Tislima lil Dun Gwann Caruana minn Rev. Marco Portelli

Il-memorja li għandi ta’  Dun Ġwann Caruana hija ta’ qassis dinamiku, dejjem joħlom, joħloq, persuna b’sens kbir ta’ ġustizzja, li jħaddan għan ewlieni – li jtejjeb il-ħajja tal-persuni fuq diversi livelli. Kif qatt nista’ ninsa id-diskussjonijiet interessanti,  dinamiċi għall-aħħar u mimlijin ħafna batuti profondi li jipprovokaw il-ħsieb li kien dejjem iqajjem fil-grupp taż-żgħażagħ fil-Parroċċa ta’ San Ġiljan!

Dun Marco Portelli

Kien żmien sabiħ f’ħajti, li wara li kont tajt servizz twil fil-grupp tal-abbatini, bdejt niffrekwenta il-grupp taż-żgħażagħ tal-Parroċċa immexxi minn Dun Gwann Caruana, fejn tgħallimt mhux ftit fuq il-ħtiġijiet tal-persuni fil-bżonn u fuq il-bżonn ta’ kull bniedem biex jgħix ħajja tajba, b’rispett u dinjità.

Dan kollu żgur li ħalla impatt fija fi żmien li kont għadni qed infittex dak li Alla xtaq minni f’ħajti. Id-diskussjonijiet kienu jisfidawna biex inġibu fil-prattika l-Kelma ta’ Alla f’ħajjitna u fis-soċjetà ta’ madwarna, li anke min dak iż-żmien bdiet tinħass il-bżonn li nħarsu l-valuri Nsara li konna writna, għaliex il-qafas tal-valuri fis-soċjetà kien diġà beda jiġi sfidat sewwa.

B’dan kollu, min qalbi nixtieq ngħid GRAZZI lil Dun Gwann Caruana, li għalkemm id-deċiżjoni finali biex nibda t-triq lejn is-saċerdozju ttieħdet ftit snin wara li huwa mar il-Brazil, xorta waħda ċert li bħala qassis kien mudell tajjeb biex meta ħassejt is-sejħa mill-Mulej għas-sacerdozju stajt inwieġeb iva u b’ġenerożità. Ma kienx l-unika qassis fil-Parroċċa ta’ San Ġiljan li tani eżempju tajjeb u kien ta’ ispirazzjoni fil-mixja tiegħi lejn is-saċerdozju, imma l-okkażjoni ta’ dawn il-ftit riflessjonijiet titlob li niffukaw fuq il-ħajja ta’ Dun Gwann Caruana. Kien bniedem li jgħix dak li jippriedka. Dak li kien konvint minnu, kien jaħdem bis-sħiħ għalih biex jitwettaq. Kellu impatt qawwi anke fid-djoċesi Maltija fejn diversi drabi kien ta’ ispirazzjoni b’diversi ideat. 

Fuq kollox, li titlaq lil pajjiżek u tmur lejn il-Brażil, f’post fejn il-ħidma missjunarja kienet mimlija sfidi, nibtet fija wkoll il-bżonn spiritwali li naħseb anke f’dawk li jinsabu ‘l bogħod. Dun Ġwann tani perspettiva spiritwali u pastorali iktar miftuħa u globali. Din ukoll kienet xi ħaġa li ħalliet effett fija, għax tagħtni l-messaġġ li kull ħidma żgħira jew kbira, fil-viċin jew fil-bogħod, hija missjoni importanti.

Nieħu din l-opportunità sabiex b’ispirazzjoni u mudell ta’ Dun Gwann Caruana, nagħmel kuraġġ lil kull min jaqra dan il-ħsieb biex jistaqsi lilu nnifsu, x’inhi l-missjoni partikulari afdata f’idejja mill-Mulej? Il-Mulej lil kulħadd jagħtih missjoni xi jwettaq f’ħajtu. Aħseb fuqha, itlob fuqha, skopriha, u tara li inti wkoll tkun qed tikkollabora mal-Mulej sabiex bosta bnedmin jgħixu aħjar, mhux biss fuq il-livell uman b’dinjità, b’ġustizzja u fil-paċi, imma wkoll fuq livell ta’ fidi u fiduċja sħiħa fil-Mulej.

U jekk inti li qed taqra tħoss li Alla qed isejjaħlek għas-saċerdozju, taqtax qalbek, imma fittex lil min jista’ jgħinek tagħraf aħjar din is-sejħa. Hekk flimkien, saċerdoti u lajċi, inkomplu l-missjoni afdata f’idejna li nwasslu l-Bxara t-Tajba lill-bnedmin kollha, dejjem u kullimkien.

Grazzi Dun Ġwann Caruana li ħallejt f’qalbi u f’ħajti mudell ta’ Saċerdot eżemplari. Nitolbok titlob għad-Djoċesi tagħna sabiex il-Mulej jagħtina aktar vokazzjonijiet saċerdotali. Il-Mulej jagħtik il-mistrieħ ta’ dejjem.  Ammen.

Sliem u barka

Fr Marco Portelli

About the author

Ikkummenta