Qari I
Qiegħdu idejhom fuqhom, u huma rċevew l-Ispirtu s-Santu.
Atti 8, 5-8.14-17
Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli
F’dak iż-żmien, Filippu niżel f’belt tas-Samarija u xandar lil Kristu lin-nies tagħha. Il-folol tan-nies b’fehma waħda kienu joqogħdu attenti għal dak li kien jgħidilhom Filippu, meta kienu jisimgħuh u jaraw il-mirakli li kien jagħmel. Kien hemm nies maħkuma mill-ispirti ħżiena, u dawn b’għajat kbir kienu joħorġu minn ħafna minnhom; u ħafna nies oħrajn, mifluġa jew zopop, kienu jitfejqu. U kien hemm ferħ kbir f’dik il-belt.
L-appostli, li kienu Ġerusalemm, semgħu li s-Samarija laqgħet il-kelma ta’ Alla, u bagħtu hemm lil Pietru u lil Ġwanni. Dawn niżlu hemm u talbu biex dawk li emmnu jirċievu l-Ispirtu s-Santu; għax l-Ispirtu s-Santu kien għadu ma niżel fuq ħadd minnhom, imma kienu tgħammdu biss f’isem il-Mulej Ġesù. Imbagħad l-appostli qiegħdu idejhom fuqhom, u huma rċevew l-Ispirtu s-Santu.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 65 (66), 1-3a.4-5.6-7a.16.20
R/. (1): Għajtu bil-ferħ lil Alla, bnedmin tad-dinja kollha
Jew R/. Hallelujah, hallelujah, hallelujah
Għajtu bil-ferħ lil Alla,
bnedmin tad-dinja kollha;
għannu s-sebħ ta’ ismu,
xandru s-sebħ u t-tifħir tiegħu.
Għidu lil Alla: “Kemm int tal-biża’ f’għemilek! R/.
L-art kollha tagħtik qima,
tgħannilek u tgħanni lil ismek”.
Ejjew, araw l-għemejjel ta’ Alla;
tal-biża’ f’għemilu fost il-bnedmin. R/.
Biddel il-baħar f’art niexfa,
għaddew bil-mixi minn nofs ix-xmara.
Għalhekk, nifirħu bih!
Hu jsaltan bil-kobor tiegħu għal dejjem. R/.
Ejjew, isimgħu, u ngħidilkom,
intom ilkoll li tibżgħu minn Alla,
ngħidilkom x’għamel miegħi.
Imbierek Alla, li ma warrabx it-talba tiegħi;
ma warrabx minn fuqi t-tjieba tiegħu! R/.
Qari II
Ġie mogħti għall-mewt fil-ġisem, imma ħa l-ħajja fir-ruħ.
1 Piet 3, 15-18
Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pietru Appostlu
Għeżież, lill-Mulej Kristu qaddsu f’qalbkom. Kunu dejjem lesti biex tagħtu tweġiba lil kull min jitlobkom il-għala tat-tama li għandkom. Imma wieġbu bil-ħlewwa u bir-rispett. Żommu safja l-kuxjenza tagħkom biex, meta jgħidu fuqkom, dawk stess li jkasbru l-imġiba tajba tagħkom fi Kristu jkollhom għalxiex jistħu. Jekk din tkun ir-rieda ta’ Alla, aħjar tbati għax tkun għamilt it-tajjeb milli għax tkun għamilt il-ħażin.
Għax Kristu wkoll miet darba għal dejjem minħabba d-dnubiet; hu li kien ġust, miet għall-inġusti biex iressaqkom lejn Alla; kien mogħti l-mewt fil-ġisem, imma ħa l-ħajja fl-ispirtu.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Ġw 14, 23
Hallelujah. R/. Hallelujah
Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, jgħid il-Mulej;
u Missieri jħobbu, u aħna niġu u ngħammru għandu.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Jiena nitlob il-Missier, u hu jagħtikom Difensur ieħor.
Ġw 14, 15-21
Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Jekk tħobbuni, ħarsu l-kmandamenti tiegħi. U jiena nitlob lill-Missier, u hu jagħtikom Difensur ieħor biex jibqa’ magħkom għal dejjem, l-Ispirtu tal-verità, li d-dinja ma tistax tirċevih, għax hija la tarah u lanqas tagħrfu. Iżda intom tagħrfuh, għaliex jgħammar magħkom, u huwa fikom. Ma nħallikomx iltiema. Nerġa’ niġi għandkom. Ftit ieħor, u d-dinja ma taranix aktar. Iżda intom għad tarawni, għax jiena ngħix, u intom ukoll għad tgħixu. F’dak il-jum intom tagħrfu li jiena f’Missieri, u intom fija u jiena fikom. Min iżomm il-kmandamenti tiegħi u jħarishom, dak hu li jħobbni; u min iħobb lili, iħobbu wkoll il-Missier, u jiena wkoll inħobbu u nurih lili nnifsi”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu