Messaġġ mill-Kappillan fis-Solennità t’ Għid il-Ħamsin

Għeżież membri tal-Kommunita’ ta’ San Ġiljan,

Nhar il-Ħadd niċċelebraw is-Solennita’ ta’ Pentekoste’, l-inżul ta’ l-iSpirtu s-Santu fuq l-ewwel Kommunita’.

Tajjeb li flimkien nagħmlu din ir-riflessjoni u nifhmu l-fatt li Alla jridna nagħmlu l-frott ta’ l-iSpirtu. Nirrikonoxxu l-fatt li Alla għażel lilek u lili għal din il-missjoni, flimkien u mhux weħidna.

F’idejna għandna din l-Aħbar Tajba li mhix biss għalina imma li għandha bżonn tinxtered. Jiena, bħala l-kappillan, waħdi ma nistax nagħmel ħafna, imma flimkien nistgħu nagħmlu d-differenza.

Jien ma nistax nasal fil-familja tiegħek, mal-ħbieb tiegħek, fuq il-postijiet tax-xogħol u divertiment tiegħek, fil-ħwienet u gruppi li tiffrekwenta etc, imma int tista’, int fejn int!

Nifhem li kulħadd għandu l-impenji tiegħu u l-Mulej jirrikonoxxi dan. Probabbli s-sejħa tiegħek mhix xi sejħa biex titlaq kollox, imma bħala mgħammed/ mgħammda, int msejjaħ/a biex tipproklama l-Aħbar it-Tajba tal-imħabba ta’ Alla pemezz ta’ l-iSpritu Qaddis li qiegħed fik u li rċevejt fil-magħmudija tiegħek.

Niftakru li biex nagħmlu dan rridu nkunu magħqudin miegħu, għax Ġesu stess jgħidilna li weħedna ma nistgħu nagħmlu xejn.

Jekk aħna miegħu, kapaċi nwasslu l-imħabba, l-ferħ, il-paċi, l-paċenzja, t-tjubija, l-ġentilezza u neżerċitaw il-kontrol fuqna nfusna.  Dawn huma l-frott li jiġu mill-iSpirtu tal-Mulej u b’hekk nwasslu l-Aħbar it-Tajba mingħajr m’hemm bżonn ta’ kliem.

Ejjew nhar il-Ħadd nitolbu l-iSpirtu s-Santu biex jimlina b’dan il-kuraġġ biex bħala kommunita’ nxerrdu l-fwieħa ħelwa ta’ Kristu bl-ażżjonijiet tagħna.

Paċi u barkiet

Fr Paul Mizzi

Kappillan

About the author

Ikkummenta