QARI I
Il-ħakma tiegħu ħakma għal dejjem.
Dan 7:13-14
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Danjel
Billejl deherli qiegħed nara
bħal iben ta’ bniedem,
ġej mis-sħab tas-sema,
li baqa’ sejjer sax-Xiħ fl-għomor
u ressquh quddiemu.
U tawh ħakma, ġieħ, u saltna,
biex lilu jaqdi kull ġens, u poplu, u lsien.
Ħakmietu ħakma għal dejjem li ma tgħaddix,
u saltnatu li ma tinqeridx.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
SALM RESPONSORJALI
Salm 92(93):1ab,1ċ-2,5
R/. (1a): Il-Mulej isaltan; il-kobor libes.
Il-Mulej isaltan; il-kobor libes,
libes il-Mulej u tħażżem bil-qawwa. R/.
Iżomm sħiħa d-dinja; qatt ma titħarrek.
Imwaqqaf it-tron tiegħek fis-sod minn dejjem;
minn dejjem ta’ dejjem int. R/.
Il-kmandamenti tiegħek ta’ min joqgħod fuqhom;
qdusija lil darek tixraq, Mulej,
sakemm itul iż-żmien. R/.
QARI II
Kristu huwa l-Prinċep tas-slaten tad-dinja.
Apok 1:5-8
Qari mill-Ktieb tal-Apokalissi ta’ San Ġwann Appostlu
Ġesù Kristu hu x-xhud fidil, il-Kbir fost il-mejtin, il-Prinċep tas-slaten tad-dinja. Lil Dak li ħabbna, u li ħallna minn dnubietna bis-saħħa ta’ demmu, u li għamilna saltna, qassisin għal Alla tiegħu Missieru, lilu l-glorja u s-setgħa għal dejjem ta’ dejjem. Amen.
Arawh, ġej fis-sħab, u l-għajnejn kollha jarawh, ukoll dawk li kienu nifduh; u r-razez kollha tal-art jibdew iħabbtu fuq sidirhom minħabba fih. Iva. Amen!
Jiena huwa l-Alfa u l-Omega, jgħid il-Mulej Alla, li hu, u li kien, u li għad irid jiġi, Dak li jista’ kollox!
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Mk 11:9,10
Hallelujah. R/. Hallelujah.
Imbierek min ġej f’isem il-Mulej!
Imbierka s-Saltna ta’ David missierna li ġejja!
R/. Hallelujah.
EVANĠELJU
Int qiegħed tgħid li jien sultan.
Ġw 18:33b-37
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
F’dak iż-żmien, Pilatu sejjaħ lil Ġesù u qallu: “Inti s-sultan tal-Lhud?”. Ġesù wieġeb: “Dan qiegħed tgħidu int minn moħħok, jew kienu oħrajn li qalulek dan fuqi?”. Pilatu wieġeb: “Mela jiena Lhudi? Kien il-poplu tiegħek u l-qassisin il-kbar li tawk f’idejja. X’għamilt?”.
Ġesù wieġeb: “Is-saltna tiegħi mhijiex ta’ din id-dinja. Li kieku saltnati kienet ta’ din id-dinja, l-għases tiegħi kienu jiġġieldu biex ma ningħatax f’idejn il-Lhud; imma tabilħaqq saltnati mhijiex ta’ hawn”.
Pilatu qallu: “Mela int sultan?”. U Ġesù wieġeb: “Int qiegħed tgħidu; jien sultan. Jien għalhekk twelidt, u għalhekk ġejt fid-dinja, biex nixhed għall-verità. U kull min iħobb il-verità jisma’ leħni”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.
Talbiet:
Ħuti għeżież, nitolbu lil Kristu Ġesu’, Sultan tas-sliem, biex jagħti lid-dinja d-don tal-paċi u l-ġustizzja.
Għall-Papa, isqfijiet, saċerdoti u djakni, biex jaqdu lill-komunita’ Nisranija bl-imħabba ta’Kristu, ir-ragħaj u l-mexxej. Nitolbu….
Għall-gvernijiet biex jaħdmu għall-ġustizzja u l-paċi dejjiema f’pajjiżhom. Nitolbu….
Għaż-żgħażagħ biex iħarsu lejn Kristu bħala l-mexxej li jiggwidahom fl-għażliet tagħhom. Nitolbu….
Għal din il-komunita’, biex kull wieħed u waħda minna nsiru strumenti ta’paċi u qadi lejn ħutna. Nitolbu…
O Alla Missier, inti bgħatt lil Ibnek biex jagħmel minna saltna ta’mħabba. Dawwal l-ispirtu tagħna, biex nifhmu li meta naqdu lil ħutna, nkunu verament insaltnu u nsiru nixbħu lil Kristu li miet għalina u rxoxta rebbieħ bħala l-prinċep tagħna. Hu jgħix u jsaltna gġal dejjem ta’dejjem Ammen.