Artiklu dwar is-Salve Regina miktub mill-mibki Eċċ. Tiegħu Mons. Nikol Ġ. Cauchi – Isqof t’Għawdex
Is-Salve Regina, hija innu ta’ tifħir lill-Madonna, bħala Omm tal-Ħniena, u avukata li tgħin lill-insara, matul l-eżilju tagħhom fuq din l-art u talba ħerqana lilha.
Is-Salve Regina tirrifletti perfettament il-mentalita’ u l-atteġġjament tal-insara medievali lejn Marija, il-fiduċja sħiħa tagħhom fiha, l-Omm tal-ħniena, li lilha wlied Eva fl-eżilju jirrikorru u jafdaw lilhom infushom u jqiegħdu lilhom nfushom taħt il-ħarsien tagħha għax hija l-ħajja, il-ħlewwa u t-tama tagħhom, kollha setgħa bħala avukata (difensura) tagħhom quddiem Alla, u bħala Medjatriċi bejnhom u Kristu, li Hija turih lilhom meta jintemm l-eżilju ta’ din id-dinja.
Din l-antifona marjana ġiet miktuba minn awtur mhux magħruf tas-seklu ħdax, jiġifieri ma nistgħux ngħidu b’ ċertezza min kitibha. Fl-imgħoddi kien hemm ħafna li kienu jaħsbu li kitibha San Bernard ta’ Clairvaux, (1090-1153) iżda studjużi moderni, huma tal-fehma li nkitbet żmien qabel, qrib it-tmiem tas-seklu ħdax jew il-bidu tas-seklu tnax. Jissemmew ukoll, bħala awturi tagħha l-Isqof Pietru ta’ Compostella u anki l-Isqof Ademaro ta’ Puy. Huwa probabbli ħafna, iżda, li kemm il-kliem kif ukoll ir-ritmu antik tagħha, ħoloqhom Ermanno Contractus, patri Benedittin ta’ Reichenau, li miet fl- 1054. Is-Salve Regina ma damitx ma saret popolari ħafna u mat-tmiem is-seklu ħdax, kienet diġa’ saret magħrufa kważi kullimkien fil-Knejjes tal-Punent.
Il-kant tas-Salve Regina, kien fuq fomm is-suldati, immexxija minn Ademaro ta’ Puy li ħadu sehem fil-kruċjati, biex jiddefendu l-Art Imqaddsa. Din it-talba ġiet imsejħa wkoll “cantio nautica” għaliex il-baħrin li kienu jsalpaw mix-xtajta ta’ Spanja, kienu spiss ikantawha.
Is-Salve Regina kienet ġiet ikkritikata bl-aħrax mill-Protestanti għaliex fiha l-Madonna hija msejjħa, “sultana u omm tal-ħniena”, kif ukoll “ħajja u tama tagħna”. Kemm it-Teologu Ġiżwita Francisco Suarez kif ukoll il-Kardinal San Roberto Bellarmino iddefendew s-Salve Regina kontra l-Protestanti.
Saru diversi kummenti tas-Salve Regina, fosthom dak ta’ San Pietru Canisio, fil-ktieb “De Virgine Incomparabili” kif ukoll dak ta’ Sant’ Alfonzu Marija de Liguori, isqof ta’ Sant’ Agata dei Goti, fil-ktieb tiegħu “Le glorie di Maria” li fih żewġ taqsimiet; l-ewwel waħda hija tifsir fuq is-Salve Regina, u fit-tieni parti hemm tagħlim fuq il-misteri tal-ħajja tal-Verġni Marija u fuq il-festi tagħha.
Is-Salve Regina fil-Liturġija:
Hija ġiet imdaħħla fis-servizz liturġiku fl-Abbazija ta’ Cluny madwar is-sena 1135. Pietru il-Venerabbli, Abbati ta’ Cluny (+ 1156) għamel ħiltu kollha biex irawwem id-devozzjoni marjana fl-Ordni tiegħu. Fl-istatuti tal-Kongregazzjoni ta’ Cluny huwa ordna fost l-oħrajn li s-Salve Regina tiġi kantata fil-festa ta’ l-Assunzjoni, matul il-proċessjoni.
Iċ-ċisterċensi, sa mill-1251 bdew jirreċitawha ta’ kuljum wara l-kompjeta. Il-Franġiskani daħħlu dan l-użu qrib is-sena 1249. Il-kapitlu ġenerali tad-Durnnikani, li nżamm f’Limoges, fis-sena 1250 iddeċieda li s-Salve Regina għandha titkanta ta’ kuljum, fil-għaxija, fi tmiem l-Uffiċċju Divin mill-membri ta’ dak l-Ordni Reliġjuż.
Il-Papa Girgor IX fl-1239, ried li dik l-antifona titkanta fil-knejjes kollha ta’ Ruma, kull nhar ta’ ġimgħa, wara l-uffizzju. Fl-1350, il-Papa Klement VI daħħal dan l-użu fir-reċita tal-Brevjar Ruman.
Skond id-digriet tal-Papa Ljun XIII, tas-6 ta Jannar 1884 is-Salve Regina, kienet tiġi reċitata fi tmiem kull Quddiesa letta, bħala talba għall-konverżjoni tar-Russja; iżda din id-drawwa waqfet mar-riforma Liturġika ta’ wara l-Konċilju Vatikan II.

Tifsir:
• Sliem għalik, Sultana:Din it-talba tibda bl-istess kelmiet li bihom, l-Arkanġlu Gabriel b’rispett profond, sellem lil Marija meta dehrilha f’Nazareth u ħabbrilha li kellha ssir Omm Alla: “Sliem għalik” (Lq.1,28). Minn dan aħna nitgħallmu li għandna nirrispettawha u nqimuha u fl-istess ħin, b’fiduċja kbira nressqu quddiemha x-xewqat u l-uġiegħ tagħna.
Kif josserva San Robeliu Bellanninu, bir-raġun kollu, il-Madonna tissejjaħ Sultana, ladarba hija Omm Kristu, is-Sultan tas-slaten, li lilu, kif ġie mħabbar mill-Arkanġlu Gabriel il-Mulej Alla, ser jagħtih “it-tron ta’ David missieru u jsaltan għal dejjem fuq dar Ġakobb u ma jkunx hemm tmiem għas-saltna tiegħu” (Lq. l,32-33).
• Omm tal-ħniena: M’hemm ebda raġuni għaliex ma għandhiex tissejjah “Omm tal-Ħniena”, la darba hija welldet lil Kristu, li minnu nirċievu l-ħniena. Dwar il-maternita’
spiritwali tal-Madonna, il-Konċilju Vatikan Il (Lumen Gentium, n.23) jgħidilna; “Hija, tassew l-Omm tal-membri kollha ta’ Kristu, għaliex hija ikkooperat bl-imħabba tagħha għat-twelid fil-Knisja ta’ l-insara, li huma membri ta’ l-istess ras”.
- Hajja, ħlewwa tama tagħna: Insejħulha ħajja tagħna, mhux għaliex hija l-ħajja, fl-essenza tagħha, kif inhu Alla u l-anqas bħala l-għajn ewlienija tal-ħajja, li hu Kristu iżda għaliex hija tatna lil Kristu u permezz tiegħu hija saret omm ta’ dawk kollha li jgħixu bil-ħajja spiritwali. Għaliex hija omm t’ Alla u bit-talb tagħha takkwistalna l-ħajja spiritwali, aħna nsejħulha tama tagħna, u anki salvazzjoni tagħna, peress li hija tinterċedi għalina.
Kristu qal “ħenjin ta’ qalbhom ħelwa għax huma jkollhom b’wirthom l-art” (Mt.5,5). Il-Madonna kellha wkoll din il-beatitudni u hija kollha ħlewwa magħna u mal-bnedmin
l-oħra.
Francesco Suarez isejħilha tama tal-midinbin u hena u salvazzjoni tad-dinja, u anki reparatriċi u medjatriċi, iżda mhux bl-istess tifsira li ngħiduhom lil Alla, lilu nitolbuh jagħmel għalina dak li nixtiequ, lilha sabiex tinterċedi għalina.
• Sliem għalik, lilek li ngħajtu: Aħna lill-Madona mhux biss inqimuha iżda wkoll ninvokawha u nsejħulha biex tagħtina l-għajnuna. Iżda biex il-qima tagħna lejn Sidna Marija tkun sħiħa jeħtieġ ukoll li nagħmlu ħilitna biex nimitawha.
• Għax aħna tturrufnati,: Wara li Adam u Eva waqgħu fid-dnub il-bnedmin ġew imkeċċija mill-ġenna ta’ l-artu f din id-dinja qegħdin biss għal ftit taż-żmienkif naqraw fl-ittra lil-Lhud “għax atma hawnhekk ma għandniex belt li tibqa’ għal dejjem iżda qegħdin infittxu dik li għad trid tiġi” (Lh.13,14) jiġifieri il-ġenna pajjiżna.
- Wlied Eva lilek nitniehdu: Minħabba id-dnub li għamlu l-ewwel ġenituri tagħna, Adam u Eva, huma tilfu mhux biss il-grazzja jew il-tibiberija ma’ Alla imma wkoll id-doni li kien tahom Alla bħalma hija l-ħlusija mit-tbatija, mill-mard u mill-mewt. Għalhekk il-qagħda tagħna f din id-dinja mhix waħda ta’ ferħ u ta’ hena iżda waħda ta’ niket u biki.
- Aħna li nibku u nolfqu: Kristu reġa’ kisbilna l-ħajja tal-grazzja iżda d-doni preternaturali intilfu għal dejjem. Għalhekk hija x-xorti tal-bnedmin illi jibku u jolfqu meta jkunu milqutin mill-uġiegħ jew minn xi tribulazzjoni oħra. Kristu qalilna “ħenjin dawk li jibku għax huma jkunu mfarrġa” (Mt.5,4). Mhux kull biki u dwejjaqjgħinuna biex nikbru fil-qdusija, iżda biss dak li naċċettawh bis-sabar u f għaqda mar-rieda ta’ Alla.
- F’dan il-wied tad-dmugħ: Din l-espressjoni, li nużawha ta’ spiss anki fil-konversazzjonijiet tagħna, tiġbor fiha esperjenza qarsa, tal-għawġ u l-hemm li ninsabu imdawwrin bihom f din il-ħajja. Biżżejjed insemmu l-perikli tar-ruħ u tal-ġisem, u l-ħsarat li nġarrbu ta’ spiss u li jġiegħluna nsofru u nibku. Alla, lit-tajbin li jidħlu fil-ġenna, wara li joħorġu minn dan il-wied tad-dmugħ ‘ jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom: ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew għajjat jew tbatija ma jkun hemm iżjed, għax għabu l-ħwejjeġ ta’ qabel” (Ap,21,4)u jagħtihom il-premju ta’ dak li ġarrbu biex jibqgħu dejjem fidili lejh.
- Ejja, mela avukata tagħna, (advocatum habeamus coram patre): “Fil-Knisja, il-Verġni Mbierka tissejjaħ bl-ismijiet ta’ avukata, Awżiljatriċi, għajnuna, Medjatriċi. Madanakollu ħadd ma għandu jaħseb li b’daqshekk qiegħda titnaqqas jew tiżdied xi ħaġa fil-kobor u l-qawwa ta’ Kristu, li hu waħdu l-Medjatur” (Lumen Gentium, n.62).
San Ġwann dwar Kristu jgħid “Jekk xi ħadd jidneb, aħna għandna Avukat (Difensur) quddiem il-Missier” (JĠw.2,1) għaliex Huwa l-Medjatur li fdiena biċ-ċarċir ta’ demmu, iżda dan ma jeskludix il-funzjoni subordinata ta’ Marija, fil-medjazzjoni unika ta’ Kristu.
- Dawwar lejna dawk l-għajnejn tiegħek tal-ħniena: B’dan il-kliem, aħna nuru x-xewqa tagħna, li l-Madonna, bħal Omm l-iktar trnnina, iżżommna dejjem taħt il-protezzjoni qawwija tagħha, u tmexxina lejn il-ġenna.
- U wrina, wara dan it-turrufnament: L-appostlu Missierna San Pawl jgħidilna li dment li qegħdin ngħixu fuq din l-art, bil-ġisem tagħna li jmut “aħna nitniehdu, mxennqa li nilbsu fuq din l-għamara tal-ġisem l-għamara l-oħra tas-sema” (2 Kor.5,2) u jkompli jfakkarna li “sakemm indumu mlibbsa b’ dan il-ġisem, nibqgħu ‘l bogħod mill-Mulej” (2 Kor.5,6).
- Lil Ġesu ‘, frott imbierek tal-ġuf tiegħek: F’dawn il-kelmiet, inħossu jidwu t-tislima u t-tifħir li Eliżabetta, tat lill-Verġni Marija, qariba tagħha, meta qaltilha “Imbierka Inti fost in-nisa u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek” (Lq.1,42).
- ħanina, o pija, o ħelwa: Din l-invokazzjoni, li biha tagħlaq is-Salve Regina, ġiet miżjuda minn San Bernard fil-vġili tal-Milied tal-1146, meta l-Imperatur Corrado, żar il-kattedral ta’ Spira u hija espressjoni mill-isbaħ ta’ l-imħabba kollha ħeġġa li kellu l-qaddis, lejn il-Verġni Mbierka. San Amadew, Isqof ta’ Lausanne, (Omelija, 7) dwar il-Madonna jgħid “Omm l-Għarus waħdieni, kollha ħlewwa u għożża u għaxqa, tniżżel mis-sema xmajjar ta’ sliem u xita ta grazzi”.
• Verġni Marija: Meta Alla, għażel ‘l Marija biex tkun Omm l-Iben tiegħu magħmul bniedem, kif jikkummenta San Bernard “Huwa ried li jkun hemm verġni bla mittiefsa u kollha kemm hi safja biex minnha jiġi fid-dinja l-Mulej kollu kemm hu safi, ħa jagħti s-safa lill-bnedmin mittiefsa”.