Qari I
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija
Għad toħroġ fergħa miz-zokk ta’ Ġesse,
għad tinbet rimja minn għeruqu:
fuqu jistrieħ l-ispirtu tal-Mulej,
l-ispirtu tal-għerf u d-dehen,
l-ispirtu tal-għaqal u l-qawwa,
l-ispirtu tal-għerf u l-biża’ tal-Mulej,
u l-għaxqa tiegħu fil-biża’ tal-Mulej.
Ma jiġġudikax skond ma jidher fl-għajnejn,
u ma jagħtix sentenza skond ma jisma’,
iżda jiġġudika l-imsejknin skond il-ġustizzja,
u jagħti sentenza skond is-sewwa lill-fqajrin tal-art.
Isawwat il-kiefra bix-xettru ta’ fommu,
u b’nifs xufftejh joqtol lill-ħażin.
Il-ħżiem ta’ ġenbejh tkun il-ġustizzja,
u l-fedeltà l-ħżiem ta’ qaddu.
Il-lupu jibda jgħix mal-ħaruf,
il-leopard mal-gidi,
u jirgħu flimkien l-għoġol u ferħ l-iljun,
daqsxejn ta’ tfajjel isuqhom.
Il-baqra u l-ors jirgħu flimkien,
u l-frieħ tagħhom flimkien jistrieħu.
L-iljun bħall-gendus jiekol it-tiben.
It-tarbija tal-ħalib titliegħeb fil-ħofra tas-serp;
u t-tifel miftum idaħħal idu fil-bejta tal-lifgħa.
Ma jagħmlux aktar deni u anqas ħsara
fuq il-muntanja qaddisa kollha tiegħi,
għax mimlija hi l-art bl-għarfien tal-Mulej
bħalma l-baħar hu miksi bl-ilmijiet.
Imbagħad jiġri f’dak il-jum
li l-għerq ta’ Ġesse jieqaf
bħala sinjal għall-popli.
Lilu jfittxu l-ġnus,
u l-għamara tiegħu tkun imsebbħa.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
Salm Responsorjali
Salm 71(72):1,7-8,12-13,17
R/. (7): Tħaddar f’jiemu l-ġustizzja.
O Alla, agħti lis-sultan il-ħaqq tiegħek,
il-ġustizzja tiegħek lil bin is-sultan,
biex jiġġudika l-poplu tiegħek bil-ġustizzja,
u bil-ħaqq l-imsejknin tiegħek. R/.
Tħaddar f’jiemu l-ġustizzja,
u sliem kotran sa ma jintemm il-qamar.
Isaltan minn baħar sa baħar,
u mix-xmara sa truf l-art. R/.
Għax hu jeħles lill-fqir li jsejjaħlu,
u lill-imsejken li m’għandux min jgħinu.
Iħenn għad-dgħajjef u għall-fqajjar;
il-ħajja tal-fqajrin isalva. R/.
Ismu jibqa’ jissemma għal dejjem;
idum ismu sakemm iddum ix-xemx!
Bih jitbierku l-ġnus kollha tal-art;
il-popli kollha jsejħulu hieni. R/.
Qari II
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani
Ħuti, kulma nkiteb fl-Iskrittura fl-imgħoddi nkiteb għat-tagħlim tagħna, biex bis-sabar u bil-faraġ li tagħtina l-Iskrittura aħna jkollna t-tama. Alla, li minnu ġej kull sabar u faraġ, jagħtikom il-grazzja li tkunu fehma waħda bejnietkom skond Kristu Ġesù, biex b’fomm wieħed u b’qalb waħda tfaħħru lil Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu. Għalhekk ilqgħu lil xulxin bħalma Kristu wkoll laqa’ lilkom, għall-glorja ta’ Alla. Jiena ngħidilkom li Kristu sar qaddej tal-Lhud ċirkonċiżi minħabba l-fedeltà ta’ Alla, biex iseħħu l-wegħdiet li għamel lill-Patrijarki, u biex il-pagani wkoll ifaħħru lil Alla minħabba l-ħniena tiegħu, bħalma hu miktub: “Għalhekk jiena nfaħħrek fost il-ġnus u ngħanni tifħir ismek”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Hallelujah. R/. Hallelujah.
Ħejju t-triq tal-Mulej,
iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu.
Il-bnedmin kollha jaraw is-salvazzjoni ta’Alla.
R/. Hallelujah.
Evanġelju
Indmu għax is-Saltna tas-Smewwiet waslet.
Mt 3:1-12
Qari mill-Evanġelju skond San Mattew
F’dawk il-jiem, deher Ġwanni l-Battista jipprietka fid-deżert tal-Lhudija u jgħid: “Indmu, għax is-saltna tas-smewwiet waslet”. Għax għalih kien ingħad permezz tal-profeta Iżaija, meta qal: “Leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert: Ħejju t-triq tal-Mulej, iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu”.
Dan Ġwanni kellu fuqu libsa tax-xagħar tal-ġemel, bi ħżiem tal-ġild madwar qaddu, u l-ikel tiegħu kien ġradijiet u għasel selvaġġ. U kienet tmur għandu Ġerusalemm u l-Lhudija kollha u l-inħawi kollha ta’ madwar il-Ġordan, u kienu jitgħammdu minnu fix-xmara Ġordan huma u jistqarru dnubiethom.
Kif ra bosta mill-Fariżej u mis-Sadduċej ġejjin għall-magħmudija tiegħu, qalilhom: “Ja nisel il-lifgħat, min uriekom kif għandkom taħarbu mill-korla li ġejja? Agħmlu mela frott xieraq tal-indiema, u taħsbux li tistgħu tgħidu fikom infuskom: ‘Għandna b’missier lil Abraham’. Ngħidilkom li Alla, minn dan l-istess ġebel, jista’ jqajjem ulied lil Abraham. Il-mannara ġa tressqet ma’ għerq is-siġra; u għalhekk, kull siġra li ma tagħmilx frott tajjeb titqaċċat u tinxteħet fin-nar.
Jien, ngħid għalija, ngħammidkom bl-ilma għall-indiema; imma min ġej warajja hu aqwa minni, u jien ma jistħoqqlix inġorr il-qorq tiegħu. Hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar. Il-midra qiegħda f’idu, biex iderri l-qiegħa tiegħu u jiġbor il-qamħ fil-maħżen, imma t-tiben jaħarqu b’nar li ma jintefiex”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.