It-Tlugħ fis-Sema tal-Verġni Mqaddsa Marija – Solennità

Quddiesa tal-Vġili

Qari I
Qiegħdu l-arka ta’ Alla f’nofs it-Tinda.
1 Kron 15:3-4,15-16; 16:1-2

Qari mill-Ewwel Ktieb tal-Kronaki

F’dak iż-żmien, David ġema’ ’l Iżrael kollu f’Ġerusalemm biex itella’ hemmhekk l-arka tal-Mulej fil-post li kien waqqaf għaliha. U hu laqqa’ flimkien ’l ulied Aron u l-Leviti. Kienu dawn li ġarrew l-arka ta’ Alla, u refgħuha fuq spallejhom bil-lasti, kif kien ordna Mosè fuq il-kelma tal-Mulej. David qal lill-kapijiet tal-Leviti biex iqabbdu wħud mit-tribù tagħhom u jqegħduhom bħala għannejja bl-istrumenti tad-daqq, arpi, ċetri, ċnieċel, biex isemmgħu għana u daqq li jferraħ.

Ġabu l-arka ta’ Alla u qegħduha f’nofs it-tinda li kien waqqfilha David, u offrew quddiem Alla sagrifiċċji tal-ħruq u sagrifiċċji tas-sliem. Meta temm joffri s-sagrifiċċji tal-ħruq u s-sagrifiċċji tas-sliem David bierek il-poplu b’isem il-Mulej.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI
Salm 131:6-7,9-10,13-14

R/. Qum, Mulej, int u l-arka tal-qawwa tiegħek.

Ara, smajna biha f’Efrata,
sibnieha fir-raba’ ta’ Ġagħar.
Ħa mmorru fl-għamara tiegħu,
nixteħtu quddiem il-mirfes ta’ riġlejh. R/.

Il-qassisin tiegħek jiżżejnu bil-ġustizzja,
u l-qaddisin tiegħek jgħajtu bil-ferħ.
Minħabba f’David, il-qaddej tiegħek,
la twarrabx wiċċ il-midluk tiegħek. R/.

Għax il-Mulej għażel lil Sijon
u xtaqha tkun id-dar tiegħu:
“Hawn insib is-serħan tiegħi għal dejjem!
Hawn irrid ngħammar, għax hawn xtaqt jiena!”. R/.

QARI II
Alla tana r-rebħa permezz ta’ Sidna Ġesù Kristu.
1 Kor 15:54-57

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Ħuti, meta dak li jitħassar jilbes in-nuqqas ta’ taħsir, meta dak li jmut jilbes l-immortalità, imbagħad iseħħ dak li hemm miktub: “Inbelgħet il-mewt fir-rebħa. Fejn hi, ja mewt, ir-rebħa tiegħek? Fejn hi, ja mewt, in-niggieża tiegħek?”. In-niggieża tal-mewt hi d-dnub, il-qawwa tad-dnub hi l-liġi. Niżżu ħajr lil Alla li tana r-rebħa permezz ta’ Ġesù Kristu.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Lq 11:28

R/. Hallelujah.
Hienja dawk li jisimgħu l-kelma ta’ Alla
u jħarsuha.
R/. Hallelujah.

EVANĠELJU
Hieni l-ġuf li ġiebek.
Lq 11: 27-28

Qari mill-Evanġelju skond San Luqa

F’dak iż-żmien, waqt li Ġesù kien qiegħed ikellem lin-nies kien hemm waħda mara li refgħet leħinha minn qalb il-folla u qaltlu: “Hieni l-ġuf li ġiebek u s-sider li rdajt!”.

Iżda hu qalilha: “Imma, tassew, aktar hienja dawk li jisimgħu l-Kelma ta’ Alla u jħarsuha!”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. It-tifħir lilek, Kristu.

About the author

Ikkummenta