Qari I
Tkunu għalija saltna ta’ qassisin u ġens qaddis.
Eż 19, 2-6a
Qari mill-Ktieb tal-Eżodu
F’dak iż-żmien, wara li refgħu t-tined, minn Rafidim ulied Iżrael waslu fid-deżert tas-Sinaj u waqqfu t-tined fid-deżert. Iżrael waqqaf it-tined hemm, biswit il-muntanja.
Mosè tala’ ħdejn Alla, u l-Mulej sejjaħlu mill-muntanja u qallu: “Dan għid lil dar Ġakobb u għarraf lil ulied Iżrael: “Rajtu intom x’għamilt lill-Eġizzjani, u kif lilkom ġarrejtkom fuq il-ġwienaħ tal-ajkli u ressaqtkom lejja. Issa, jekk tisimgħu leħni u żżommu l-patt tiegħi, intom tkunu l-wirt tiegħi minn fost il-popli kollha, għax l-art kollha tiegħi. Intom tkunu għalija saltna ta’ qassisin u ġens qaddis””.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 99 (100), 2.3.5
R/. (3c): Aħna l-poplu tiegħu u n-nagħaġ tal-mergħa tiegħu
Għajtu bil-ferħ lill-Mulej, nies kollha tal-art,
aqdu bil-ferħ lill-Mulej,
idħlu quddiemu b’għana ferrieħi. R/.
Kunu afu li Jaħweh hu Alla,
hu ħalaqna u aħna tiegħu,
aħna l-poplu tiegħu u n-nagħaġ tal-mergħa tiegħu. R/.
Għax twajjeb il-Mulej,
għal dejjem it-tjieba tiegħu;
minn żmien għal żmien il-fedeltà tiegħu. R/.
Qari II
Jekk tħabbibna miegħu bis-saħħa tal-mewt ta’ Ibnu, kemm aktar insalvaw permezz tal-ħajja tiegħu!
Rum 5, 6-11
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani
Ħuti, meta aħna konna bla saħħa, Kristu, meta wasal iż-żmien, miet għall-ħżiena. Bilkemm wieħed imut għal wieħed tajjeb, għad li wieħed għandu mnejn jagħmel il-qalb u jmut għal wieħed ġeneruż.
Iżda Alla wriena l-imħabba tiegħu meta Kristu miet għalina, aħna li konna għadna midinbin. Kemm aktar u aktar issa li aħna ġġustifikati b’demmu, insalvaw permezz tiegħu mill-korla ta’ Alla!
Jekk meta konna għadna għedewwa ta’ Alla tħabbibna miegħu bis-saħħa tal-mewt ta’ Ibnu, kemm iktar issa, li aħna ħbieb miegħu, insalvaw permezz tal-ħajja tiegħu? Mhux hekk biss, imma niftaħru wkoll f’Alla b’Sidna Ġesù Kristu li permezz tiegħu ksibna din il-ħbiberija.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Mk 1, 15
Hallelujah. R/. Hallelujah
Is-Saltna ta’ Alla waslet;
indmu u emmnu fl-Evanġelju.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Sejjaħ lejh it-tnax-il dixxiplu tiegħu, u bagħathom.
Mt 9, 36 – 10, 8
Qari mill-Evanġelju skond San Mattew
F’dak iż-żmien, Ġesù ra n-nies u tħassarhom, għax kienu mdejqa u mitluqa bħal nagħaġ bla ragħaj. Imbagħad qal lid-dixxipli tiegħu: “Il-ħsad huwa kbir, iżda l-ħaddiema ftit. Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu”.
Sejjaħ lejh it-tnax-il dixxiplu tiegħu, u tahom is-setgħa fuq l-ispirti ħżiena biex ikeċċuhom, u jfejqu kull xorta ta’ mard u ’l kull min kien nieqes minn saħħtu.
L-ismijiet tat-tnax-il appostlu huma dawn: l-ewwel Xmun, jgħidulu Pietru, u ħuh Indrì, u Ġakbu ta’ Żebedew, u ħuh Ġwanni, Filippu u Bartilmew, Tumas u Mattew il-pubblikan, Ġakbu ta’ Alfew, u Taddew, Xmun il-Kanani, u Ġuda l-Iskarjota, li mbagħad ittradieh.
Lil dawn it-tnax Ġesù bagħathom b’dawn l-ordnijiet: “Taqbdux triq il-pagani, u tidħlux f’belt tas-Samaritani; imma qabel xejn morru fittxu n-nagħaġ il-mitlufa tad-dar ta’ Iżrael. Intom u sejrin, xandru u għidu li s-Saltna tas-Smewwiet waslet. Fejqu l-morda, qajmu l-mejtin, fejqu l-lebbrużi, keċċu x-xjaten. B’xejn ħadtu, b’xejn agħtu”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu