It-Tħabbira tal-Festi għas sena 2022

F’kull Quddiesa, jew f’dik ewlenija, wara l-Evanġelju (fl-Epifanija) jitħabbru l-festi ta’ matul

is-sena.

Ħuti għeżież,

f’dawn il-ġranet deher fostna s-sebħ tal-Mulej

u se jibqa’ jidher sa ma jerġa’ jiġi

b’setgħa u glorja kbira.

Tul is-sena kollha, flimkien mal-Knisja,

aħna ngħixu l-misteru tas-salvazzjoni tagħna,

li jilħaq il-qofol tiegħu fit-tlett ijiem imqaddsa tal-Għid,

li fihom niċċelebraw il-passjoni, il-mewt

u l-qawmien ta’ Kristu mill-imwiet.

Din is-sena l-ferħ tal-Għid il-Kbir

li jixxerred ma’ kullimkien fid-dinja,

se ngħixuh mal-Knisja kollha fis-17 ta’ April.

Iżda kull nhar ta’ Ħadd

il-Knisja tistedinna biex ngħixu dan il-ferħ tal-Għid,

għax kull nhar ta’ Ħadd il-Knisja tiċċelebra

il-misteru kbir tal-fidwa tagħna

u tfakkarna li l-Mulej bil-mewt tiegħu

qered il-mewt tagħna

u bil-qawmien tiegħu mill-imwiet tana ħajja ġdida.

Marbutin ma’ din il-festa tas-salvazzjoni tagħna

hemm il-jum qaddis tal-bidu tar-Randan imqaddes

li din is-sena se niċċelebrawh fit-2 ta’ Marzu;

it-tlugħ tal-Mulej fis-sema ser infakkruh fid-29 ta’ Mejju;

il-Ħadd, 5 ta’ Ġunju, niċċelebraw Għid il-Ħamsin

li jagħlaq iż-żmien tal-Għid il-Kbir tal-Mulej.

U hemm imbagħad l-ewwel Ħadd tal-Avvent

fis-27 ta’ Novembru, meta mill-ġdid mal-Knisja nibdew ngħixu

l-misteru tas-salvazzjoni tagħna.

Il-Knisja tħabbar ukoll il-misteru tal-Għid

meta, matul is-sena, tiċċelebra l-festi

tal-Imqaddsa Verġni Marija, Omm Alla u Omm il-Knisja,

tal-Appostli u tal-Qaddisin, tal-Martri u tar-Ragħajja tal-Erwieħ u tal-Verġni,

u kull meta tagħmel it-tifkira ta’ ħutna l-mejtin,

waqt li tagħti tifħir, ġieħ, glorja u radd il-ħajr

lill-Mulej Ġesù, li kien, li hu, u li jibqa’ għal dejjem,

Sid iż-żminijiet u Sultan tal-Ħolqien kollu.

Il-Festa Liturġika ta’san Ġiljan tkun ċelebrat fis-27 ta’Jannar waqt li l-festa fis-sajf ser taħbat fl-aħħar Ħadd t’Awwissu, iġifieri fit-28 t’Awwissu 2022.

About the author

Ikkummenta