Tifkira Solenni tal-Ikla tal-Mulej
Qari I
Qari mill-Ktieb tal-Eżodu
Il-Mulej kellem lil Mosè u lil Aron fl-art tal-Eġittu, u qalilhom: “Dan ix-xahar ikun għalikom l-ewwel fost ix-xhur, ikunilkom l-ewwel xahar tas-sena. Kellem lill-ġemgħa kollha ta’ Iżrael, u għidilhom: “Fl-għaxra ta’ dan ix-xahar kull wieħed minnkom jieħu ħaruf kull familja, wieħed kull dar. Jekk il-familja tkun żgħira wisq biex tikluh kollu, wieħed jieħu l-ħaruf flimkien mal-ġar tiegħu, l-eqreb lejn daru, skont in-numru tan-nies; skont kemm kull wieħed jiflaħ jiekol, hekk tqisuh il-ħaruf.
Il-ħaruf ikun bla difett, raġel, ta’ dik is-sena. Tistgħu tieħdu min-nagħaġ jew mill-mogħoż. Intom iżżommuh sal-erbatax ta’ dax-xahar, meta l-ġemgħa kollha ta’ dar Iżrael toqtlu bejn inżul ix-xemx u d-dlam. Imbagħad jieħdu mid-demm tiegħu, u jroxxuh fuq il-ġnub u l-blata tal-bibien tad-djar fejn ikunu se jikluh. F’dik il-lejla għandhom jieklu l-laħam mixwi, b’ħobż bla ħmira, u b’ħaxix morr. U tikluh hekk: qaddejkom imħażżma, bil-qorq f’riġlejkom u l-ħatar f‘idejkom; u tikluh bl-għaġla. Din hi l-mogħdija tal-Mulej! Għax dak il-lejl jiena ngħaddi mill-art tal-Eġittu u nidrob lil kull min hu l-ewwel fost l-imwelldin fl-art tal-Eġittu, bnedmin u bhejjem, u nagħmel ħaqq mill-allat kollha tal-Eġittu: Jien, Jaħweh!
Id-demm ikun bħala sinjal tagħkom fuq id-djar fejn tkunu, u jien xħin nara d-demm nibqa’ għaddej, u ebda marda ma tiġi teqridkom meta jien nidrob l-art tal-Eġittu. Dak il-jum ikun għalikom jum ta’ tifkira, u intom tħarsuh bħala festa tal-Mulej; iżżommu din l-osservanza bħala liġi għaż-żminijiet kollha li ġejjin”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 115 (116), 12-13.15-16bċ.17-18
R/. Il-kalċi mbierek huwa xirka mad-demm ta’ Kristu
Xi rrodd lill-Mulej
għall-ġid kollu li għamel miegħi?
Ngħolli l-kalċi tas-salvazzjoni,
u isem il-Mulej insejjaħ. R/.
Għażiża f’għajnejn il-Mulej
hi l-mewt tal-ħbieb tiegħu.
Jien qaddej tiegħek, bin il-qaddejja tiegħek.
Int ħallejtli l-irbit tiegħi. R/.
Lilek noffri sagrifiċċju ta’ radd il-ħajr,
u isem il-Mulej insejjaħ.
Intemm lill-Mulej il-wegħdiet tiegħi,
quddiem il-poplu tiegħu kollu. R/.
Qari II
Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin
Ħuti, jien irċevejt mingħand il-Mulej it-tagħlim li għaddejt lilkom, jiġifieri, li l-Mulej Ġesù, fil-lejl li fih kien ittradut, ħa l-ħobż u wara li radd il-ħajr qasmu u qal: “Dan hu ġismi li jingħata għalikom; agħmlu dan b’tifkira tiegħi”.
Hekk ukoll għamel bil-kalċi, wara li kiel, qal: “Dan il-kalċi hu l-patt il-ġdid b’demmi; agħmlu dan kull meta tixorbu, b’tifkira tiegħi”.
Mela kull meta tieklu dan il-ħobż u tixorbu dan il-kalċi, intom ixxandru l-mewt tal-Mulej sa ma jiġi.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
ara Ġw 13, 34
Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Nagħtikom kmandament ġdid,
jgħid il-Mulej:
li tħobbu lil xulxin, bħalma ħabbejtkom jien.
R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Evanġelju
Ħabbhom għall-aħħar.
Ġw 13, 1-15
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
Qabel il-festa tal-Għid, billi kien jaf Ġesù li waslet is-siegħa tiegħu biex jgħaddi minn din id-dinja għal għand il-Missier, hu, li kien ħabb lil tiegħu li kienu fid-dinja, ħabbhom għall-aħħar.
Kienu qegħdin għall-ikel. Ix-Xitan kien ġa webbel lil Ġuda ta’ Xmun l-Iskarjota u daħħallu f’rasu li jittradih. Ġesù kien jaf li l-Missier tah kollox f’idejh, u li hu kien ġie mingħand Alla u kien sejjer għand Alla. Qam minn fuq il-mejda, neħħa l-mantar minn fuqu, ħa fardal u rabtu ma’ qaddu. Imbagħad ferra’ l-ilma fil-lenbija, u beda jaħsel saqajn id-dixxipli u jixxuttahomlhom bil-fardal li kellu ma’ qaddu.
Mela wasal fuq Xmun Pietru, u dan qallu: “Int, Mulej, taħsilli saqajja?”. Ġesù wieġbu: “Int għalissa ma tafx x’qiegħed nagħmel jien; tifhmu aktar ’il quddiem”. Qallu Pietru: “Ma jkun qatt li inti taħsilli saqajja!” Wieġbu Ġesù: “Jekk ma naħsillekx saqajk, ma jkollokx x’taqsam miegħi”. Qallu Xmun Pietru: “Mulej, mhux saqajja biss, imma idejja u rasi wkoll”. Qallu Ġesù: “Min hu maħsul, ma għandux għalfejn jinħasel kollu, ħlief saqajh, għax hu kollu kemm hu nadif, u intom indaf, imma mhux ilkoll”. Għax hu kien jaf min kien sejjer jittradih; għalhekk qal: “M’intomx ilkoll indaf”.
Wara li ħaslilhom saqajhom, libes il-mantar u raġa’ qagħad fuq il-mejda; u qalilhom: “Tafu x’għamiltilkom? Intom issejħuli l-Imgħallem u l-Mulej, u tgħidu sewwa, għax hekk jien. Mela jekk jien, li jien il-Mulej u l-Imgħallem ħsiltilkom saqajkom, hekk intom għandkom taħslu saqajn xulxin. Għax jien tajtkom eżempju, biex kif għamilt jien magħkom, hekk tagħmlu intom ukoll”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
Talbiet ta’ Interċessjoni – Ħamis ix-Xirka
Ġbartna hawn illejla, Missier Qaddis, biex flimkien mal-aħwa fil-Knisja tiegħek, infakkru l-imħabba bla qjies li Ibnek il-għażiż għandu għalina. Irressqu quddiemek dawn it-talbiet tagħna biex inti tismagħhom u lilna tagħtina l-grazzja li għandna bżonn.
Missier Qaddis, Ibnek Ġesù ngħata għalina bla interess, agħti lilna l-grazzja li bħalu ningħataw għall-aħwa.
Nitolbu …
Missier Qaddis, Ibnek il-għażiż jgħallimna li s-servizz lejn l-aħwa huwa espressjoni mill-isbaħ tal-imħabba tiegħek, agħti lilna l-grazzja li naqdu lill-aħwa bl-istess imħabba li biha Ġesù ħabb lilna.
Nitolbu…
Missier Qaddis, fil-ħin tal-prova Ibnek il-għażiż ħabb lil min ittradih u ħafirlu, agħti lilna l-grazzja li naħfru lil min għamlilna d-deni.
Nitolbu …
Missier Qaddis, agħtina l-grazzja li sikwit ningħaqdu ma’ Ibnek fis-sagrament tal-Ewkaristija li hu ċ-ċelebrazzjoni tal-misteru tal-Għid.
Nitolbu…
Missier Qaddis, inti taf kollox, u taf x’għandna bżonn biex inkunu sħaħ fl-imħabba; agħmel li din iċ-ċelebrazzjoni tkun għalina l-bidu ta’ ħajja aktar qrib tiegħek. Bi Kristu Sidna.
Ammen.