L-Epifanija tal-Mulej

L-EWWEL QARI

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija (60:1-6)

Qum! Ħa jiddi wiċċek! Id-dawl tiegħek wasal! Jiddi fuqek sebħ il-Mulej! Ara d-dlamijiet jiksu l-art, u sħab iswed il-popli: iżda fuqek jiddi l-Mulej, u s-sebħ tiegħu jfiġġ fuqek. Il-ġnus għad jimxu fid-dawl tiegħek, u s-slaten fid-dija tas-sebħ tiegħek. Għolli u dawwar għajnejk madwarek u ara: ilkoll miġbura ġejjin għandek. Uliedek ġejjin mill-bogħod, u bnietek iġorruhom fuq id-dirgħajn. Imbagħad tħares u wiċċek jiddi, u tħabbat u timtela qalbek, għax fuqek taqa’ l-kotra tal-ġid tal-ibħra, u l-għana tal-ġnus jiġi għandek. Imrieħel ta’ iġmla għad jgħattuk, l-iġmla żgħar ta’ Midjan u Għefa; ilkoll minn Seba jiġu, mgħobbija bid-deheb u l-inċens, u jxandru t-tifħir tal-Mulej.

Il-Kelma tal-Mulej.       Irroddu ħajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI(Salm 71)

Rit: Il-ġnus kollha tal-art jagħtuk qima, Mulej!

O Alla, agħti lis-sultan il-ħaqq tiegħek,

il-ġustizzja tiegħek lil bin is-sultan,

biex jiġġudika l-poplu tiegħek bil-ġustizzja,

u bil-ħaqq l-imsejknin tiegħek. Rit…

Tħaddar f’jiemu l-ġustizzja,

u sliem kotran sa ma jintemm il-qamar.

Isaltan minn baħar sa baħar,

u mix-xmara sa truf l-art. Rit…

Is-slaten ta’ Tarsis u tal-gżejjer jagħtuh ir-rigali,

is-slaten ta’ Seba u ta’ Saba għotjiet iġibulu.

Iqimuh is-slaten kollha,

il-ġnus kollha lilu jaqdu. Rit…

Għax hu jeħles lill-fqir li jsejjaħlu,

u lill-imsejken li m’għandux min jgħinu.

Iħenn għad-dgħajjef u għall-fqajjar;

il-ħajja tal-fqajrin isalva. Rit…

IT-TIENI QARI

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin (3:2-3a.5-6)

Ħuti, intom smajtu bil-pjan tal-grazzja li Alla tani għall-ġid tagħkom, jiġifieri, li permezz ta’ rivelazzjoni għarrafni l-misteru.

Dan hu l-misteru li fil-ġenerazzjonijiet l-imgħoddija ma kienx mgħarraf lill-bnedmin bħalma issa hu rrivelat lill-appostli qaddisa tiegħu u lill-profeti fl-Ispirtu, jiġifieri, li l-pagani huma msejħa biex ikollhom sehem mill-istess wirt, ikunu membri tal-istess ġisem, ikollhom sehem mill-istess wegħda, fi Kristu Ġesù permezz tal-Evanġelju.

Il-Kelma tal-Mulej.       Irroddu ħajr lil Alla.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU (Mt 2:3)

Hallelujah. Hallelujah.

Rajna l-kewkba tiegħu tielgħa, u ġejna nqimu l-Mulej.

Hallelujah!

L-EVANĠELJU

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew (2:1-12)

Meta twieled Ġesù f’Betleħem tal-Lhudija, fi żmien is-sultan Erodi, xi maġi mil-Lvant ġew Ġerusalemm jistaqsu: «Fejn hu dak li twieled sultan tal-Lhud? Għax rajna l-kewkba tiegħu tielgħa, u ġejna nqimuh.» Is-sultan Erodi sama’ bihom, u tħawwad hu u Ġerusalemm kollha miegħu. Ġabar flimkien il-qassisin il-kbar u l-kittieba kollha tal-poplu, u ried jaf mingħandhom fejn kellu jitwieled il-Messija. U huma qalulu: «F’Betleħem tal-Lhudija, għax hekk inkiteb mill-profeta: “U int, Betleħem, art ta’ Ġuda, le, m’intix l-iżgħar fost il-bliet il-kbar ta’ Ġuda, għax minnek joħroġ mexxej li jirgħa l-poplu tiegħi Israel.”»

Erodi mbagħad sejjaħ lill-maġi bil-moħbi, u tkixxef bir-reqqa kollha mingħandhom iż-żmien li fih dehritilhom il-kewkba; bagħathom Betleħem u qalilhom: «Morru, staqsu sewwa għat-tifel, u meta ssibuh ejjew għiduli, ħalli jien ukoll niġi nqimu.»

Dawk, wara li semgħu lis-sultan, telqu, u ara, il-kewkba li kienu raw tielgħa bdiet miexja quddiemhom sakemm waslet u waqfet fuq il-post fejn kien hemm it-tifel. Kif raw il-kewkba mtlew b’ferħ kbir tassew. Meta mbagħad daħlu d-dar u raw lit-tifel ma’ ommu Marija, inxteħtu fl-art iqimuh; fetħu t-teżori tagħhom u offrewlu rigali deheb, inċens u mirra. Imbagħad, billi kienu mwissijin f’ħolma biex ma jerġgħux imorru għand Erodi, telqu lura lejn arthom minn triq oħra.

Il-Kelma tal-Mulej.      Tifħir lilek Kristu.

About the author

Ikkummenta