Qari I
Tintemm l-għajta tal-imhejmin.
Għam 6:1a,4-7
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Għamos
Dan jgħid il-Mulej li jista’ kollox:
“Ħażin għalihom
dawk li f’Sijon għandhom moħħhom mistrieħ,
dawk li qalbhom qawwija fil-muntanja tas-Samarija!
Fuq sodod tal-avorju mimduda,
jitmattru fuq il-friex;
u ħrief il-merħla jieklu, għoġiela mill-istalla.
Mal-arpa jqabblu l-għana,
bħal David strumenti jivvintaw.
L-inbid ilegilguh minn bwieqi kbar,
u bl-ifjen żjut jindilku,
bla xejn ma jsewdu qalbhom
għall-qerda ta’ Ġużeppi.
Għalhekk ikunu l-ewwel fost dawk li jittieħdu fl-eżilju,
u tintemm imbagħad l-għajta tal-imhejmin”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
Salm Responsorjali
Salm 145(146):7,8-9a,9bċ-10
R/.(1b): Faħħar, ruħ tiegħi, il-Mulej!
Il-Mulej li jagħmel ħaqq lill-maħqurin,
u jagħti l-ħobż lill-imġewħin.
Il-Mulej li jeħles lill-imjassrin. R/.
Il-Mulej li jiftaħ għajnejn l-għomja;
il-Mulej li jerfa’ lill-milwijin;
il-Mulej li jħobb lill-ġusti;
il-Mulej li jħares lill-barranin. R/.
Il-Mulej iżomm lill-iltim u lill-armla,
imma lill-ħżiena jħarbtilhom triqathom.
Il-Mulej isaltan għal dejjem;
Alla tiegħek, Sijon, minn nisel għal nisel. R/.
Qari II
Ħares l-istruzzjonijiet sa jum id-dehra ta’ Sidna Ġesù Kristu.
1 Tim 6:11-16
Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Timotju
Int, bniedem ta’ Alla, fittex li jkollok il-ġustizzja, it-tjieba, il-fidi, l-imħabba, is-sabar, il-ħlewwa. Tqabad it-taqbida t-tajba tal-fidi; qis li tirbaħ il-ħajja ta’ dejjem li għaliha kont imsejjaħ u li tagħha għamilt l-istqarrija sabiħa quddiem ħafna xhieda.
Inwissik quddiem Alla li jagħti l-ħajja lill-ħlejjaq kollha, u quddiem Kristu Ġesù li xehed u għamel l-istqarrija sabiħa quddiem Ponzju Pilatu. Inwissik biex tħares l-istruzzjonijiet li rċevejt u żżomm ruħek bla tebgħa u bla ħtija sa jum id-dehra ta’ Sidna Ġesù Kristu, li għad juriha f’waqtha.
Dak li hu l-hieni u waħdu setgħani, is-Sultan tas-slaten u s-Sid tas-sidien, li hu biss ma jmut qatt u jgħammar f’dawl li ħadd ma jista’ jersaq lejh, hu li ebda bniedem qatt ma rah u anqas qatt jista’ jarah. Lilu ġieħ u setgħa għal dejjem! Amen.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
2 Kor 8:9
Hallelujah. R/. Hallelujah.
Sidna Ġesù Kristu, għad li kien għani, ftaqar minħabba fikom,
sabiex intom tistagħnu permezz tal-faqar tiegħu.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Lazzru, il-ħażin irċevieh f’ħajtu, issa hu qiegħed jitfarraġ.
Lq 16:19-31
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-Fariżej: “Mela kien hemm raġel għani, jilbes il-porpra u għażel mill-ifjen; l-hena tiegħu kien li kuljum jagħmel ikla mill-aħjar. U wieħed fqir jismu Lazzru, li kellu ġismu ġerħa waħda, kien imur jinxteħet ħdejn il-bieb ta’ daru, bix-xewqa li jixba’ b’dak li jaqa’ mill-mejda tal-għani. Sal-klieb kienu jmorru jilagħqu l-ġrieħi tiegħu.
Ġara li l-fqir miet, u l-anġli ħaduh fi ħdan Abraham. Imbagħad miet ukoll l-għani, u difnuh. Dan, kif sab ruħu fi tbatijiet ħorox f’Art l-Imwiet, rafa’ ħarstu, u mill-bogħod lemaħ lil Abraham, b’Lazzru fi ħdanu. U għolla leħnu u qallu: “Missier Abraham, ikollok ħniena minni u ibgħat lil Lazzru jbill tarf sebgħu fl-ilma ħa jtaffili n-nixfa li għandi fi lsieni, għax qiegħed ninħaqar wisq f’dan in-nar”.
Iżda Abraham qallu: “Ibni, ftakar li t-tajjeb tiegħek irċevejtu f’ħajtek; hekk ukoll Lazzru, il-ħażin irċevieh f’ħajtu. Imma issa hu hawnhekk qiegħed jitfarraġ, waqt li inti qiegħed tbati. Barra minn dan, hemm vojt bla qies bejnkom u bejnna, biex min ikun irid jaqsam minn hawn għal għandkom ma jkunx jista’, u anqas ma jgħaddu minn hemm għal għandna”. Qallu l-għani: “Mela nitolbok, missier, ibagħtu f’dar missieri, għax għandi ħames aħwa, ħalli jagħmlilhom twissija kif imiss, li ma jmorrux huma wkoll jiġu f’dan il-post ta’ tbatijiet ħorox!”. Qallu Abraham: “Għandhom lil Mosè u l-Profeti; jisimgħu lilhom”. Qallu dak: “Le, missier Abraham, imma jekk imur għandhom xi ħadd mill-imwiet, jindmu”. Iżda wieġbu Abraham: “Jekk ma jisimgħux lil Mosè u l-Profeti, anqas jekk iqum xi ħadd mill-imwiet ma jemmnu”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.