Għeżież ħuti Ġiljaniżi,
Fl-24 ta’Ġunju li għadda, assistejna għal ċelebrazzjoni mill-isbaħ ta’ ringrazzjament għall-ħidma bla waqfien li wettaq Fr Claude Portelli matul id-dsatax-il sena li huwa għamel fostna. Snin ta’ ħidma f’diversi oqsma, ma’ persuni fil-bżonn, mal-għaqdiet u persuni diversi. Żgur li l-ħidma tiegħu ser nibqgħu nibbenefikaw minnha fis-snin li ġejjin.
Issa r-responsabbilta’ ta’ dan kollu li ħalla Fr Claude warajh, taqa’ fuqna. U meta ngħid fuqna mhux qed nirreferi biss għalija u għal Fr Joshua (li qiegħed jassistini) jew għas-saċerdoti l-oħra li jagħtu l-kontribut taghħom fil-parroċċa. Ir-responsabbilta’ taqa’ fuqna lkoll inkluż parruċċani lajċi, u dawk kollha li jiffrekwentaw din il-parroċċa. Flimkien irridu naħdmu biex nkomplu din il-ħidma.
Fil-Vanġelu (Lq 17: 11-19) għandna r-rakkont tal-fejqan ta’ għaxar morda bil-lebbra. Dil-marda kienet xi ħaġa tal-mistħija għaliex dak iż-żmien kienu joħorġuhom barra mir-raħal u jħalluhom ġo post għalihom biex żgur ma jikkontaminawx lill-oħrajn. Dawn l-għaxra marru għand Ġesù u qalulu: “Mgħallem, ikollok ħniena minna”. Dawn kellhom il-fidi f’Ġesù; fiduċja sħiħa li sa jfejjaqhom. U Ġesù fejjaqhom.
Iżda wieħed biss, is-Samaritan (il-barrani), reġa lura għand Ġesù. U Ġesù jiddispjaċih! Mhux sempliċiment għax ma qalulux grazzi (Ġesù jagħti b’ġenerożita u ma jippretendi xejn lura) imma Ġesù ddispjaċih għaliex lil dak li ġie għandu, is-Samaritan, seta’ jagħtih il-ferħ veru, lilu nnifsu, waqt li lid-disgħa l-oħra ma setghax jaghmel dan. Dawn ikkuntentaw rwieħhom biss biex huma jieħdu l-fejqan, il-fejqan fiżiku biss. Din hija d-differenza.
Ix-xewqa tiegħi hi li flimkien ngħaddu minn dik il-fidi sempliċi bħal ta’ dawk id-disgħa, għall-fidi aktar matura, li timlina bil-ferħ tal-Mulej. Bħall dak is-Samaritan, nixtieq li ngħajtu bil-ferħ għaliex sibna l-Mulej (ara Lq 17:15). Fuq dawn il-passi nixtieq li tkun ibbażata l-pastorali tiegħi.
B’mod aktar konkret, issa li għandna Ċentru tal-Konferenzi mgħammar tajjeb nixtieq li nagħmlu użu minnu biex inkompu nibnu l-kommunita’ f’din il-fidi li twassalna għal-ferħ ġenwin. Forsi faċli li nagħti l-flus għal-bini tal-ġebel imma l-bini tal-kommunita’ titlob aktar impenn minn kull wieħed u waħda minna.
Nappella biex flimkien inkomplu nibnu komunita’ ħajja u b’saħħitha. Irrid li flimkien naraw il-parroċċa minn lenti akbar u flimkien infasslu pjan ta’ ħidma, pjan li jaf iġib bidliet, pjan li jaf naraw toroq differenti minn dawk li aħna imdorrijin bihom illum.
Kif qalilna l-Papa Franġisku: “Hemm bżonn ngħassu biex il-prattika reliġuża ma tirriiduċix ruħha għar-repetizzjoni ta’ repertorju tal-passat, imma tkun tesprimi fidi ħajja, miftuħa li xxerred il-ferħ tal-Vanġelu. Għax il-ferħ tal-Knisja hu li tevanġelizza!” (Omelija fil-Laqgħa ta’ Talb fis-Santwarju ta’ Pinu, Għawdex, 2 ta’ April 2022).
Nagħtikom il-Barka tiegħi.
Fr Paul Mizzi
Amministratur Parrokjali