Programm taċ-Ċelebrazzjonijiet fl-okkażjoni tal-Festa Titulari ta’ San Ġiljan Ospitalier fil-Parroċċa u l-Lokalità li jġibu Ismu – 20 – 28 t’Awwissu 2022

Jum it-Tħabbira tal-Festa

Is-Sibt, 20 t’Awwissu

5.30PM| Ġostra tradizzjonali minn fuq il-pont tal-Qaliet organizzata mill-Għaqda tal- Ġostra.

7.45PM| Quddiesa f’Xatt is-Sajjieda, Bajja Spinola mill-Amministratur Parrokkjali u Kappillan-Elett, ir-Rev.du Dun Paul Mizzi, u animata mill-aljievi tal-Banda San Ġiljan u s-St Julian’s Youth Band. (Illum ma ssirx il-quddiesa tat-7.45pm fil-Knisja Parrokkjali).

Wara l-quddiesa jkun hemm lejla Maltija fl-istess post bis-sehem tas-St Julian’s Youth Band, li tferraħ lil dawk preżenti b’kunċert ta’ mużika popolari taħt id-direzzjoni tal-Aġent Surmast Jessica Ellul.

Il-Ħadd, 21 t’Awwissu

Jum il-Familja

7.00PM| Fil-Knisja Parrokkjali, quddiesa għall-familji kollha tal-parroċċa mir-Rev.du Dun Marco Portelli, Direttur Spiritwali tal-Grupp Familji fi ħdan il-parroċċa, animata minn Andrew Cauchi u l-familja. Mistiedna jattendu koppji li ngħaqdu fis-sagrament taż-żwieġ mill-festa tas-sena l-oħra sal-lum u koppji li għalqu xi anniversarju speċjali taż-żwieġ (speċjalment dawk li għalqu 25 jew 50 sena miżżewġin).

8.00PM| Fil-Każin Banda San Ġiljan issir l-inawgurazzjoni u t-tberik tal-pittura l-ġdida li ser tiddekora s-sala prinċipali tal-Każin Banda San Ġiljan. Waqt din l-inawgurazzjoni jsir ir-riċeviment tal-festa mogħti mill-istess każin. Mużiċisti mill-Banda San Ġiljan se jkunu qegħdin iferrħu lil dawk preżenti b’mużika popolari.

It-Tnejn, 22 t’Awwissu

Jum id-Dilettanti tal-Festa

Ħruġ tal-Vara min-Niċċa

7.00PM| Quddiesa fil-Knisja Parrokkjali mill-Amministratur Parrokkjali u Kappillan-Elett, ir-Rev.du Dun Paul Mizzi, u animata mis-St. Julian’s Choral Group, immexxi mis-Sur Pio Dalli. Mistiedna speċjali membri tal-għaqdiet li jorganiżżaw jew jieħdu sehem attiv fil-festa ta’ San Ġiljan, dilettanti tal-festa u persuni li jisimhom għall-qaddis patrun San Ġiljan.

Wara l-quddiesa, il-vara titulari ta’ San Ġiljan tinħareġ min-niċċa tagħha u titwassal fuq fuq iz-zuntier tal-knisja, fejn tiġi milqugħa mill-Banda San Ġiljan li tagħtiha tislima permezz tad-daqq tal-innu popolari u innijiet u marċi oħra.

Mal-ħruġ tal-vara fuq iz-zuntier jinħarqu salut u kaxxa infernali bil-beraq minn Triq Michelanġ Borg organizzati mis-Sur Julian Sammut.

Wara, il-Banda San Ġiljan tissokta bil-marċi tagħha tul il-pont tal-Knisja u t-toroq: Wied Għomor, il-Mensija, Wied Għomor, Forrest, il-Mensija, San Ġorġ sal-każin.

9.45PM| Kaxxa infernali mill-Għaqda Piroteknika San Ġiljan, hekk kif il-marċ jasal fi Triq il-Mensija.

It-Tlieta, 23 t’Awwissu

Jum l-Anzjani u l-Morda

6.30PM| Fil-Knisja Parrokkjali l-Antika (Ta’ Lapsi), quddiesa għall-anzjani u l-morda organiżżata mill-Kummissjoni Djakonija, li fiha jiġi amministrat is-sagrament tal-griżma tal-morda. Il-quddiesa tkun immexxija mir-Rev.du Dun Claude Portelli, ex-kappillan tal-parroċċa, u animata mis-St Julian’s Choral Group taħt it-tmexxija tas-Sur Pio Dalli.

Wara jkun hemm riċeviment għall-anzjani fuq iz-zuntier tal-Knisja ta’ Lapsi. (Fis-7.00pm ikun hemm xorta waħda quddiesa fil-Knisja Parrokkjali.)

L-Erbgħa, 24 t’Awwissu

Jum it-Tfal u l-Adolexxenti

7.00PM| Fil-Knisja Parrokkjali tiġi ċċelebrata quddiesa għat-tfal u l-adolexxenti kollha tal-parroċċa mir-Rev.du Dun Osmar Baldacchino, Viċi-Kappillan tal-Parroċċa Tal-Ibraġ.  Il-quddiesa tkun animata mill-Banda taż-Żgħażagħ tas-Soċjetà Mużikali Spinola taħt id-direzzjoni tas-Surmast Aldo Minuti.

7.45PM| ssir manifestazzjoni għat-tfal bl-istatwa ta’ San Ġiljan, xogħol ta’ Chris Micallef, mill-Knisja Parrokkjali sal-Knisja ta’ Lapsi. Il-manifestazzjoni tiġi akkumpanjata mill-Banda taż-Żgħażagħ tas-Soċjetà Mużikali Spinola u tgħaddi minn Triq il-Kbira, Triq il-Karmnu, Triq Sant’Anġlu, Triq Lapsi. Il-briju f’din il-manifestazzjoni jkun organizzat mill-grupp Briju Ġiljaniż u mill-Għaqda Dilettanti Knisja ta’ Lapsi, San Ġiljan.

Wara l-Banda taż-Żgħażagħ tas-Soċjetà Mużikali Spinola tkompli bil-marċi tagħha tul it-toroq: Lapsi, Pjazza tar-Rogazzjonijiet, San Mark, San Mikiel, Lapsi lura sal-Knisja ta’ Lapsi.

9.00PM| Selezzjoni mill-Banda San Ġiljan iddoqq marċi u mużika popolari quddiem il-każin tal-banda fi Triq San Ġorġ.

Il-Ħamis, 25 t’Awwissu

Jum l-Għaqdiet u Ċelebrazzjoni tas-60 Anniversarju mill-Ordinazzjoni ta’ Mons. Ġwann Galea

7.00PM| Fil-Knisja Parrokkjali ssir quddiesa ta’ Radd il-Ħajr lil Alla għad-don tas-Saċerdotzju mill-W.R. Mons. Ġwann Galea, fl-okkażjoni tas-sittin anniversarju mill-ordinazzjoni saċerdotali tiegħu. Għal din il-quddiesa, li tiġi organiżżata mill-Kunsill Pastorali Parrokkjali, huma mistiedna b’mod speċjali l-kummissjonijiet parrokkjali u l-għaqdiet reliġjużi u soċjali tal-parroċċa. Il-quddiesa tkun animata mis-St Julian’s Choral Group, taħt it-tmexxija tas-Sur Pio Dalli.

F’din il-quddiesa, il-membri tal-kummissjonijiet u l-għaqdiet jippreżentaw għotja b’risq il-proġetti ta’ karità tal-Parroċċa. Wara jkun hemm riċeviment fuq iz-zuntier tal-Knisja.

8.30PM| Marċ mill-Banda Spinola fejn takkumpanja l-istatwa ta’ Malta Rebbieħa, mill-Knisja Parrokkjali għal Triq Lapsi, Triq il-Kbira fejn f’Misraħ il-Qalb ta’ Ġesù tittella’ l-istatwa ta’ Malta Rebbieħa fuq il-kolonna. Il-marċ jissokta minn Misraħ il-Qalb ta’ Ġesù għal Triq Wied Għomor, Triq Forrest, Triq il-Mensija, Triq San Ġorġ, Triq Ross, Triq Luigi Apap, Triq Francis Zammit sal-każin tas-soċjetà.

9.00PM| Selezzjoni mill-Banda San Ġiljan iddoqq marċi u mużika popolari quddiem il-każin tal-banda fi Triq San Ġorġ.

Il-Ġimgħa, 26 t’Awwissu

6.00PM| Quddiesa letta fil-Knisja ta’ Lapsi mill-W.R. Ryan Lee Pace, Viċi-Parroku u Kanonku tar-Reverendissimu Kapitlu tal-Perinsinji Kolleġġjata ta’ Sant’Elena, Birkirkara. Wara l-quddiesa, il-W.R. Kan. Michael Galea, Direttur tal-Fondazzjoni Arka, Għawdex u Kanonku tal-Kolleġġjata ta’ Marija Bambina, ix-Xagħra, Għawdex jinseġ prietka b’tifħir u glorja lil San Ġiljan.

Hekk kif tintemm il-prietka, tingħad il-kurunella, isir il-kant tal-Innu tal-Istrofi Nomine Insignem u l-antifona Beate Juliane (1847). Fl-aħħar tingħata l-barka sagramentali. Il-liturġija ser tiġi ppreseduta mir-W.R. Kan. Ryan Lee Pace.

Jieħu sehem l-Amadeus Chamber Choir u l-orkestra taħt it-tmexxija ta’ Mro Brian Cefai. Tiġi esegwita mużika mill-Cappella Nani.

Wara jkun hemm riċeviment għal dawk kollha li jattendu fuq iz-zuntier tal-Knisja ta’ Lapsi mogħti mill-Kunsill Lokali San Ġiljan. Is-Sindku ta’ San Ġiljan, Dott. Albert Buttigieg, jagħmel preżentazzjoni lill-Għaqdiet kollha tal-festa.

7.00PM| Quddiesa fil-Knisja Parrokkjali mir-Rev.du Dun Jean Claude Attard, saċerdot novell, li jservi fil-Parroċċa ta’ Kristu Rxoxt ġewwa Pembroke, u animata mis-St Julian’s Choral Group. Fi tmiem il-quddiesa, issir il-preżentazzjoni tat-trabi lil San Ġiljan u tingħata tifkira.

8.15PM| Marċ mill-Banda Spinola mit-toroq mill-każin tas-soċjetà fi Triq Francis Zammit għal Triq San Ġorġ, Trejqet Dragonara sat-tarf u lura, Triq Ball, Triq il-Wilġa, Triq il-Knisja, Triq Dobbie, Vjal Paceville, fejn minn Triq Ross, il-Banda takkumpanja l-istatwa tal-Papa San Ġwanni Pawlu II. Il-marċ jissokta tul Triq San Ġorġ sa Misraħ il-Qalb ta’ Ġesù fejn tittella’ l-istatwa tal-Papa Ġwanni Pawlu II fuq il-kolonna.
Wara l-istess banda tagħmel marċ qasir minn Misraħ il-Qalb ta’ Ġesù għal Triq San Ġorġ, Triq Francis Zammit sal-każin.

8.30PM| Marċ mill-Banda San Ġiljan li jibda minn Telgħet Birkirkara, Triq Sant’ Anġlu, Triq Lapsi, Triq il-Kbira, Triq San Ġorġ sal-każin tal-istess banda.

Mal-wasla taż-żewġ baned fi Pjazza Spinola jindaqq l-innu popolari miż-żewġ baned u tinfetaħ l-imrewħa mill-grupp Briju Ġiljaniż.

Is-Sibt, 27 t’Awwissu

Lejlet il-Festa

5.30PM| Ġostra tradizzjonali minn fuq il-pont tal-Qaliet organizzata mill-Għaqda tal- Ġostra.

5.45PM| Quddiesa fil-Knisja Parrokkjali l-Antika (Ta’ Lapsi) mir-Rev.du Dun Sean Abela, saċerdot novell li jservi fil-Parroċċa ta’ Marija Mtellgħa s-Sema fl-Imġarr.

6.30PM| Translazzjoni solenni bir-relikwa ta’ San Ġiljan mill-Knisja Parrokkjali l-Antika (Ta’ Lapsi) sal-Knisja Parrokkjali mmexxija mir-Rev.du Dun Joshua Cortis, Viċi-Parroku.

7.00PM| Ir-Rev.du Dun Joshua Cortis, Viċi-Parroku, jiċċelebra quddiesa solenni fil-Knisja Parrokkjali, bis-sehem l-Amadeus Chamber Choir u l-orkestra mmexxija minn Mro. Brian Cefai. Tiġi esegwita Missa Brevis in D Major – K194 ta’ Wolfgang Amadeus Mozart (1774). (Illum ma ssirx il-quddiesa tat-7.45pm.)

8.15PM| Dimostrazzjoni ferrieħa bl-istatwa ta’ San Ġiljan, mill-banda tas-Soċjetà Mużikali Spinola li tibda minn Triq il-Kbira għal Triq Ġorġ Borg Olivier sa Misraħ il-Qalb ta’ Ġesù fejn l-istatwa ta’ San Ġiljan tittella’ fuq il-kolonna bid-daqq tal-Innu Popolari lil San Ġiljan ta’ Mro. Angelo Pullicino flimkien mal-Banda San Ġiljan. Wara, l-istess banda tagħmel marċ li jibda minn Misraħ il-Qalb ta’ Ġesù għal Triq San Ġorġ, Triq Francis Zammit sal-każin tas-soċjetà.

9.00PM| Marċ mill-Banda San Ġiljan. Jibda minn ħdejn il-Knisja ta’ Lapsi għal Triq Sant’Anġlu, il-Karmnu, il-Kbira, u jingħaqad mal-Banda Spinola fi Triq Ġorġ Borg Olivier.

9.45PM| Spettaklu tan-nar b’tislima lil Sunny Sammut, fil-Bajja Spinola mill-Għaqda Piroteknika San Ġiljan li jikkonsisti f’blalen, sfejjer, fetqiet tal-kulur, u kaxxa infernali.

Il-Ħadd, 28 t’Awwissu

Jum il-Festa

Il-ħin tal-quddies ikun hekk: 8.00am, 9.00am (Knisja ta’ Lapsi), 9.30am (solenni), 11.30am (minflok tal-12.15pm) u fis-6pm.

9.30AM| Fil-Knisja Parrokkjali, quddiesa solenni mmexxija mill-Amministratur Parrokkjali u Kappillan-Elett, ir-Rev.du Dun Paul Mizzi, flimkien mal-kleru tal-parroċċa.  Il-quddiesa tkun animata mill-Amadeus Chamber Choir u l-orkestra mmexxija minn Mro. Brian Cefai. Tiġi esegwita l-Missa Brevis (2021), kompożizzjoni ta’ Mro Brian Cefai.

11.30AM| Marċ mill-Banda San Ġiljan jibda mit-tarf ta’ Triq Ġorġ Borg Olivier, Triq San Ġorġ sal-każin. Fi tmiem il-marċ l-Għaqda Piroteknika San Ġiljan tagħlaq b’wirja oħra ta’ piroteknika fil-Bajja Spinola.

5.30PM| Ġostra tradizzjonali minn fuq il-pont tal-Qaliet organizzata mill-Għaqda tal- Ġostra.

6.00PM| Quddiesa letta fil-Knisja Parrokkjali qabel il-ħruġ tal-purċissjoni mill-W.R. Kan. Martin Bruno, Kanonku tal-Kolleġġjata ta’ San Ġorġ Martri, Ħal Qormi u saċerdot residenti fil-parroċċa.

7.00PM| Ħruġ tal-purċissjoni bl-istatwa artistika ta’ San Ġiljan, immexxija mir-Rev.du Dun Joshua Cortis, Viċi-Parroku. Jingħata salut mill-kaċċaturi miġbura fuq il-bejt tal-knisja. Waqt il-ħruġ tal-purċissjoni jinħarqu salut u kaxxa infernali organizzati mis-Sur Julian Sammut minn Triq Michelanġ Borg.

Il-Banda San Leonardu ta’ Ħal Kirkop, mistiedna tal-Każin Banda San Ġiljan, tilqa’ l-purċissjoni fuq iz-zuntier tal-knisja bid-daqq tal-innu popolari u wara takkumpanjaha matul it-toroq: Forrest, Mensija, San Ġorġ, il-Kbira, Lapsi, Sant’ Anġlu, Telgħet B’Kara, il-Kbira u Ġorġ Borg Olivier.

8:00PM Marċ mill-Banda San Gabriel ta’ Ħal Balzan, mistiedna tas-Soċjetà Mużikali Spinola, jibda mill-każin tas-soċjetà fi Triq Francis Zammit għal Triq San Ġorġ, Misraħ il-Qalb ta’ Ġesù, Triq Ġorġ Borġ Olivier sa kantuniera ma’ Triq il-Kbira.

9.00PM| Il-Banda San Gabriel ta’ Ħal Balzan, tilqa’  l-istatwa artistika ta’ San Ġiljan fi Triq Ġorġ Borg Olivier bl-innu popolari u takkumpanja l-purċissjoni b’innijiet  u marċi proċessjonali sad-dħul tagħha fil-Knisja.

9.45PM| Spettaklu tan-nar fil-Bajja Spinola mill-Għaqda Piroteknika San Ġiljan b’akkumpanjament lill-purċissjoni li tkun għaddeja minn Triq Borg Olivier u Pjazza Spinola,  li jikkonsisti f’blalen, sfejjer, murtali b’fetqiet tal-kulur, u kaxxa infernali tal-aħħar.

10.15PM| Il-Ġiljaniżi jkunu jistgħu jerfgħu l-vara ta’ San Ġiljan tul Triq Wied Għomor sal-pont tal-knisja.

Waqt id-dħul tal-purċissjoni u l-wasla tal-vara fuq il-pont u z-zuntier tal-knisja jkun hemm akkumpanjament ta’ nar u kaxxa infernali tal-kulur minn Triq Michelang Borg organizzati mis-Sur Julian Sammut.

11.00PM| Dħul tal-purċissjoni fil-knisja, milqugħa bil-kant tal-antifona Beate Juliane ta’ Dr Paolo Nani (1847) mill-Amadeus Chamber Choir. Wara ssir Ċelebrazzjoni Ewkaristika u jitkanta l-innu ta’ San Ġiljan.

About the author

Ikkummenta