Il-Ħadd, 6 ta’ Awwissu
Jum il-Ħajja

8.30AM sa 1.00PM: Uffiċjali miċ-Ċentru Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm ser ikunu qegħdin fil-Każin Banda San Ġiljan għal dawk in-nies li jixtiequ jagħtu għotja tad-demm. Inħeġġu lill-parruċċani biex jaċċettaw din l-istedina b’għan nobbli. Din l-attività qed issir fuq inizjattiva tal-Każin Banda San Ġiljan b’kollaborazzjoni mal-Parroċċa u l-Kunsill Lokali San Ġiljan.
It-Tnejn, 7 ta’ Awwissu
Jum iż-Żagħżagħ

8.30PM: Bi tħejjija għall-festa sa jkollna lil Ġesu’ Sagramentat espost għal qima u talb personali fil-Kappella tal-Kunċizzjoni. Ikun hemm ukoll saċerdoti disponibbli għall-qrar. Inħeġġu liż-żagħżagħ involuti fil-festa jgħaddu ftit tal-ħin quddiem Ġesù Sagramentat u jersqu lejn is-sagrament tal-qrar. Din l-attività ser ssir b’kollaborazzjoni mal-Youth Fellowship.
Il-Ġimgħa, 18 t’Awwissu
Inawgurazzjoni tal-Intervent ta’ Restawr u Konservazzjoni fuq il-Kwadru Titulari ta’ San Ġiljan
8.30PM: Serata organizzata mill-Għaqda Dilettanti Knisja ta’ Lapsi, San Ġiljan, li matulha jiġi inawgurat l-intervent ta’ restawr u konservazzjoni fuq il-kwadru titulari ta’ San Ġiljan, attribwit lil Antonio Catalano (1596). Matul is-serata ser tingħata preżentazzjoni fuq l-istorja tal-kwadru mill-Professur Stanley Fiorini, filwaqt li s-Sinjura Amy Sciberras – konservattriċi, fundatriċi, u direttriċi ta’ Amy Sciberras Conservators – Fine Arts Restoration, ser tagħti preżentazzjoni fuq l-intervent ta’ restawr u konservazzjoni fuq il-kwadru, liema intervent kien megħjun mill-Kunsill Malti għall-Arti u d-Direttorat ta’ Restawr u Preżervazzjoni. Jipparteċipa l-Coro Bel Canto & String Ensemble, taħt id-direzzjoni ta’ Mro Hermann Farrugia Frantz.

Wara jkun hemm riċeviment għal dawk kollha preżenti fuq iz-zuntier tal-Knisja ta’ Lapsi, organizzat mill-istess Għaqda.
Is-Sibt, 19 t’Awwissu
Jum it-Tħabbira tal-Festa
7:45PM: Quddiesa f’Xatt is-Sajjieda mill-Kappillan Dun Paul Mizzi animata mis-St. Julians Youth Band bis-sehem tas-St. Julians Choral Group fi ħdan il-Każin Banda San Ġiljantaħt id-direzzjoni tad-Direttur Mużikali Mro Jessica Ellul.

Wara l-quddiesa jkun hemm Lejla Maltija bis-sehem tas-St. Julian’s Youth Band fi ħdan il-Każin Banda San Ġiljan li tferraħ lil dawk preżenti b’kunċert ta’ mużika popolari taħt id-direzzjoni tal-Assistent Direttur Mużikali, Mro Matthew Grech. Jieħdu sehem is-St. Julians Choral Group u kantanti oħra.
Illum ma ssirx il-quddiesa tat-7.45pm fil-Knisja Parrokkjali.
Il-Ħadd, 20 t’Awwissu
20 Ħadd ta’ Matul is-Sena
Il-quddies ikun bħal ta’ nhar ta’ Ħadd.
It-Tnejn, 21 t’Awwissu
Jum id-Dilettanti tal-Festa
Ħruġ tal-Vara min-Niċċa
7.00PM: Quddiesa fil-Knisja Parrokkjali mill-Viċi-Kappillan, ir-Rev.du Dun Joshua Cortis, u animata mis-St. Julian’s Choral Group, immexxi mis-Sur Pio Dalli. Mistiedna speċjali membri tal-għaqdiet li jorganiżżaw jew jieħdu sehem attiv fil-festa ta’ San Ġiljan, dilettanti tal-festa u persuni li jisimhom għall-qaddis patrun San Ġiljan.

Wara l-quddiesa, il-vara titulari ta’ San Ġiljan tinħareġ min-niċċa tagħha u titwassal sa fuq iz-zuntier tal-knisja, fejn tiġi milqugħa mill-Banda San Ġiljan li tagħtiha tislima permezz tad-daqq tal-innu popolari u innijiet u marċi oħra.
Mal-ħruġ tal-vara fuq iz-zuntier jinħarqu salut u kaxxa infernali bil-beraq minn Triq Michelanġ Borg organizzati mis-Sur Julian Sammut.
It-Tlieta, 22 t’Awwissu
Jum l-Anzjani u l-Morda
6.30PM: Fil-Knisja Parrokkjali l-Antika (Ta’ Lapsi), quddiesa għall-anzjani u l-morda organiżżata mill-Kummissjoni Djakonija, li fiha jiġi amministrat is-sagrament tal-griżma tal-morda. Il-quddiesa tkun immexxija mill-W.R. Mons. Ġwann Galea, ex-kappillan tal-parroċċa, u animata mis-St Julian’s Choral Group taħt it-tmexxija tas-Sur Pio Dalli.

Wara jkun hemm riċeviment għall-anzjani fuq iz-zuntier tal-Knisja ta’ Lapsi.
Fis-7.00pm ikun hemm xorta waħda quddiesa fil-Knisja Parrokkjali.
L-Erbgħa, 23 t’Awwissu
Jum it-Tfal u l-Adolexxenti
7.00PM: Fil-Knisja Parrokkjali tiġi ċċelebrata quddiesa għat-tfal u l-adolexxenti kollha tal-parroċċa mir-Rev.du Dun Jean Claude Schembri, Chaplain tas-Seminarju Minuri. Il-quddiesa tkun animata mill-Banda taż-Żgħażagħ tas-Soċjetà Mużikali Spinola, taħt id-direzzjoni tas-Surmast Aldo Minuti.

Wara ssir manifestazzjoni għat-tfal bl-istatwa ta’ San Ġiljan, akumpanjata mil-Banda Spinola, mill-Knisja Parrokkjali sal-Knisja ta’ Lapsi. Il-manifestazzjoni tiġi akkumpanjata mill-Banda taż-Żgħażagħ tas-Soċjetà Mużikali Spinola u tgħaddi minn Triq Mons. Guido Calleja, Triq il-Kbira, Triq il-Karmnu, Triq Sant’Anġlu, Triq Lapsi. Il-briju f’din il-manifestazzjoni jkun organizzat mill-grupp Briju Ġiljaniż u mill-Għaqda Dilettanti Knisja ta’ Lapsi, San Ġiljan.
Il-Ħamis, 24 t’Awwissu
Jum l-Għaqdiet
7.00PM Fil-Knisja Parrokkjali ssir quddiesa mir-Rev.du Dun Tony Aguis, li jagħti servizz pastorali fil-parroċċa tan-Naxxar u ex-kappillan tal-parroċċa. Din il-quddiesa tiġi organiżżata mill-Kunsill Pastorali Parrokkjali u huma mistiedna b’mod speċjali l-kummissjonijiet parrokkjali u l-għaqdiet reliġjużi u soċjali tal-parroċċa. Il-quddiesa tkun animata mis-St Julian’s Choral Group, taħt it-tmexxija tas-Sur Pio Dalli.

F’din il-quddiesa, il-membri tal-kummissjonijiet u l-għaqdiet jippreżentaw għotja b’risq il-proġetti ta’ karità tal-parroċċa. Wara jkun hemm riċeviment fuq iz-zuntier tal-knisja.
Il-Ġimgħa, 25 t’Awwissu
Jum il-Familja
6.00PM Quddiesa letta fil-Knisja ta’ Lapsi mill-W.R. Kan. Stefan Galea, Viċi-Arċipriet tal-Parroċċa ta’ San Publiju, il-Furjana. Wara l-quddiesa, Patri Michael Camilleri O.P., Kappillan tal-Parroċċa tal-Madonna ta’ Porto Salvo u San Duminku l-Belt, Valletta jinseġ prietka b’tifħir u glorja lil San Ġiljan.

Hekk kif tintemm il-prietka, tingħad il-kurunella, isir il-kant tal-Innu tal-Istrofi Nomine Insignem u l-antifona Beate Juliane (1847). Fl-aħħar tingħata l-barka sagramentali. Il-liturġija ser tiġi ppreseduta mir-W.R. Kan. Stefan Galea.
Jieħu sehem l-Amadeus Chamber Choir u l-orkestra taħt it-tmexxija ta’ Mro Brian Cefai. Tiġi esegwita mużika mill-Cappella Nani.
Wara, riċeviment fuq iz-zuntier għal dawk kollha li jattendu.
7.00PM Fil-Knisja Parrokkjali, quddiesa għall-familji kollha tal-parroċċa mill-W.R. Mons. Eddie Zammit, Rettur tal-Kappella tal-Madonna ta’ Pompei, ir-Rabat, Għawdex animata mis-St Julian’s Choral Group.

Mistiedna jattendu koppji li ngħaqdu fis-sagrament taż-żwieġ mill-festa tas-sena l-oħra sal-lum u koppji li għalqu xi anniversarju speċjali taż-żwieġ (speċjalment dawk li għalqu 25 jew 50 sena miżżewġin). Fi tmiem il-quddiesa, issir il-preżentazzjoni tat-trabi lil San Ġiljan u tingħata tifkira.
Is-Sibt, 26 t’Awwissu
Lejlet il-Festa
5.45PM: Quddiesa fil-Knisja Parrokkjali l-Antika (Ta’ Lapsi) mir-Rev.du Dun Stefan Attard, Dekan tal-Fakulta tat-Teoloġija fl-Università ta’ Malta u saċerdot li jservi fil-parroċċa.

6.30PM: Translazzjoni solenni bir-relikwa ta’ San Ġiljan mill-Knisja Parrokkjali l-Antika (Ta’ Lapsi) sal-Knisja Parrokkjali mmexxija mir-Rev.du Dun Denis Schembri, Arċipriet tal-Parroċċa tal-Madonna ta’ Stella Maris, f’ Tas-Sliema.

7.00PM: Ir-Rev.du Dun Denis Schembri, jiċċelebra quddiesa solenni fil-Knisja Parrokkjali bis-sehem l-Amadeus Chamber Choir u l-orkestra mmexxija minn Mro. Brian Cefai. Tiġi esegwita l-English Mass ta’ Mro. J Vella.
Illum ma ssirx il-quddiesa tat-7.45pm.
Il-Ħadd, 27 t’Awwissu
Jum il-Festa
Il-ħin tal-quddies ikun hekk: 8.00am, 9.00am (Knisja ta’ Lapsi), 9.30am (solenni), 11.30am (minflok tal-12.15pm) u fis-6pm.

9.30AM: Fil-Knisja Parrokkjali, quddiesa solenni mmexxija mill-W.R. Mons. Claude Portelli, membru tal-Kapitlu Metropolitan u ex-kappillan tal-parroċċa, flimkien mal-kleru tal-parroċċa. Jinseġ il-paniġierku, il-W.R. Kan. Robert Grech, Kappillan tal-Parroċċa ta’ San Ġorġ Preca, is-Swatar. Il-quddiesa tkun animata mill-Amadeus Chamber Choir u l-orkestra mmexxija minn Mro. Brian Cefai. Tiġi esegwita l-Missa Brevis, kompożizzjoni ta’ Mro Brian Cefai.
6.00PM: Quddiesa letta fil-Knisja Parrokkjali qabel il-ħruġ tal-purċissjoni mill-W.R. Kan. Martin Bruno, li jservi fil-Parroċċa ta’ San Ġorġ Martri, Ħal-Qormi u huwa saċerdot residenti fil-parroċċa tagħna.
7.00PM: Ħruġ tal-purċissjoni bl-istatwa artistika ta’ San Ġiljan, immexxija mir-Rev.du Dun Marco Portelli, koordinatur tax-xogħol pastorali mal-persuni separati, u saċerdot residenti fil-parroċċa. Jingħata salut mill-kaċċaturi miġbura fuq il-bejt tal-knisja. Waqt il-ħruġ tal-purċissjoni jinħarqu salut u kaxxa infernali organizzati mis-Sur Julian Sammut minn Triq Michelanġ Borg.

Il-Banda tal-Għaqda Mużikali Santa Marija ta’ Ħal-Għaxaq, mistiedna tas-Soċjetà Mużikali Spinola, tilqa’ l-purċissjoni fuq iz-zuntier tal-knisja bid-daqq tal-innu popolari u wara takkumpanjaha matul it-toroq: Forrest, Mensija, San Ġorġ, il-Kbira, Mons. Guido Calleja, Lapsi, Sant’ Anġlu u Telgħet Birkirkara. L-istess banda tkompli marċ minn Triq il-Kbira, Trejqet Grenfell, Triq Ġorġ Borg Olivier sal-Pjazza tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù.
9.00PM: Il-Banda San Leonardu ta’ Ħal-Kirkop, tilqa’ l-istatwa artistika ta’ San Ġiljan fi Triq Ġorġ Borg Olivier bl-innu popolari, u takkumpanja l-purċissjoni sad-dħul tagħha fil-knisja.

9.45PM: Spettaklu tan-nar fil-Bajja Spinola mill-Għaqda Piroteknika San Ġiljan b’akkumpanjament lill-purċissjoni li tkun għaddejja minn Triq Borg Olivier u Pjazza Spinola, li jikkonsisti f’blalen, sfejjer, murtali b’fetqiet tal-kulur, u kaxxa infernali tal-aħħar.
10.15PM: Il-Ġiljaniżi jkunu jistgħu jerfgħu l-vara ta’ San Ġiljan tul Triq Wied Għomor sal-pont tal-knisja.
Waqt id-dħul tal-purċissjoni u l-wasla tal-vara fuq il-pont u z-zuntier tal-knisja jkun hemm akkumpanjament ta’ nar u kaxxa infernali tal-kulur minn Triq Michelang Borg organizzati mis-Sur Julian Sammut.
11.00PM: Dħul tal-purċissjoni fil-knisja, milqugħa bil-kant tal-antifona Beate Juliane ta’ Dr Paolo Nani (1847) mill-Amadeus Chamber Choir. Wara ssir Ċelebrazzjoni Ewkaristika u jitkanta l-innu ta’ San Ġiljan.