Għid il-Ħamsin – Solennità – Quddiesa tal-Jum

Qari I

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

Meta wasal jum Għid il-Ħamsin, huma kienu lkoll flimkien f’post wieħed. F’daqqa waħda ġie mis-sema ħoss bħal ta’ riħ qawwi, u mela d-dar kollha fejn kienu qegħdin. U dehrulhom ilsna qishom tan-nar, li tqassmu u qagħdu fuq kull wieħed minnhom. Imtlew ilkoll bl-Ispirtu s-Santu u bdew jitkellmu b’ilsna oħra, skont ma l-Ispirtu kien jagħtihom li jitkellmu.

F’Ġerusalemm kien hemm xi Lhud, nies twajba minn kull nazzjon li hawn taħt is-sema. Malli nstama’ dan il-ħoss, inġabret kotra kbira, ilkoll imħawdin għax kull wieħed minnhom kien jismagħhom jitkellmu bl-ilsien tiegħu. Miblugħin u mistagħġbin, bdew jgħidu: “Dawn li qegħdin jitkellmu mhumiex ilkoll mill-Galilija? Mela kif kull wieħed minna qiegħed jismagħhom jitkellmu bi lsien art twelidu? Partin, Medin u Għelamin, nies mill-Mesopotamja, mil-Lhudija, mill-Kappadoċja, minn Pontu, mill-Asja, mill-Friġja, mill-Pamfilja, mill-Eġittu, mill-inħawi tal-Libja madwar Ċireni, nies li ġew minn Ruma, kemm Lhud u kemm prosèliti, oħrajn minn Kreta u Għarab, aħna lkoll qegħdin nisimgħuhom ixandru bl-ilsna tagħna l-għeġubijiet ta’ Alla!”

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 103 (104), 1ab.24aċ.29bċ-30.31.34

R/. (30): Ibgħat l-Ispirtu tiegħek, Mulej, u ġedded il-wiċċ tal-art

Bierek ruħ tiegħi, lill-Mulej!

Mulej, Alla tiegħi, inti kbir bil-bosta!

Kemm huma kotrana l-għemejjel tiegħek, Mulej!

Mimlija l-art bil-ħlejjaq tiegħek. R/.

Jekk teħdilhom nifishom, imutu,

u lejn it-trab jerġgħu jmorru.

Malli tibgħat in-nifs tiegħek, jinħolqu,

u inti ġġedded il-wiċċ tal-art. R/.

Jibqa’ sebħ il-Mulej għal dejjem!

Jifraħ il-Mulej bl-għemejjel tiegħu!

Ħa togħġbu l-għanja tiegħi,

għax jiena fil-Mulej l-hena tiegħi. R/.

Qari II

Qari mill-ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

Ħuti, dawk li jgħixu skont il-ġisem ma jistgħux jogħġbu lil Alla. Issa intom ma intomx taħt il-ħakma tal-ġisem, imma tal-Ispirtu, ladarba hemm l-Ispirtu ta’ Alla jgħammar fikom. Jekk xi ħadd ma għandux fih l-Ispirtu ta’ Kristu, dan mhuwiex tiegħu.

Jekk Kristu jgħammar fikom, għalkemm il-ġisem hu mejjet minħabba fid-dnub, imma l-Ispirtu hu ħajjitkom minħabba l-ġustizzja. Jekk l-Ispirtu ta’ dak li qajjem lil Ġesù mill-imwiet

jgħammar fikom, Alla stess li qajjem lil Kristu mill-imwiet iqajjem għall-ħajja wkoll il-ġisem mejjet tagħkom, bis-saħħa tal-Ispirtu li jgħammar fikom.

Hekk mela, ħuti, aħna m’aħniex midjunin mal-ġisem biex ngħixu skont il-ġisem. Għax jekk tgħixu skont il-ġisem, tmutu; imma jekk tmewtu l-għemil tal-ġisem bl-Ispirtu, tgħixu. Dawk kollha li jmexxihom l-Ispirtu ta’ Alla huma wlied Alla. Għax intom ma rċevejtux l-ispirtu li jwassalkom għall-jasar biex terġgħu taqgħu fil-biża’, imma rċevejtu l-Ispirtu li jagħmel minnkom ulied adottivi; u li bih aħna nistgħu ngħajtu: “Abbà! Missier!”. Dan l-Ispirtu jixhed flimkien mal-ispirtu tagħna li aħna wlied Alla. Jekk aħna wlied, aħna wkoll werrieta, werrieta ta’ Alla, werrieta ma’ Kristu: ladarba aħna nbatu miegħu, biex miegħu nkunu gglorifikati.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Sekwenza

Spirtu s-Santu, ejja fina,

raġġ ta’ dawl qaddis agħtina,

xerrdu f’ruħna mis-smewwiet.

O Missier il-foqra tiegħek,

inti ġġib id-doni miegħek,

tagħni b’dawlek qalb l-ulied.

Inti l-aqwa faraġ tagħna,

fik kull hena xħin tkun magħna,

tħossok fewġa ħelwa r-ruħ.

Fl-għaja, lejn is-serħ twassalna;

jekk imħeġġa wisq, trażżanna;

mill-għajnejn tixxotta d-dmugħ.

O dawl hieni ta’ qdusija,

nitolbuk li bik mimlija

tkun il-qalb ta’ kull fidil.

Mingħajr dawlek li jmexxina

ebda ħajr ma jkun hemm fina,

ebda safa fl-għemil.

Naddaf kull fejn hemm it-tbajja’,

fejn hemm nixfa reġġa’ l-ħajja,

lill-miġruħ agħtih fejqan.

Rattab fina l-ebusija,

agħti lill-berdin bżulija,

għin fit-triq lil min beżgħan.

Agħti s-seba’ doni tiegħek

lil min jimxi fidil miegħek

u li fik jistrieħ kull ħin.

Agħti ’l kull virtù sabiħa

ħlas ta’ salvazzjoni sħiħa,

agħti l-ġenna lit-tajbin.

Ammen. Hallelujah.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Hallelujah. R/. Hallelujah

Ejja, Spirtu s-Santu,

imla l-qlub tal-fidili tiegħek

u kebbes fihom in-nar ta’ mħabbtek.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Jekk tħobbuni, ħarsu l-kmandamenti tiegħi. U jiena nitlob lill-Missier, u hu jagħtikom Difensur ieħor biex jibqa’ magħkom għal dejjem. Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, u Missieri jħobbu, u aħna niġu u ngħammru għandu. Min ma jħobbnix ma jħarisx kliemi. U l-kelma li qegħdin tisimgħu mhijiex tiegħi, imma tal-Missier li bagħatni. Għedtilkom dan meta għadni magħkom. Imma d-Difensur, l-Ispirtu s-Santu, li l-Missier jibgħat f’ismi, jgħallimkom kollox u jfakkarkom dak kollu li għedtilkom”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

About the author

Ikkummenta