Xahar mill-mewt ta’ Kelinu

Tifkiriet ta’ Kelinu Grech minn persuna li ħadmet qrib tiegħu – Mro.Brian Cefai

Minn meta kien tifel żgħir, Brian kien mitħla sew tal-knisja Ta’Lapsi, li dak iż-żmien kienet il-knisja parrokkjali ta’ San Ġiljan.  Huwa jgħidina li “minn mindu kelli sitt snin niftakar lil Kelinu jitħarreġ biex isir sagristan min-nannu tiegħi Salvu Cefai, li kien sagristan tal-Parroċċa tal-knisja ta’ Lapsi sal-1962.”

“Niftakar Kelinu kellu personalita’ pjuttost kwieta, kien kalm u riżervat. Ladarba laħaq sagristan, ma kinitx tonqos li ta’ kuljum Kelinu kien jagħmel xogħolu fil-knisja bi preċiżjoni kbira. Eżempju ċar meta kont narah jarma fuq l-artal il-gandlieri l-kbar tal-prima u tas-sekonda. Kien juża biċċa njama apposta biex iżomm qies wieħed bejn gandlier u ieħor. Minħabba t-tul tagħhom, x-xemgħat  ta’ dawn il-gandlieri kienu jinbarmu u trid tara lil Kelinu imur repetutament ħdejn il-bieb il-kbir jifli li kull xemgħa hija mdawra sakemm tkun dritta. Apparti hekk Kelinu kien jitla’ fuq nett mas-sellum maż-żewġ ħitan, biex jiċċekkja b’injama apposta li ż-żewġ xemgħat tat-truf huma l-istess qies  sal-ħajt.”

“Iż-żmien beda għaddej u meta kelli xi ħdax-il sena, għal żmien il-festa, Kelinu kien jibda’ jarma d-damask minn xahar u nofs qabel u peress li ma kellux għajnuna kien jistaqsi għalija man-nanna Lukarda, mart Salvu, biex immur nagħtih daqqa t’id. Waqt dan iż-żmien nista’ ngħid li Kelinu kien ġentlom u paċenzjuż ħafna. Kien raġel ħafif u għaġli,  jitla’ ma’ żewġt islielem marbutin flimkien, bid-drapp tad-damask fuq idejh biex jarma miċ-ċinta l-isfel. Dan kien ikun għoli l’fuq minn żewġ sulari.”

Jissokta Brian imur lura fiż-żmien: “L-iktar ħaġa li kienet timpressjonani mid-determinazjoni ta’ Kelinu hija li ta’ kuljum, wara li kien ilesti mix-xogħol tal-knisja, kien jerħilha fejn missieru Ġiljan, biex jgħinu fit-tisqija u xogħol ieħor fl-għelieqi tagħhom. Waqt il-ħin tal-quddiesa, kont tara lil Kelinu s-sagristan dejjem liebes bi ġlekk u ngravata u meta jkellmek rari kien iħares fiss fl-għajnejn.”

“Episodju ieħor li niftakar sewwa huwa meta sakemm l-istatwa ta’ San Ġijan tkun barra fi żmien il-festa, kuljum fuq il-bejt tal-knisja konna naħarqu l-musketterija flimkien ma’ missieri Ġillu. Kelinu ma kienx jafda iħalli karti jiġru fuq il-bejt u minnufih kien inaddfu, anki jekk il-musketteriji kienu jinħarqu kuljum.”

“Ovvjament meta gerbu s-snin u sirt ġuvni, il-knisja ta’ Lapsi spiċċat minn Parroċċa u ma bqajtx bil-kuntatt ma’ Kelinu. Kelli tifkiriet sbieħ, li bħan-nannu Salvu s-sagristan, Kelinu għeni nagħraf l-importanza tal-bżulija u l-imħabba lejn il-knisja ta’ Lapsi.”  

Mro. Brian Cefai

About the author

Ikkummenta