Qari I
Min jista’ jifhem xi jrid il-Mulej?
Għerf 9:13-19
Qari mill-Ktieb tal-Għerf
Min jista’ jagħraf ħsieb Alla?
Min jista’ jifhem xi jrid il-Mulej?
Beżżiegħa huma ħsibijiet il-bnedmin,
u kull pjan tagħna mhu xejn fiż-żgur;
għax ruħna mtaqqla b’ġisem li jitħassar,
u għar-ruħ li taħseb hu piż it-tafal li fih tgħammar.
Bilkemm nistgħu nintebħu x’hemm fuq l-art,
u bit-tbatija nsibu dak li hu taħt għajnejna;
mela min jista’ jitkixxef fuq il-ħwejjeġ tas-sema?
Min qatt għaraf ir-rieda tiegħek,
jekk int innifsek ma tajtux l-għerf,
u ma bgħattx fuqu mill-għoli l-ispirtu qaddis tiegħek?
Hekk saru dritti triqat in-nies tal-art,
hekk tgħallmu l-bnedmin dak li jogħġob lilek,
u salvaw bis-saħħa tal-għerf.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
Salm Responsorjali
Salm 89(90):3-4,5-6,12-13,14,17
R/.(1): Mulej, int kenn għalina.
Int traġġa’ l-bnedmin lejn it-trab,
u tgħidilhom: “Erġgħu lura, intom bnedmin!”.
Elf sena huma għalik bħall-jum tal-bieraħ li għadda,
jew bħal sahra tal-lejl. R/.
Int taħsadhom, u jsiru bħal ħolma.
Huma bħall-ħaxix li jinbet filgħodu;
filgħodu jwarrad u jħaddar,
filgħaxija jidbiel u jinxef. R/.
Għalhekk għallimna ngħoddu jiem ħajjitna,
sabiex aħna nimxu bil-għaqal.
Dur lejna, Mulej! Kemm se ddum?
Ħenn għall-qaddejja tiegħek. R/.
Imliena kmieni bit-tjieba tiegħek,
biex nifirħu u nithennew ħajjitna kollha.
Ħa tkun fuqna l-grazzja ta’ Alla Sidna!
Wettqilna inti x-xogħol ta’ jdejna,
wettaq, iva, xogħol idejna. R/.
Qari II
Ilqgħu mhux bħala lsir, iżda bħala ħuk għażiż.
Filemon 9b-10,12-17
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Filemon
Għażiż, jiena, Pawlu, raġel xwejjaħ, u issa priġunier ta’ Kristu Ġesù, qiegħed nitolbok bil-ħerqa għal ibni, li jiena nissilt fil-ktajjen, għal Oneżimu. Xtaqt kieku żammejtu miegħi, biex, kif jien fil-ħabs għall-Evanġelju, idur bija minflokok hu. Iżda ma ridt nagħmel xejn mingħajr ma nara x’jidhirlek int, biex l-opra tajba tiegħek ma tkunx għamiltha bilfors, imma tkun ħierġa mill-qalb. Għandu mnejn li għalhekk hu telaq minn miegħek għal ftit, biex inti terġa’ tiksbu lura għal dejjem, mhux iktar bħala lsir, imma xi ħaġa iktar minn ilsir, bħala ħuk għażiż; għażiż fuq kollox għalija, imma kemm iktar għalik, skont id-dinja u skont il-Mulej. Int mela, jekk inti qalb waħda miegħi, ilqgħu bħallikieku kont jien!
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Salm 118(119):135
Hallelujah. R/. Hallelujah.
Ħa jiddi wiċċek fuq il-qaddej tiegħek,
għallimni l-kmandamenti tiegħek.
R/. Hallelujah.
Evanġelju
Ħadd ma jista’ jkun dixxiplu tiegħi jekk ma jitlaqx ġidu kollu.
Lq 14:25-33
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, kotra kbira ta’ nies kienet miexja ma’ Ġesù. Hu dar lejhom u qalilhom: “Min jiġi għandi ma jistax ikun dixxiplu tiegħi jekk ma jobgħodx lil missieru u ’l ommu u lil martu u lil uliedu, ’il ħutu subien u bniet, u saħansitra lilu nnifsu. Min ma jerfax salibu u jimxi warajja ma jistax ikun dixxiplu tiegħi. Għax min minnkom ikun irid jibni torri u ma joqgħodx bilqiegħda biex l-ewwel nett iqis in-nefqa, ħalli jara għandux biżżejjed biex iwassal sal-aħħar? Għax jekk jiġrilu li jqiegħed is-sisien biex imbagħad ma jkunx jista’ jtemm il-bini, kull min jarah jibda jwaqqgħu għaċ-ċajt u jgħid: ‘Dan il-bniedem beda jibni u ma kellux il-ħila jkompli sal-aħħar’. Jew liema sultan, li jkun sejjer jagħmel gwerra kontra sultan ieħor, ma joqgħodx l-ewwel bilqiegħda biex jara jekk jistax b’għaxart elef raġel iħabbatha ma’ min ġej għalih b’għoxrin elf ruħ? Għax inkella, meta l-ieħor ikun għadu ’l bogħod, ikollu jibgħatlu ambaxxata biex jitolbu l-ftehim għall-paċi. Hekk ukoll ħadd ma jista’ jkun dixxiplu tiegħi jekk ma jitlaqx ġidu kollu”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.