Qari I
Arawha, ix-xebba ssir omm.
Iż 7:10-14
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija
F’dak iż-żmien, il-Mulej issokta jkellem lil Aħaż u jgħidlu: “Itlob sinjal għalik mingħand il-Mulej, Alla tiegħek, f’qiegħ l-art jew fl-għoli tas-smewwiet”. U Aħaż wieġeb: “Ma nitlobx: ma rridx nittanta lill-Mulej”. U l-profeta wieġeb: “Isimgħu, mela, dar David! Mhux biżżejjed għalikom li tkiddu lill-bnedmin, biex issa se tkiddu lil Alla tiegħi? Għalhekk is-sinjal jagħtihulkom Sidi stess: Araw, ix-xebba titqal u tiled iben, u ssemmih Għimmanu-El”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
Salm Responsorjali
Salm 23(24):1-2,3-4ab,5-6
R/.(7c,10b): Ħa jidħol il-Mulej, hu s-Sultan tal-glorja.
Tal-Mulej hi l-art u kulma fiha,
id-dinja u kulma jgħix fiha.
Għax hu fuq l-ibħra waqqafha
u fuq ix-xmajjar fis-sod qegħedha. R/.
Min jista’ jitla’ fuq l-għolja tal-Mulej,
min joqgħod fil-post imqaddes tiegħu?
Min għandu jdejh indaf u qalbu safja,
min ma jagħtix ruħu għall-frugħa. R/.
Dan ikollu barka mingħand il-Mulej,
u l-ħlas li ħaqqu minn Alla, is-Salvatur tiegħu.
Dan hu n-nisel ta’ dawk li jfittxuh;
li jfittxu ’l wiċċek, Alla ta’ Ġakobb. R/.
Qari II
Ġesù Kristu, min-nisel ta’ David, u Iben ta’ Alla.
Rum 1:1-7
Bidu tal-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani
Pawlu, qaddej ta’ Kristu Ġesù, imsejjaħ biex ikun appostlu, maħtur għall-Evanġelju ta’ Alla. Dan hu l-Evanġelju li Alla kien wiegħed permezz tal-profeti fil-Kotba Mqaddsa dwar Ibnu Ġesù Kristu Sidna li, skond it-tnissil tal-ġisem, twieled min-nisel ta’ David, u, skond l-Ispirtu s-Santu, ġie rivelat bħala l-Iben ta’ Alla b’kull qawwa permezz tal-qawmien mill-imwiet. Bih aħna rċevejna l-grazzja tal-appostolat biex inwasslu għall-ubbidjenza tal-fidi l-bnedmin fost il-ġnus kollha għall-ġieħ ta’ ismu. Fosthom tinsabu intom ukoll, imsejħin biex tkunu ta’ Ġesù Kristu; lill-maħbubin kollha ta’ Alla li jinsabu Ruma msejħin biex ikunu qaddisin: grazzja lilkom u sliem mingħand Alla Missierna u Sidna Ġesù Kristu.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Mt 1:23
Hallelujah. R/. Hallelujah.
Ara, ix-xebba tnissel u jkollha iben,
u jsemmuh Għimmanu-El: “Alla magħna”.
R/. Hallelujah.
Evanġelju
Ġesù jitwieled minn Marija l-għarusa ta’ Ġużeppi, bin David.
Mt 1:18-24
Qari mill-Evanġelju skond San Mattew
It-tnissil ta’ Ġesù l-Messija sar hekk: ommu Marija, wara li tgħarrset ma’ Ġużeppi, qabel ma marru joqogħdu flimkien, saret omm bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu. Żewġha Ġużeppi, li kien raġel ġust u ma riedx ixandarha quddiem kulħadd, għamel il-ħsieb li jibgħatha bil-moħbi tan-nies. Meta kien għadu qiegħed jaħsibha, deherlu anġlu tal-Mulej fil-ħolm u qallu: “Ġużeppi, bin David, xejn la tibża’ tieħu għandek lil martek Marija għax dak li tnissel fiha ġej mill-Ispirtu s-Santu. Hi se jkollha iben, u inti ssemmih Ġesù, għax hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom”. Dan kollu ġara biex iseħħ dak li kien qal il-Mulej permezz tal-profeta, meta qal: “Ara, ix-xebba tnissel u jkollha iben, u jsemmuh Għimmanu-El”, li bi lsienna jfisser “Alla magħna”. Ġużeppi, meta qam, għamel kif ordnalu l-anġlu tal-Mulej, u ħa lil martu għandu.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.