Qari I
Int tħenn għal kulħadd għax tħobb il-ħlejjaq kollha.
Għerf 11:22–12:2
Qari mill-Ktieb tal-Għerf
Mulej, quddiemek id-dinja kollha qisha traba fil-miżien,
jew qatra nida tal-għodwa li tinżel fuq l-art.
Iżda int tħenn għal kulħadd, għax tista’ kollox;
int tagħlaq għajnejk għal dnubiet il-bnedmin
biex huma jindmu.
Għax int tħobb il-ħlejjaq kollha,
u xejn ma tistmell minn kulma għamilt;
li kien hemm xi ħaġa li stajt tobgħodha, int ma kontx tagħmilha.
Kif setgħet tibqa’ xi ħaġa fid-dinja kieku int ma ridthiex?
Jew kif setgħet iżżomm, kieku int ma sejjaħtilhiex?
Imma int, o Sid li tħobb kulma jgħix,
lil kulħadd tagħder, għax kollox huwa tiegħek.
Għax f’kulħadd hemm nifsek bla ma qatt jintemm.
Għalhekk int twiddeb bil-ftit il-ftit lil dawk li jonqsu,
twissihom u tfakkarhom fejn dinbu,
biex jerġgħu lura mill-ħażen tagħhom,
u fik, Mulej, iqiegħdu t-tama tagħhom.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
Salm Responsorjali
Salm 144(145):1-2,8-9,10-11,13ċd-14
R/.(1) Mulej, inbierek ismek għal dejjem ta’ dejjem.
Ħa nkabbrek, Alla tiegħi, sultan,
u nbierek ismek għal dejjem ta’ dejjem.
Kuljum irrid inbierkek,
u nfaħħar ismek għal dejjem ta’ dejjem. R/.
Twajjeb u ħanin il-Mulej,
idum biex jagħdab u kollu tjieba.
Twajjeb ma’ kulħadd il-Mulej,
tjubitu fuq kulma għamel. R/.
Kulma għamilt iroddlok ħajr, Mulej;
iberkuk il-ħbieb tiegħek kollha.
Is-sebħ tas-saltna tiegħek ixandru,
fuq is-setgħa tiegħek jitkellmu. R/.
Ta’ kelmtu l-Mulej fil-wegħdiet tiegħu kollha,
twajjeb f’dak kollu li għamel.
Iwieżen il-Mulej ’il kull min se jaqa’,
iqajjem ’il kull min hu mitluq. R/.
Qari II
L-isem ta’ Sidna Ġesù Kristu jkun igglorifikat fikom, u intom fih.
2 Tess 1:11–2:2
Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lit-Tessalonikin
Ħuti, aħna dejjem nitolbu għalikom li Alla tagħna jagħmilkom denji tas-sejħa tiegħu, u jagħmel li bil-qawwa tiegħu sseħħ kull rieda tajba tagħkom għall-ġid u kull ħidma tal-fidi tagħkom. U hekk l-isem ta’ Sidna Ġesù Kristu jkun igglorifikat fikom u intom fih skont il-grazzja ta’ Alla tagħna u tal-Mulej Ġesù Kristu.
Ħuti, għal dak li għandu x’jaqsam mal-miġja ta’ Sidna Ġesù Kristu u l-ġemgħa tagħna biex ningħaqdu miegħu, nitolbukom biex ma toqogħdux tħawdu raskom malajr u tinħasdu bħallikieku l-miġja ta’ jum il-Mulej qorbot, u la jekk tkunu mnebbħin mill-ispirtu u lanqas jekk tisimgħu xi kelma jew taqraw xi ittra taparsi mingħandna.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Ġw 3:16
Hallelujah. R/. Hallelujah.
Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni,
biex kull min jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem.
R/. Hallelujah.
Evanġelju
Bin il-bniedem ġie jfittex u jsalva l-mitluf.
Lq 19:1-10
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, Ġesù daħal Ġeriko u kien għaddej mit-triq. Mela jkun hemm raġel, jismu Żakkew; dan kien wieħed mill-kapijiet tal-pubblikani, u kien għani. Kellu xewqa li jara min kien Ġesù, imma ma setax minħabba l-folla, billi kien raġel qasir. Għalhekk mar jiġri ’l quddiem u xxabbat ma’ siġra tat-tin selvaġġ, għax minn dik in-naħa kien se jgħaddi.
Ġesù, kif wasal hemm, ħares ’il fuq u qallu: “Żakkew, isa, inżel minn hemm, għax illum jeħtieġli noqgħod għandek”. Dak niżel bla telf ta’ żmien, u kollu ferħan laqgħu għandu. In-nies, meta rawh, ilkoll bdew igemgmu bejniethom u jgħidu li għand wieħed midneb daħal jistrieħ.
Imma Żakkew, wieqaf, qal lill-Mulej: “Ara, Mulej, nofs ġidi se nagħtih lill-foqra, u jekk jien qarraqt b’xi ħadd irroddlu għal erba’ darbiet iżjed”. Qallu Ġesù: “F’din id-dar illum daħlet is-salvazzjoni, għax dan ir-raġel ukoll huwa bin Abraham. Għax Bin il-bniedem ġie jfittex u jsalva l-mitluf”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.