Dun Gwann Caruana – Li niftakar – Michael Aquilina

Għadni niftakar meta Dun Ġwann ġie introdott mill-kappillan ta’ dak iż-żmien Dun Ġwann Galea. Fil-fatt kien mexxa il-purċissjoni tal-festa ta’ dik is-sena.
Tista tgħid integra mill-ewwel mal-komunita’ Ġiljaniża. Involva ruħu sew billi ppubblika għall-ewwel darba ir-rivista parrokkjali Il-Mixja li jekk niftakar tajjeb l-editur taghha kien Dr. Joseph Casssar. Kien jikkontribwixxi wkoll bil-kitba tiegħu Dun Anton Sciberras.
Dun Ġwann kien persuna li faċli titkellem miegħu. Kont issibu dejjem biex titkellem fil-privat miegħu, b’mod speċjali għal qrar.

Fl-1973, hekk kif jien u Hugo Agius Muscat ġejna lura mill-Vatikan kien kellimna u xtaq li jorganizza aħjar l-Abbatini. Fil-fatt jien spiċċajt prefett u Hugo viċi prefett. Kien jieħu ħafna interess u kien jorganizzalna ħafna attivitajiet bħal ħarġiet. Niftakar tajjeb kellu karozza żgħira u rnexxielu jdaħħal għaxart itfal biex ħadna ngħumu l-Armier, jekk niftakar tajjeb kienet ix-xalata tal-festa.  Attivita li bqajt niftakar kienet meta għamlilna party tal-Milied,ġabilna l-Grupp Greenfields li dak iż-żmien kien popolari ħafna. Kien jagħmel minn kollox biex fi żmien il-Milied kien itina rigal, dejjem b’xi ktieb interessanti. Dak iż-żmien mal-grupp tal-abbatini kien hemm magħna Marco Portelli li  llum huwa saċerdot. Tista tgħid li ż-żgħożija tiegħi għamiltha miegħu.

Niftakar darba ħadni nara t-tiżjin tal-Milied ġewwa l-Mosta u niftakar kemm kien kburi li kien mill-Mosta u ħadni wkoll id-dar tiegħu fejn laqqani m’ommu.


Xi ħaġa oħra li kienet laqtitni ħafna waqt festa partikulari hija meta dak iż-żmien il-briju waqt il-marċi kien ikun iktar qawwi, b’dawk li jkunu qegħdin jaqbżu ħafna drabi kienu jispiċċaw jitkellmu ħażin. Niftakar sew lill-kappillan Dun Ġwann Galea javża fuq l-artal fejn kien ta’ ultimatum li jekk l-imġieba ma titranġax, allura jkollu jwaqqaf il-marċi. U hawn daħal Dun Gwann u  ddeċċieda li jattendi fiżikament għall-marċi biex isir jaf aħjar lil dawn in-nies. Fil-fatt ma’ nistax ma’ niftakarx il-marċ tal-Ġimgha filgħaxija u narah fost dawk tal-briju f’ħinijiet anke jaqbeż magħhom. Nassigurakom li l-preżenza tiegħu ħalliet impatt ma’ dawk iż-żgħażagħ li jkunu fuq ta’ quddiem tal-marċ.
Dun Gwann ħadem ukoll fil-grupp taz-zgħazagħ li wkoll ta’ sehmu bil-kbir permezz tal-laqgħat u l-attvitajiet li kien jorganizza għalihom.

Għamel ukoll xogħol imprezzabbli ma’ numru kbir ta’ koppji li kien jgħinhom sakemm iwassalhom għaż-Żwieġ nisrani.

Pero’ Dun Ġwann kien dejjem jgħid li x-xewqa tiegħu hi li jmur il-missjoni. Għalija ma’ kienx qassis kwalunkwe. L-interess li kien jieħu fil-ħajja soċjali tan-nies waslitu li jmur jaħdem ġewwa l-Brażil u hemmhekk, l-istess bħalma għamel ġewwa San Ġiljan, ħalla it-timbru tiegħu – Is-sens qawwi ta’ komunita’ u umanita’ kbira għal kull bniedem fis-soċjeta’. 

Michael Aquilina

Lulju 2022 

   

About the author

Ikkummenta