Il-5 Ħadd ta’ matul is-sena – Sena A

L-EWWEL QARI

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija(58:7-10)

Dan jgħid il-Mulej: “Mhux dan is-sawm li jiena rrid li taqsam ħobżok ma’ min hu bil-ġuħ, u ddaħħal f’darek lill-imsejken bla saqaf? Mhux li tlibbes lil min tara għarwien, u n-nies ta’ darek ma tinsihomx?

Imbagħad ifeġġ bħaż-żerniq id-dawl tiegħek, u malajr tagħlaqlek il-ġerħa tiegħek. Quddiemek timxi l-ġustizzja tiegħek, u l-glorja tal-Mulej timxi warajk.

Jekk biss issejjaħlu, iwieġeb il-Mulej; jekk tgħajjatlu, jgħidlek: “Hawn jien!” Jekk tneħħi minn nofsok il-moħqrija, ma tmiddx subgħek u ma tagħmilx deni bi lsienek, jekk int qalbek toħroġ għall-imġewwaħ, u xxabba’ qalb l-imnikket, imbagħad id-dawl tiegħek ifiġġ fid-dlam, u s-swied tiegħek ikun bħan-nofsinhar.”

Il-Kelma tal-Mulej.      Irroddu ħajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI (Salm 111)

Rit: Dawl fid-dlam ifeġġ għat-tajbin!

Dawl fid-dlam ifeġġ għat-tajbin;

twajjeb u ħanin il-bniedem sewwa.

Tajjeb il-bniedem li jħenn u jislef,

li jmexxi ħwejġu bir-reqqa. Rit…

Għax il-bniedem ġust

qatt ma jitfixkel;

għal dejjem tibqa’ t-tifkira tiegħu.

Xejn ma jibża’ minn aħbar ħażina;

qalbu qawwija bit-tama tal-Mulej. Rit…

Qalbu qawwija,

m’għandux mniex jibża’.

Iqassam u jagħti lill-foqra;

għal dejjem tibqa’ l-ġustizzja tiegħu;

rasu merfugħa bil-ġieħ. Rit…

IT-TIENI QARI

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin (2:1-5)

Meta jiena wasalt għandkom, ħuti, ma ġejtx inħabbrilkom il-Misteru ta’ Alla bi kliem kbir jew għaref. Ma ppretendejtx li kont naf xi ħaġa fostkom, ħlief lil Ġesù Kristu, u lil dan imsallab.

Jiena ġejt għandkom dgħajjef, imbażża’ u mriegħed. Il-kelma u l-predikazzjoni tiegħi ma kinux imlibbsa bil-kliem qawwi tal-għerf, imma bil-wiri tal-Ispirtu u l-qawwa, sabiex il-fidi tagħkom tinbena mhux fuq l-għerf tal-bniedem, imma fuq il-qawwa ta’ Alla.

Il-Kelma tal-Mulej.     Irroddu ħajr lil Alla.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU

Hallelujah. Hallelujah. (Ġw 8:12)

Jiena d-dawl tad-dinja, jgħid il-Mulej; min jiġi warajja jkollu d-dawl tal-ħajja.

Hallelujah!

L-EVANĠELJU

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew (5:13-16)

F’dak iż-żmien: Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Intom il-melħ tal-art. Imma jekk il-melħ jaqta’, biex jerġa’ jieħu t-togħma? Ma jibqa’ tajjeb għal xejn iżjed ħlief biex jintrema barra u jintrifes min-nies.

Intom id-dawl tad-dinja. Belt li tkun qiegħda fuq muntanja ma tistax tinħeba. Anqas ma jixegħlu l-musbieħ u jqegħduh taħt is-siegħ, iżda fuq l-imnara, u hekk idawwal lil kull min ikun fid-dar. Hekk għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin, biex jaraw l-għemejjel tajba tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-smewwiet.”

Il-Kelma tal-Mulej.       Tifħir lilek Kristu.

About the author

Ikkummenta