It-2 Ħadd ta’ matul is-sena – Sena A

L-EWWEL QARI

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija (49:3.5-6)

Il-Mulej qalli: «Israel, inti l-qaddej tiegħi, bik jiena nkun imfaħħar.»

Issa tkellem il-Mulej, li minn ġuf ommi għamilni qaddej tiegħu, biex għandu rraġġa’ lura lil Ġakobb, u biex Israel jinġabar miegħu mill-ġdid – għax jien kont imfaħħar f’għajnejn il-Mulej, u Alla tiegħi kien il-qawwa tiegħi – u hu qalli: «Tkun ħaġa żgħira wisq għalik, li inti tkun il-qaddej tiegħi, biex tqajjem it-tribù ta’ Ġakobb, u traġġa’ lura l-fdal ta’ Israel. Jien nagħmel minnek dawl għall-ġnus, biex is-salvazzjoni tiegħi sa truf l-art tinfirex.»

Il-Kelma tal-Mulej.      Irroddu ħajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI (Salm 39)

Rit: Hawn jien, Mulej, ġej nagħmel ir-rieda tiegħek!

Ittamajt b’tama qawwija fil-Mulej;

hu niżel ħdejja u sama’ l-għajta tiegħi.

Qegħedli fuq fommi għanja ġdida,

għanja ta’ tifħir lil Alla tagħna. Rit…

Int ma titgħaxxaqx b’sagrifiċċji u b’offerti;

imma widnejja inti ftaħtli;

ma tlabtnix vittmi tal-ħruq u tat-tpattija.

Imbagħad jien għedt: «Hawn jien, ġej.» Rit…

«Fil-bidu tal-ktieb hemm miktub fuqi

li nagħmel ir-rieda tiegħek.

Alla tiegħi, dan jogħġobni;

il-liġi tiegħek ġewwa qalbi.» Rit…

Xandart il-ġustizzja f’ġemgħa kbira;

xufftejja ma żammejthomx magħluqa.

Mulej, dan inti tafu. Rit…

IT-TIENI QARI

Bidu tal-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin (1:1-3)

Pawlu, li Alla ried isejjaħlu biex ikun appostlu ta’ Kristu Ġesù, u Sòsteni ħuna, lill-knisja ta’ Alla li qiegħda f’Korintu; lil dawk li tqaddsu fi Kristu Ġesù, imsejħa biex ikunu qaddisin flimkien ma’ dawk kollha li f’kull pajjiż isejħu l-isem ta’ Ġesù Kristu, is-Sid tagħhom u tagħna; grazzja u sliem mingħand Alla missierna u l-Mulej Ġesù Kristu.

Il-Kelma tal-Mulej.     Irroddu ħajr lil Alla.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU

Hallelujah. Hallelujah. (Ġw 1:14a.12a)

Il-Verb sar bniedem u għammar fostna, u lil dawk li laqgħuh tahom is-setgħa li jsiru wlied Alla.

Hallelujah!

L-EVANĠELJU

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann (1:29-34)

F’dak iż-żmien, Ġwanni, ra lil Ġesù riesaq lejh, u qal: «Araw il-Ħaruf ta’ Alla, li jneħħi d-dnub tad-dinja. Dan hu li għalih għedtilkom: “Warajja ġej bniedem li hu aqwa minni, għax kien qabli.” Anqas jien stess ma kont nafu, imma jien għalhekk ġejt ngħammed bl-ilma, biex hu jkun mgħarraf lil Israel.»

U Ġwanni xehed għalih u qal: «Jiena rajt l-Ispirtu nieżel mis-sema bħal ħamiema u joqgħod fuqu. Tabilħaqq, anqas jien ma kont nafu; imma dak li bagħatni ngħammed bl-ilma, hu stess qalli: “Fuq min tara l-Ispirtu jinżel u joqgħod, dak hu li jgħammed bl-Ispirtu s-Santu.” Dan rajtu b’għajnejja, u għalhekk xhedt, dan hu l-Iben ta’ Alla.»

Il-Kelma tal-Mulej.       Tifħir lilek Kristu.

About the author

Ikkummenta