Lil Dun Ġwann sirt nafu għall-ewwel darba waqt l-aħħar ftit snin tiegħi fis-seminarju, meta hu kien għadu fil-bidu tal-formazzjoni tiegħu għas-saċerdozju. Dak iż-żmien kollna numru kbir fis-seminarju, u minkejja li Dun Ġwann kien wieħed ‘miż-zgħar’ (tal-ewwel snin) diġa’ kienu bdew jispikkaw fih dawk il-kwalitajiet, li fil-ħajja u l-ministeru saċerdotali, kellhom jinfluenzaw il-ħidma pastorali tiegħu:- L-imħabba u l-ġibda lejn il-missjoni, l-inklinazzjoni naturali tiegħu biex jiddiskuti u jfittex il-verita’, is-sinċerita’ u t-trasparenza tiegħu.

Sirt nafu ħafna aktar u aħjar, meta, ftit snin wara li sirt kappillan ġewwa San Ġiljan (fl-1966), u ftit wara li Dun Ġwann ġie ordnat saċerdot (1967), l-Arċisqof bagħtu bħala viċi miegħi. Kien iż-żmien meta kollna għadna kemm bdejna niffunzjonaw fil-knisja l-ġdida. Flimkien fassalna l-programm tal-ħidma pastorali fil-parroċċa fuq il-motto: “Tiġdid Spiritwali fil-Knisja l-Ġdida”. Dun Ġwann kien il-persuna ideali biex jagħti kontribut qawwi ħalli dan it-tiġdid spirtiwali jseħħ. Dan għamlu permezz tal-kuntatti personali ma’ ħafna parruċċani, permezz ta’ laqgħat ta’ studji f’diversi gruppi, permezz tal-kitba u anke fir-rivista’ tal-parroċċa “Il-Mixja tal-Komunita’ ta’San Ġiljan lejn il-Verita’”. Kollna fiż-żminijiet li fihom intemm il-Konċilju Vatikan it-Tieni, u beda’ l-aġġornament li l-konċilju ried li l-knisja tgħaddi minnhom. Idejat u xejriet ġodda li ntlaqgħu minn uħud b’entużjażmu u ottimiżmu kbir u minn oħrajn, b’xettiċiżmu u oppożizzjoni qawwija. F’dan ix-xenarju, li dam ikarkar għal numru ta’snin, kien hemm bżonn ta’ nies bilanċjati, sinċieri, lejali lejn il-verita’ biex jgħinu lill-poplu nisrani jifforma l-kuxjenza tiegħu, u jispira ruħu fl-għażliet importanti tal-ħajja mit-tagħlim ta’ Kristu kif insibuh fil-Vanġeli u kif twassalulna l-knisja. Dun Ġwann fehem li f’dawn l-ewwel snin tal-ħidma pastorali tiegħu, din kellha tkun preċiżament il-missjoni tiegħu.

Ħafna parruċċani ta’ dak iż-żmien, jiftakruħ dejjem dispost biex jaqsam kelma magħhom, jinteressa ruħu fil-ħajja u fil-problemi tagħhom, ma jaħrab qatt minn sitwazzjonijiet diffiċli u jara li joħroġ għonqu fejn hemm id-dinjita’ u d-drittijiet tal-bniedem imċaħħdin. Din il-ħaġa li spikka fiha aktar il-quddiem f’ħajjtu fil-missjoni tiegħu fil-Brażil, fejn iddefenda d-drittijiet tal-bdiewa kontra ir-regħba u l-prepotenza ta’ dawk li inġustament riedu jeħdulhom minn idejhom l-artijiet, li kienu l-unika’ mezz t’għejxien tal-familji tagħhom.
Qabel ma’ mar il-Brażil, fejn qatta’ nofs ħajtu, huwa kien jagħti servizz regolari bħala saċerdot fil-parroċċa tagħna ġewwa San Ġiljan. Huwa kellu wkoll inkarigi oħra fuq bażi djoċesana: Fis-soċjeta’ “Christuxs Rex”, fejn ta’ s-sehem għaqli u maniġerjali tiegħu fir-rifoma amministrattiva tad-djoċesi ta’ Malta, fis-seminarju bħala ekonomu u għen mhux ftit biex is-seminarju li issa kien ġie trasferit minn San Kalċidonju, fil-Floriana, għal Tal-Virtu’ fir-Rabat, jiġi fornut b’dak kollu li kien meħtieġ biex joħorġu saċerdoti preparati għall-isfidi ġodda tas-soċjeta’, bit-tibdil kollu tagħha li kienet qed tiffaċċja.

F’din il-ħidma kollha, Dun Ġwann baqa’ dejjem jżomm ruħu aġġornat ma’ dak li jkun qed jiġri madwaru, fl-oqsma kollha tal-ħajja, u dan mhux bħala spettatur, imma bħala membru attiv, li jħoss li huwa dmir tiegħu, li jagħti sehem fid-diskussjoni, u li juri t-triq it-tajba lil min qiegħed jiddubita, jew intenzjonalment iqarraq. Mhux dejjem kulħadd fehmu. Billi qatt m’aċċetta l-kompromess, huwa ġibed fuqu l-kritika’ ta’ dawk li kellhom interess li jibqa’ kollox kif inhu u ma jinbidel xejn u jipprova jsodd ħalq min qiegħed jiddefendi s-sewwa u l-ġustizzja, u anke ta’ min, waqt li hu fid-dmir li jiddefendi l-korruzzjoni u l-inġustizzja, dan jibża’ jagħmlu, minħabba l-konsegwenzi li jista’ jkollu fuq ħajtu.

Fuq il-ħidma ta’ Dun Ġwann fil-Brażil, ftit nista’ ngħid, ħlief dak li smajna fuqu minn missjunarji oħra li għexu miegħu u minn dak li kien jgħid meta jiġi Malta għall-vaganzi. Li dejjem jolqotni f’Dun Ġwann huwa li l-entużjażmu għall-ħidma tiegħu, speċjalment għat-tixrid tas-sewwa u għad-difiża tad-drittijiet umani, ma naqsu qatt, lanqas meta saħħtu bdiet tnaqqas.
Mons.Dun Ġwann Galea
