Ir-4 Ħadd ta’ matul is-sena – Sena A

L-EWWEL QARI

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Sofonija (2: 3; 3: 12-13)

Fittxu lill-Mulej ilkoll, intom, l-umli tal-art, li tagħmlu ordnijietu, fittxu l-ġustizzja, fittxu l-umiltà; biex forsi f’jum il-korla tal-Mulej ikollkom fejn tistkennu.

«U nħalli f’nofsok poplu umli u mċekken.»

U f’isem il-Mulej ifittxu l-kenn dawk li jifdal minn Israel. Ma jagħmlux ħażen, ma jgħidux kliem b’ieħor, u lsien qarrieq ma jibqax iżjed f’fommhom, hekk li joqogħdu jirgħu u jistrieħu bla ma jbeżżagħhom ħadd.

Il-Kelma tal-Mulej.      Irroddu ħajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI (Salm 145)

Rit: Henjin il-foqra fl-ispirtu!

Il-Mulej jagħmel ħaqq

lill-maħqurin,

u jagħti l-ħobż lill-imġewħin.

Il-Mulej jeħles lill-imjassrin. Rit…

Il-Mulej jiftaħ għajnejn l-għomja;

il-Mulej jerfa’ lill-milwijin;

il-Mulej iħobb lill-ġusti;

il-Mulej iħares lill-barranin. Rit…

Hu jżomm lill-iltim u lill-armla,

imma lill-ħżiena jħarbtilhom triqathom.

Il-Mulej isaltan għal dejjem;

Alla tiegħek, Sijon,

minn nisel għal nisel. Rit…

IT-TIENI QARI

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin (1:26-31)

Ħuti, qisu s-sejħa tagħkom: għax m’humiex ħafna fostkom li huma għorrief skont il-qjies tad-dinja; m’humiex ħafna s-setgħana, m’humiex ħafna n-nobbli.

Imma Alla għażel in-nies boloh għad-dinja biex iħawwad l-għorrief; għażel id-dgħajfa tad-dinja biex iħawwad il-qawwija; għażel il-mistmerra mid-dinja, u n-nies li ma huma xejn, biex iġib fix-xejn lil dawk li huma xi ħaġa. Hekk ebda bniedem ma jkun jista’ jiftaħar quddiem Alla.

Minnu li intom tinsabu fi Kristu Ġesù li sar għalina l-għerf mingħand Alla, ġustizzja, qdusija u fidwa, biex bħalma hu miktub, min jiftaħar, ħa jiftaħar fil-Mulej.

Il-Kelma tal-Mulej.     Irroddu ħajr lil Alla.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU

Hallelujah. Hallelujah. (Mt 5:12a)

Ifirħu u thennew, għax ħlaskom kbir fis-smewwiet.

Hallelujah!

L-EVANĠELJU

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew (4:12-23)

F’dak iż-żmien, kif ra l-folol, Ġesù tala’ fuq il-muntanja, qagħad bilqiegħda, u resqu lejh id-dixxipli tiegħu. Fetaħ fommu u qabad jgħallimhom u jgħid:

«Henjin il-foqra fl-ispirtu, għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet. Henjin l-imnikkta, għax huma jkunu mfarrġa. Henjin ta’ qalbhom ħelwa, għax huma jkollhom b’wirthom l-art. Henjin dawk li huma bil-ġuħ u bl-għatx tal-ġustizzja, għax huma jkunu mxebbgħin. Henjin dawk li jħennu, għax huma jsibu ħniena. Henjin dawk li huma safja f’qalbhom, għax huma jaraw lil Alla. Henjin dawk li jġibu l-paċi, għax huma jissejħu wlied Alla. Henjin dawk li huma ppersegwitati minħabba s-sewwa, għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.

Henjin intom, meta jgħajrukom u jippersegwitawkom u jaqilgħu kull xorta ta’ ħażen u gideb kontra tagħkom minħabba fija. Ifirħu u thennew, għax ħlaskom kbir fis-smewwiet.»

Il-Kelma tal-Mulej.       Tifħir lilek Kristu.

About the author

Ikkummenta