm xi Solenità, Festa jew Tifkira, allura nsejħulha “Ferja”. Iżda ċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi kollha tal-Knisja, anke dawk li fihom infakkru l-Madonna jew qaddisin huma ċċentrati fuq Kristu u l-Misteru tiegħu tal-Għid.
Il-qari tal-Ħdud hu mqassam fuq tliet snin, imsejħin Sena A, Sena B u Sena Ċ. Matul is-Sena A naqraw il-Vanġelu skont San Mattew, fis-Sena B naqraw minn San Mark u fis-Sena Ċ naqraw minn San Luqa. San Ġwann jinqara fi żmien l-Għid. Biex tkun taf f’liema sena qegħdin, għodd in-numri (digits) tas-sena, iddividi bi 3 u ara x’jifdal (remainder) Jekk jifdal 1 mela tkun Sena A, jekk jifdal 2 tkun Sena B, jekk jidħol eżatt tkun Sena Ċ. Attent, mhux kemm-il darba jidħol imma kemm baqa’ remainder.
Eżempju għas-sena 2022: 2+0+2+2 = 6. Iddividi 6 bi 3 u jidħol eżatt bla remainder. Allura sena Ċ.
Eżempju ieħor għas-sena 2020: 2+0+2+0 = 4. Iddividi 4 bi 3. Fadal remainder ta’ 1. Mela Sena A.
Eżempju ieħor għas-sena 2021: 2+0+2+1 = 5. Iddividi 5 bi 3. Fadal remainder ta’ 2. Mela Sena B.
Matul il-ġimgħa naqraw siltiet oħra mill-Kotba Mqaddsa. Dawn imqassmin fuq sentejn Sena I u Sena II. Fuq medda ta’ sentejn jinqraw l-partijiet importanti kollha tal-Kotba Mqaddsa. Biex tkun taf liema qari qegħdin naqraw, ara is-sena (eg 2022). Jekk hi bil-fard, mela Sena I, jekk hi biż-żewġ, mela Sena II.
Kuluri wżati fil-Quddies
Fiċ-ċelebrazzjonijiet tagħha, il-Knisja tuża kuluri għall-ilbies tas-saċerdoti. Fl-Avvent u r-Randan tuża l-vjola. Fil-Għid, il-Milied u l-festi tuża l-abjad, minbarra fil-festi tal-Martri, f’Għid il-Ħamsin (Pentekoste), Ħadd il-Palm, u l-Ġimgħa l-Kbira li fihom tuża l-aħmar. F’jiem oħra matul is-sena tuża l-aħdar.
Żminijiet differenti fis-Sena Liturġika
L-Avvent hu żmien ta’ preparazzjoni għall-Milied. Fih erba’ ġimgħat. Fil-qari tal-Liturġija, il-Knisja tistedinna naħsbu fuq it-tieni miġja ta’ Kristu fl-aħħar tad-dinja. Hu biss fl-aħħar Ħadd li l-Knisja tibda tkellimna fuq il-ġrajjiet tal-Milied.
Il-Milied hu ż-żmien li fih niftakru fuq l-Inkarnazzjoni, it-twelid u t-tfulija ta’ Ġesù. Dan jintkuli l-festa ta’ Marija Omm Alla fl-ewwel tas-sena, l-Epifanija, u s-Sagra Familja.
L-Ewwel Parti taż-Żmien ta’ matul is-Sena: Dawn huma bejn tmiem żmien il-Milied u l-bidu tar-Randan. Jibda bil-festa tal-Magħmudija ta’ Kristu.
Ir-Randan hu żmien ta’ preparazzjoni għall-akbar festa tal-Knisja li hu l-Għid il-Kbir. Fih 40 jum u 6 iħdud. Matul ir-Randan, naqraw l-aktar ġrajjiet importanti fl-Istorja tas-Salvazzjoni, ibda mill-ħolqien. Jibda b’Ras ir-Randan u jispiċċa f’Sibt il-Għid.
L-Għid il-Kbir jiġi fl-ewwel Ħadd wara l-ewwel qamar kwinta tar-rebbiegħa (wara l-21 ta’ Marzu). Dan jista’ jiġi bejn it-22 ta’ Marzu u l-25 ta’ April. Din il-festa hija importanti ħafna u ndumu niċċelebrawha 7 ġimgħat, li jissejħu l-Ħdud tal-Għid. 50 jum wara l-Għid niċċelebraw Għid il-Ħamsin magħruf ukoll bħala Pentekoste.
Wara nerġgħu nkomplu bil-Ħdud ta’ Matul is-Sena. B’kollox hemm 34, u jintuża l-aħdar. L-aħħar Ħadd tkun il-festa ta’ Kristu Sultan.