Qari I
Nagħman raġa’ lura għand il-bniedem ta’ Alla u stqarr lill-Mulej.
2 Slat 5:14-17
Qari mit-Tieni Ktieb tas-Slaten
F’dak iż-żmien, Nagħman, il-kmandant tal-eżerċtu tas-Sultan ta’ Aram, niżel fil-Ġordan, u għodos seba’ darbiet, bħalma qallu Eliżew, il-bniedem ta’ Alla, u ġismu raġa’ sarlu qisu l-ġisem ta’ tfajjel żagħżugħ, u ndaf mil-lebbra tiegħu. U raġa’ lura għand Eliżew, il-bniedem ta’ Alla, hu u kull min kellu miegħu; daħal, waqaf quddiemu u qallu: “Ara, issa naf, iva, li ma hemmx Alla ieħor fid-dinja kollha, ħlief f’Iżrael. Ilqa’, nitolbok, dan ir-rigal mingħand il-qaddej tiegħek”.
U qallu Eliżew: “Daqskemm hu ħaj il-Mulej li lilu naqdi, jien ma nieħu xejn”. U ma ħadhulux, għad li l-ieħor issikkah ħafna. Għalhekk Nagħman qallu: “La ma tridx, nitolbok li tingħata lill-qaddej tiegħek tagħbija ta’ żewġ bgħula ħamrija; għax il-qaddej tiegħek mhuwiex se jagħmel iżjed sagrifiċċji tal-ħruq u offerti lil allat oħra, jekk mhux lill-Mulej”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
Salm Responsorjali
Salm 97(98):1,2-3ab,3ċd-4
R/.(ara 2b): Il-Mulej għarraf is-salvazzjoni lill-ġnus.
Għannu lill-Mulej għanja ġdida,
għax għamel ħwejjeġ tal-għaġeb.
Ġibitlu r-rebħa l-leminija tiegħu,
u d-driegħ imqaddes tiegħu. R/.
Għarraf il-Mulej is-salvazzjoni tiegħu,
f’għajnejn il-ġnus wera l-ġustizzja tiegħu.
Ftakar fit-tjieba u l-fedeltà tiegħu
mal-poplu ta’ Iżrael. R/.
L-art kollha, minn tarf għall-ieħor,
rat is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna.
Għajtu bil-ferħ lill-Mulej fl-art kollha,
infexxu fil-hena, ifirħu u għannu! R/.
Qari II
Jekk insofru bis-sabar, għad insaltnu ma’ Kristu.
2 Tim 2:8-13
Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Timotju
Għażiż, ftakar f’Ġesù Kristu,
li qam mill-imwiet,
li hu min-nisel ta’ David,
skond l-Evanġelju li ħabbart jien.
Għalih jien qiegħed inbati
sa l-irbit tal-ktajjen bħallikieku għamilt xi delitt.
Imma l-kelma ta’ Alla mhijiex marbuta!
Għalhekk kollox nieħu bis-sabar għall-imħabba ta’ dawk li Alla għażel,
biex huma wkoll jiksbu s-salvazzjoni,
li hi ta’ glorja għal dejjem fi Kristu Ġesù.
Din hi kelma ta’ min joqgħod fuqha:
Jekk aħna mitna miegħu, għad ngħixu miegħu wkoll;
jekk insofru bis-sabar, għad insaltnu miegħu wkoll;
jekk niċħduh, jiċħadna hu wkoll;
jekk nonqsu mill-kelma li tajna, hu jibqa’ jżomm kelmtu;
għax hu ma jistax iqarraq bih innifsu.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
1 Tess 5:18
Hallelujah. R/. Hallelujah.
Iżżu ħajr lil Alla f’kollox.
Dan hu li jrid Alla mingħandkom fi Kristu Ġesù.
R/. Hallelujah.
Evanġelju
Ma kien hemm ħadd minnhom li raġa’ lura biex jagħti glorja lil Alla ħlief dan il-barrani.
Lq 17:11-19
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
Ġara li huwa u sejjer lejn Ġerusalemm, Ġesù għadda minn bejn is-Samarija u l-Galilija. Kif kien dieħel f’raħal, iltaqgħu miegħu għaxart irġiel morda bil-lebbra. Waqfu ’l bogħod minnu, għollew leħinhom u qalulu: “Ġesù, mgħallem, ikollok ħniena minna!”. Kif rahom, qalilhom: “Morru uru rwieħkom lill-qassisin”. U ġara li, huma u sejrin, fiequ mill-marda tagħhom. Wieħed minnhom, kif ra ruħu mfejjaq, raġa’ lura jgħajjat u jfaħħar lil Alla, inxteħet wiċċu fl-art f’riġlejn Ġesù u raddlu ħajr. Issa dan kien Samaritan. U Ġesù qabad u qal: “Mhux l-għaxra fiequ mil-lebbra? Fejn huma d-disgħa l-oħra? Ma kien hemm ħadd minnhom li raġa’ lura biex jagħti glorja lil Alla ħlief dan il-barrani?”. Imbagħad qallu: “Qum, mur; il-fidi tiegħek salvatek”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.