Qari tal-10 ta’ Frar – Solennità tal-Appostlu Missierna San Pawl, Patrun ta’ Malta

Qari I
Tajtu triq fil-baħar u mogħdija żgura fost il-ħalel.
Għerf 14, 3-7

Qari mill-Ktieb tal-Għerf.
Missier, il-providenza tiegħek tmexxih;
għax int ftaħt triq fil-baħar ukoll,
u mogħdija bla periklu qalb l-imwieġ.

Hekk turi li int tista’ teħles minn kull tiġrif,
biex ukoll min ma jifhimx jista’ jbaħħar.

Inti ma tridx li għemil l-Għerf ikun għal xejn;
għalhekk il-bnedmin jafdaw ħajjithom
fuq għuda dgħajfa, u jaqsmu, qawwijin u sħaħ,
mwieġ kbar fuq ċattra.

Hekk ukoll, meta kienu qegħdin jinqerdu
l-ġganti l-kbar,
fuq dgħajsa skansat it-tama tad-dinja
u, mmexxija minn idek, ħalliet lid-dinja żerriegħa
ta’ nisel ġdid.

Imbierka l-għuda li biha jsir il-ġid!

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Salm Responsorjali
Salm 107, 21-31

R/. Ħa jroddu ħajr lill-Mulej għall-tjubitu.

Ħa jroddu ħajr lill-Mulej għal tjubitu,
għall-għeġubijiet tiegħu mal-bnedmin.
U joffrulu sagrifiċċji ta’ radd il-ħajr,
u jxandru l-għemejjel tiegħu b’għana ferrieħi.  R/.

Dawk li jbaħħru fuq l-iġfna,
li jinnegozjaw fuq l-ibħra bla tarf,
raw l-opri tal-Mulej
u l-għeġubijiet tiegħu f’qiegħ il-baħar.  R/.

Hu ordna u qajjem riefnu,
li qanqal imwieġ il-baħar.
Għolew sas-smewwiet
u niżlu sa qiegħ il-baħar;
qalbhom bdiet tferfer bil-biża’. R/.

Bdew jitbandlu u jixxenglu bħal nies fis-sakra,
u s-sengħa tagħhom xejn ma switilhom.
Għajjtu lill-Mulej fl-hemm tagħhom,
u mid-dwejjaq tagħhom ħelishom.
U bidel ir-riefnu f’żiffa, u sikket mewġ il-baħar.  R/.

Huma ferħu għax ibbnazza;
u hu wassalhom sal-port li xtaqu.
Ħa jroddu ħajr lill-Mulej għal tjubitu,
għall-għeġubijiet tiegħu mal-bnedmin.  R/.

Qari II
Il-Maltin ġabu ruħhom magħna bi ħlewwa liema bħala.
Atti 27, 16 – 28, 10

Qari mill-Atti tal-Appostli.
F’dak iż-żmien, b’ġirja waħda għaddejna taħt ir-riħ ta’ daqsxejn ta’ gżira jisimha Kawda.

Bilkemm stajna nżommu d-dgħajsa warajna, u għalhekk tellgħuha mill-baħar.

Imbagħad qabdu l-armar u rabtu l-ġifen dawramejt biċ-ċimi, niżżlu l-qlugħ għax beżgħu li ninkaljaw fuq is-Sirti, u hekk ħallejna l-mewġ iġorrna miegħu.

L-għada t-tempesta ħabbtitna ħafna, bdew iwaddbu t-tagħbija l-baħar, u fit-tielet jum irmew it-tagħmir tal-ġifen b’idejhom stess.

Għal ħafna jiem la dehret xemx u lanqas kwiekeb; it-tempesta li qabditna ma kinitx ħafifa,hekk li fl-aħħar tlifna kull tama li nsalvaw.

In-nies kienu ilhom ħafna ma jieħdu xi ħaġa biex jitrejjqu; Pawlu waqaf f’nofshom u qalilhom: “Ħbieb, kien imisskom smajtu minni u ma tlaqtux minn Kreta; kontu teħilsu minn din il-ħsara u dan it-telf. Imma issa nwissikom biex tagħmlu l-qalb, għax ħadd minnkom m’hu se jitlef ħajtu; il-ġifen biss jintilef.

Għax dal-lejl deherli anġlu ta’ dak Alla li tiegħu jien u li lilu nqim, u qalli, “Tibżax, Pawlu. Jeħtieġ li inti tidher quddiem Ċesari; ara, Alla tak il-grazzja li dawk kollha li qegħdin jivvjaġġjaw miegħek isalvaw.”

Mela qawwu qalbkom, ħbieb. Jien nemmen f’Alla li hekk isir, sewwasew kif ħabbarli. Jinħtieġ iżda li naħbtu ma’ gżira”.

Meta wasal l-erbatax-il lejl, konna ninsabu mitfugħin ’l hawn u ’l hemm fil-baħar ta’ Adrija. Għall-ħabta ta’ nofs il-lejl il-baħrin ħassew li konna resqin qrib xi art. Skandaljaw il-fond tal-baħar, u sabu għoxrin qama; imxejna ftit ieħor ‘il quddiem, reġgħu skandaljaw, u sabu ħmistax.

Huma beżgħu li xi mkien konna se naħbtu ma’ xi skoll, u għalhekk niżżlu erba’ ankri mill-poppa. Ix-xewqa tagħhom kienet li ma jdumx ma jisbaħ.

Il-baħrin bdew ifittxu li jaħarbu mill-ġifen, u niżżlu dgħajsa l-baħar bħallikieku biex idendlu xi ankri mill-pruwa. Iżda Pawlu qal liċ-ċenturjun u lis-suldati: “Jekk dawn ma jibqgħux fuq il-ġifen, intom ma tistgħux issalvaw”. Imbagħad is-suldati qaċċtu l-ħbula tad-dgħajsa u ħallewha tmur għal riħha.

Meta sar il-ħin biex jisbaħ, Pawlu qabad jagħmel il-qalb lil kulħadd biex jitrejjqu b’xi ħaġa, u qalilhom: ssa ġa ilkom erbatax-il ġurnata tistennew sajmin u ma dduqu xejn. Għalhekk agħmlu l-qalb u trejqu b’xi ħaġa tal-ikel; dan jiswielkom għal saħħitkom, għax ħadd minnkom m’hu se jitlef xagħra waħda minn rasu”.

Kif qal dan, qabad il-ħobż, radd il-ħajr lil Alla quddiem kulħadd, qasam u beda jiekol. Imbagħad kulħadd għamel il-qalb, u ħadu xi ħaġa tal-ikel huma wkoll. Konna b’kollox mitejn u sitta u sebgħin ruħ fuq il-ġifen. Wara li xebgħu, bdew iħeffu l-ġifen u jwaddbu l-qamħ il-baħar.

Xħin imbagħad sebaħ, l-art ma għarfuhiex; lemħu biss bajja bi xtajta fiha, u qatgħuha li, jekk jistgħu, jitfgħu l-ġifen fuqha. Irħew l-ankri u telquhom il-baħar, u ħallew ukoll l-irbit tat-tmun.Imbagħad tellgħu l-qala’ ż-żgħir ta’ quddiem għar-riħ u rħewlha lejn ix-xtajta.

Iżda ħbatna ma’ sikka bejn żewġ kurrenti, u l-baħrin waħħlu l-ġifen fuqha. Il-pruwa baqgħet imwaħħla sewwa fil-post u ma tħarrkitx iżjed, imma l-poppa bdiet titfarrak bil-qilla tal-mewġ.

Is-suldati riedu kieku joqtlu l-priġunieri, li ma jmurx jaħrab xi ħadd minnhom bil-għawm; iżda ċ-ċenturjun, li ried isalva ’l Pawlu, ma ħalliex il-ħsieb tagħhom iseħħ. Lil dawk li kienu jafu jgħumu ordnalhom jintefgħu huma l-ewwel il-baħar u jmorru l-art; lill-oħrajn ordnalhom jilħqu x-xatt, min fuq twavel u min fuq bċejjeċ imkissra tal-ġifen. U hekk kulħadd qabad l-art qawwi u sħiħ.

Meta ħlisna mill-għarqa, sirna nafu li l-gżira kien jisimha Malta. In-nies tagħha ġiebu ruħhom magħna bi ħlewwa li ma bħalha. Laqgħuna tajjeb lilna lkoll u qabbdulna ħuġġieġa, għax kienet bdiet nieżla x-xita u kien il-bard.

Mela Pawlu qabad qabda zkuk niexfa u tefagħhom fin-nar. Fiz-zkuk kien hemm lifgħa li, malli ħasset is-sħana, ħarġet u qabdet ma’ id Pawlu. In-nies tal-gżira, kif raw il-lifgħa mdendla ma’ idu, bdew jgħidu wieħed lil ieħor: “Dan ir-raġel żgur xi qattiel, għax għad li ħelisha mill-baħar, il-Ġustizzja ma ħallitux jgħix!”

Imma hu farfar il-lifgħa ġon-nar u ma ġralu xejn. Huma stennew li se jarawh jintefaħ jew jaqa’ u jmut f’daqqa. Wara li damu jistennew ħafna u raw li ma ġralu ebda deni, biddlu l-ħsieb u bdew jgħidu li kien xi alla.

F’dawk l-inħawi kien hemm l-oqsma tal-prinċep tal-gżira, li kien jismu Publju. Dan laqagħna u bil-qalb kollha u żammna għandu tlitt ijiem. 

Missier Publju inzerta mixħut, marid bid-deni u d-disenterija. Pawlu daħal ħdejh, għamel talba, qiegħed idejh fuqu u fejjqu. 

Wara dan imbagħad bdew ukoll jersqu għandu l-morda l-oħra tal-gżira, u hu fejjaqhom. 

Urewna ġieħ kbir, u meta ġejna biex nitilqu, għabbew fuq il-ġifen kull ma konna neħtieġu.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Salm 117

R/. Hallelujah.

Faħħru lill-Mulej, ġnus kollha,
sebbħuh, popli kollha;
għaliex qawwija hi l-grazzja tiegħu għalina:
il-fedeltà tal-Mulej tibqa’ għal dejjem.

R/. Hallelujah.

Evanġelju
Marru jippridkaw kullimkien.
Mk 16, 15-20

Qari mill-Evanġelju skont San Mark.
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-Ħdax : “Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu. Min jemmen u jitgħammed, isalva; iżda min ma jemminx, ikun ikkundannat.

U dawn huma s-sinjali li jsieħbu lil dawk li jemmnu: f’ismi jkeċċu x-xjaten, jitkellmu b’ilsna ġodda, jaqbdu s-sriep b’idejhom, u jekk jixorbu xi xorb li jġib il-mewt ma jagħmlilhomx ħsara; iqiegħdu idejhom fuq il-morda u dawn ifiqu.”

U hekk il-Mulej Ġesù, wara li kellimhom, kien imtella’ fis-sema u qagħad in-naħa tal-lemin ta’ Alla.

Huma mbagħad marru jippridkaw kullimkien; il-Mulej kien jaħdem magħhom u jwettaq il-kelma bil-mirakli li kienu jsiru magħha.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu.

About the author

Ikkummenta