24 ta’ Ġunju – Solennità tat-Twelid ta’ San Ġwann Battista

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija

Isimgħuni, gżejjer, agħtuni widen, popli mbiegħda! Il-Mulej mill-ġuf sejjaħli, minn ħdan ommi ftakar f’ismi. Għamilli fommi xabla msinna, taħt id-dell ta’ idu ħbieni. Għamel minni vleġġa maħtura, fil-barżakka tiegħu ħbieni. U qalli: “Israel, inti l-qaddej tiegħi, bik jiena nkun imfaħħar.”

 U jien għedt: “Għalxejn inkeddejt, u fix-xejn ħlejt saħħti.” Imma l-ġustizzja tiegħi fil-Mulej u l-ħlas tiegħi għand Alla tiegħi.

 U issa tkellem il-Mulej, li minn ħdan ommi għamilni qaddej tiegħu, biex għandu rreġġa’ lura ’l Ġakobb u biex Israel jinġabar miegħu mill-ġdid, għax jien kont imfaħħar f’għajnejn il-Mulej, u Alla tiegħi kien il-qawwa tiegħi. Hu qalli: “Tkun ħaġa żgħira wisq għalik li inti tkun il-qaddej tiegħi biex tqajjem biss it-tribù ta’ Ġakobb u treġġa’ lura l-fdal ta’ Israel. Jien nagħmel minnek dawl għall-ġnus, biex is-salvazzjoni tiegħi sa truf l-art tinfirex.”

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Salm Responsorjali Salm 138 

R/. Irroddlok ħajr, għax tal-għaġeb għamiltni!

Mulej, int tgħarbilni u tagħrafni;

int taf meta noqgħod u meta nqum,

int tagħraf mill-bogħod ħsibijieti.

Int tagħraf il-mixi u l-waqfien tiegħi;

triqati kollha inti tafhom sewwa. R/.

Int sawwart il-ġewwieni tiegħi,

u f’ġuf ommi inti nsiġtni.

Irroddlok ħajr, għax tal-għaġeb għamiltni:

tal-għaġeb huma l-għemejjel tiegħek. R/.

U ’l ruħi inti tafha tajjeb.

Ma kienx moħbi għadmi minnek,

meta kont qiegħed insir fis-satra

u nintiseġ fil-qigħan tal-art. R/.

Qari II Atti 13:22-26

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

 F’dak iż-żmien: Pawlu qal: “Alla, lil missirijietna, qiegħed ’il David bħala sultan tagħhom, li għalih ta din ix-xhieda: ‘Sibt ’il David, bin Ġesse, raġel skont qalbi li jagħmel dak kollu li rrid jien.’ Hu minn nislu li Alla, skont il-wegħda tiegħu, ġieb għal Israel salvatur, li hu Ġesù. Qabel il-miġja tiegħu, Ġwanni deher ixandar magħmudija ta’ ndiema lill-poplu kollu ta’ Israel. 

U meta kien wasal fi tmiem il-ħidma tiegħu, Ġwanni qal: ‘Jien miniex dak li intom taħsbu li jien. Dan ġej warajja, u jien anqas jistħoqqli nħoll il-qorq ta’ riġlejh.’ Ħuti, ulied in-nisel ta’ Abraham, u intom li tibżgħu minn Alla, lilna ġiet mibgħuta l-bxara ta’ din is-salvazzjoni.”

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Akklamazzjoni għall-Evanġelju Lq 1:76

Hallelujah. Hallelujah.

Int, tfajjel, tissejjaħ profeta tal-Għoli, għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu.

Hallelujah.

 Evanġelju Lq 1:57-66.80

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

Eliżabetta għalqilha ż-żmien li teħles, u kellha tifel. Il-ġirien u qrabatha semgħu li l-Mulej wera ħniena kbira magħha, u marru jifirħu magħha. Meta mbagħad fit-tmien jum ġew biex jagħmlu ċ-ċirkonċiżjoni lit-tifel, riedu jsemmuh Żakkarija, għal missieru; imma qabżet ommu u qalet: “Le, imma Ġwanni jkun jismu.” Qalulha: “Ma hemm ħadd li jismu hekk fost qrabatek!” 

Imbagħad bdew jistaqsu bis-sinjali lil missieru x’ried isemmih, u hu talabhom xi ħaġa fuqiex jikteb, u kiteb hekk: “Ismu huwa Ġwanni.” U kulħadd baqa’ mistagħġeb. Dak il-ħin stess Żakkarija nfetaħlu fommu, ilsienu nħall, u beda jitkellem u jfaħħar ’l Alla. 

U l-ġirien tagħhom ilkoll qabadhom il-biza’, u bdew ixerrdu dawn il-ġrajjiet kollha mal-għoljiet kollha tal-Lhudija, u kull min kien jismagħhom kien iżommhom f’qalbu u jgħid: “Mela x’għad ikun dan it-tifel?” U tassew, id il-Mulej kienet miegħu. It-tifel kiber u ssaħħaħ f’ruħu, u baqa’ jgħix fid-deżert sa dakinhar li ħareġ quddiem Israel. 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu.

Talbiet ta’ Interċessjoni – 24 ta’ Ġunju

SAN ĠWANN Il-BATTISTA

Alla għażel lil Ġwanni l-Battista u bagħtu jħabbar lill-bnedmin li s-saltna tal-Messija waslet.  Imqanqlin bil-ferħ tat-twelid tiegħu, indawru ħsibijietna lejn il-Mulej u nuruh ix-xewqat tagħna.

Nitolbuk, Mulej, isseddaq fil-ħidma tagħhom lill-Papa, l-Isqfijiet, is-saċerdoti, id-djakni, u ’l dawk li, bħal San Gwann Battista, iwasslulna l-Bxara t-Tajba tas-salvazzjoni.  Nitolbu…

Nitolbuk, Mulej, għall-ommijiet kollha biex jagħrfu d-dinjità kbira u għolja tagħhom fit-trobbija ta’ wliedhom.  Nitolbu…

Nitolbuk, Mulej, għal dawk il-koppji miżżewġa li jixtiequ jkollhom tarbija biex tbierek ix-xewqa qaddisa u ġenwina tagħhom. Nitolbu…

Nitolbuk, Mulej, għal dawk li qed jaħsbu biex ineħħu l-ħajja ta’ min għadu ma twelidx, dawrilhom ħsiebhom biex jagħrfu d-dinjità ta’ kull persuna maħluqa minnek.  Nitolbu….

Nitolbuk, Mulej, għal dawk li m’humiex juru responsabbiltà f’ħajjithom u qed jingħataw għal kull xorta ta’ vizzji biex iddawwlilhom moħħhom u tagħtihom il-grazzja tal-fejqan tiegħek.  Nitolbu…

Ieqaf, Mulej, ma’ dawk li, bħal San Gwann Battista, huma profeti fi żmienna; agħtihom fidi, kuraġġ u perseveranza biex ikomplu l-ħidma diffiċli li afdajtilhom f’idejhom. Bi Kristu Sidna. Ammen.

About the author

Ikkummenta

Discover more from Parroċċa San Ġiljan

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading