Għid il-Ħamsin – Solennità – Quddiesa tal-VĠILI

Qari I 

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi

L-art kollha kienet ilsien wieħed u kliem wieħed. Meta l-bnedmin telqu mil-Lvant sabu wita f’art Singħar u baqgħu hemm. U qalu wieħed lill-ieħor: “Ejjew nagħmlu l-madum u naħmuh sewwa!”. U l-madum kienu jużawh flok il-ġebel, u l-qatran flok it-tajn. U reġgħu qalu: “Ejjew nibnu belt għalina, u torri, bil-quċċata tiegħu tilħaq is-smewwiet, u nagħmlu isem għalina, ħalli ma nixterdux mal-wiċċ kollu tal-art”.

U l-Mulej niżel jara l-belt u t-torri li kienu qegħdin jibnu l-bnedmin. U l-Mulej qal: “Arahom, poplu wieħed u lsien wieħed għalihom ilkoll. U dan għadu l-bidu ta’ xogħolhom; issa kulma jiġihom f’rashom xejn ma jaqtgħalhom qalbhom! Ejja, ħa ninżlu u nħabblulhom ilsienhom, ħalli ma jifhmux ilsien xulxin”.

U l-Mulej xerridhom minn hemm għal fuq wiċċ l-art kollha, u waqfu mill-bini tal-belt. Għalhekk bdew isejħulha Babel, għax hemm ħawwad il-Mulej ilsien l-art, u minn hemm xerridhom il-Mulej mal-wiċċ kollu tal-art.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 32 (33), 10-11.12-13.14-15

R/. (12): Hieni l-ġens li l-Mulej hu Alla tiegħu

Il-Mulej ixejjen il-fehmiet tal-ġnus,

ifixkel il-ħsibijiet tal-popli.

Imma l-fehma tal-Mulej tibqa’ għal dejjem,

minn żmien għal żmien il-ħsibijiet ta’ moħħu. R/.

Hieni l-ġens li l-Mulej hu Alla tiegħu,

il-poplu li hu għażel b’wirt tiegħu.

Mill-għoli tas-smewwiet iħares il-Mulej,

u jara l-bnedmin kollha. R/.

Mill-post fejn jgħammar

jistħarreġ fuq dawk kollha li jgħixu fuq l-art.

Hu jsawwar il-qalb ta’ kull wieħed,

u jagħraf għemilhom kollu. R/.

Qari II

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

Ħuti, aħna nafu li l-ħolqien kollu għadu s’issa jitniehed bl-uġigħ tal-ħlas; u mhux hu biss, imma wkoll aħna li għandna l-ewwel frott tal-Ispirtu, aħna wkoll nitniehdu fina nfusna waqt li nistennew l-adozzjoni ta’ wlied, il-fidwa ta’ ġisimna. Aħna salvi bit-tama. Meta wieħed jara l-ħwejjeġ li jkun ittama, ma tkunx aktar tama; għax kif jista’ wieħed jittama l-ħwejjeġ li ġa jkun ra? Imma dak li qegħdin nittamaw, jekk m’aħniex narawh, qed nistennewh bis-sabar.

Hekk ukoll l-Ispirtu, min-naħa tiegħu, jgħinna fin-nuqqas ta’ ħila tagħna. Għax aħna anqas biss nafu nitolbu kif imiss, imma l-Ispirtu stess jidħol għalina bit-talb tiegħu bi tnehid li ma jistax jitfisser bil-kliem; u Alla, li l-ħarsa tiegħu tinfed il-qlub, jaf x’inhi x-xewqa tal-Ispirtu; bit-talb tiegħu jidħol għall-qaddisin skont ma jrid Alla.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Hallelujah. R/. Hallelujah

Ejja, Spirtu s-Santu, imla l-qlub tal-fidili tiegħek

u kebbes fihom in-nar ta’ mħabbtek.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Minnu joħorġu xmajjar ta’ ilma ħaj.

Ġw 7, 37-39

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

Fl-aħħar jum tal-festa, il-jum l-aktar solenni, Ġesù qam jgħid b’leħen għoli: “Min jieħdu l-għatx, jiġi għandi u jixrob. Kif tgħid l-Iskrittura, min jemmen fija, minnu joħorġu xmajjar ta’ ilma ħaj”. Dan qalu għall-Ispirtu li kellhom jirċievu dawk li jemmnu fih, għax l-Ispirtu kien għad ma ngħatalhomx, billi Ġesù kien għadu ma ġiex igglorifikat.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

About the author

Ikkummenta