Ħsibijiet dwar Dun Ġwann Caruana minn Dr. Hugo Agius Muscat – Lulju 2022

Lil Dun Ġwann sirt nafu fis-sajf tal-1970, meta mill-Belt Valletta l-familja tiegħi marret toqgħod San Ġiljan. Dun Ġwann kien għadu kif beda’ l-ħidma pastorali tiegħu fil-parroċċa, u peress li kien qed jieħu ħsieb l-abbatini, ħajjarni biex ningħaqad magħhom, u hekk għamilt. Kien jieħu ħsiebna b’ħafna għaqal u mħabba, dejjem jgħallem u jiggwida.

Dun Ġwann kien ukoll jorganizza ġiti għall-abbatini, bħal per eżempju meta ħadna r-Rotunda tal-Mosta fil-Ġimgħa l-Kbira biex naraw il-vari, li qalilna li huma l-aqwa f’Malta; ħaġa li tistenniha peress li Dun Ġwann kien Mosti! Niftakru wkoll jeħodna fl-Escort il-bajda l-Armier għax-xalata ta’ wara l-festa; aħjar ma nikkummentax fuq kemm il-abbati rnexxilu jdaħħal f’dil-karrozza u b’liema veloċità saq in-niżla lejn Baħar iċ-Ċagħaq! 

Eventwalment ilħaqt prefett tal-abbatini, u kont naħdem viċin Dun Ġwann biex jingħata l-aħjar servizz possibbli fuq l-altar. Lejn tmiem l-1976, mort miegħu għand Agius & Agius il-Belt, li kienu aġenti tal-kotba, biex nagħżlu rigali tal-Milied għall-abbatini. Fost il-kotba, ilmaħt wieħed jismu The Organ ta’ William Leslie Sumner illi, peress li kont għadni kif bdejt nistudja l-orgni u ndoqq għall-quddies fil-knisja, ġibidli l-attenzjoni. Dun Ġwann, malli rani interessat, mill-ewwel qalli li jista’ jkun ir-rigal tiegħi. Minn dal-ktieb sirt naf bl-orgni storiku li hemm fil-Katridral tal-Ingliżi l-Belt; kmieni fl-1977 daqqejt dan l-orgni għall-ewwel darba, u fl-1983 lħaqt l-organista ta’ dal-Katidral, fejn għadni sal-lum. Il-ktieb għadu għandi u jibqa’ tifkira għażiża ta’ Dun Ġwann.

Meta għalaqt 16-il sena, waqaft minn abbati imma komplejt naħdem ma’ Dun Ġwann fil-liturġija u ngħinu fi proġett ieħor tiegħu: ir-rivista tal-parroċċa “Il-Mixja”, jew biex nagħti l-isem sħiħ: “Il-Mixja tal-Komunità Ġiljaniża lejn il-Verità”. Missieri kien spiss jikkontribwixxi artikli għall-“Mixja”. Jien ktibt xi artikli wkoll u kont ngħin billi nikkorreġi l-provi tal-istampatur (kif kien isir dak iż-żmien qabel ma’ beda d-desktop publishing) u billi nqassam ir-rivista tul Triq Grenfell – kif kien jisimha dak iż-żmien – illum Triq Ġ. Borg Olivier.

Bħal ħafna Ġiljaniżi, iddispjaċini meta Dun Ġwann iddeċieda li jmur il-Brażil, biss fhimt li kien tassew jemmen fit-teoloġija tal-liberazzjoni, u ammirajtu li segwa t-twemmin tiegħu billi ħa l-pass kbir li jmur missjunarju fl-Amerika t’Isfel. Għal żmien twil tlift kuntatt miegħu, imma wara ħafna snin, sibtu fuq il-Facebook, u ġieli bgħattna messaġġi lil xulxin. Nibqa’ niftakru lil Dun Ġwann bħala qassis ħabrieki li verament għex il-vokazzjoni saċerdotali tiegħu.

Hugo Agius Muscat

About the author

Ikkummenta