Fit-2 ta’Frar, erbgħin jum wara l-festa tal-Milied, niċċelebraw il-festa tal-preżentazzjoni tal-Mulej fit-tempju ta’Ġerusalem. Din il-festa hija magħrufa wkoll bħala l-Gandlora, b’riferiment għax-xemgħa li titbierek fil-bidu taċ-ċelebrazzjoni tal-lum, u li d-dawl tagħha jfakkar li Kristu huwa “Dawl biex idawwal il-ġnus”, kif qal ix-xwejjaħ xmuni.
Fit-2 ta’Frar, niċċelebraw ukoll id-don tal-ħajja kkonsagrata fil-knisja. Il-persuni kkonsagrati, bħal Xmuni u Anna fit-Tempju, “qed jistennew il-faraġ ta’ Israel” u jżommu għajnejhom fuq dak li ma jidhirx. Hekk isiru don għad-dinja kollha, għax ifakkruna li aħna lkoll maħluqa biex nagħrfu u nħobbu lil Alla, u naslu fi ħdanu fil-glorja tas-sema.