25 ta’ Diċembru – Solennità tat-Twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu – Quddiesa tal-Lejl tal-Milied

QARI I
Ingħatalna iben.
Is 9, 1-6

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija

Il-poplu li kien miexi fid-dlam
ra dawl kbir;
in-nies li joqogħdu f’art id-dlam
dawl idda fuqhom.
Int kattart il-ġens,
kabbart l-hena;
huma ferħu quddiemek,
bħalma jifirħu fi żmien il-ħsad,
bħalma jifirħu fi qsim il-priża.
Għax il-madmad li kien itaqqlu,
u l-ħatar ta’ fuq spallejh,
u l-bastun tal-argużin,
int kissirthom bħal f’jum Midjan.
Għax kull qorq li jħabbat fit-taqtigħa,
kull mantell mgħargħar fid-demm
jispiċċa għall-ħruq,
biex jieklu n-nar.
Għax tweldilna tifel,
ingħatalna iben;
is-setgħa tkun fuq spallejh, u jsemmuh:
Kunsillier tal-għaġeb, Alla setgħan,
Missier għal dejjem, Prinċep tas-sliem.
Kbira tkun setegħtu,
u s-sliem bla qjies
fuq it-tron ta’ David u s-saltna tiegħu.
Hu jwettaqha u jsaħħaħha
bil-ħaqq u s-sewwa,
minn issa u għal dejjem.
Il-ħeġġa tal-Mulej tal-eżerċti tagħmel dan.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 95 (96), 1-2a.2b-3.11-12.13

R/. (ara Lq 2, 11): Illum twildilna Salvatur, li hu Kristu l-Mulej

Għannu lill-Mulej għanja ġdida;
għannu lill-Mulej fl-art kollha!
Għannu lill-Mulej, bierku ismu! R/.

Ħabbru minn jum għal ieħor is-salvazzjoni tiegħu.
Xandru fost il-ġnus is-sebħ tiegħu,
fost il-popli kollha l-għeġubijiet tiegħu. R/.

Ħa jifirħu s-smewwiet u tithenna l-art,
ħa jħabbat il-baħar u kulma fih,
ħa jifraħ ir-raba’ u kulma fih,
u jgħannu bil-ferħ is-siġar kollha tal-bosk. R/.

Quddiem il-Mulej, għax ġej,
għax ġej biex jagħmel ħaqq mill-art.
Hu jagħmel ħaqq mid-dinja bil-ġustizzja,
u mill-popli bis-sewwa tiegħu. R/.

QARI II
Dehret il-grazzja ta’ Alla lill-bnedmin kollha.
Tit 2, 11-14

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Titu

Għażiż, dehret il-grazzja ta’ Alla, għas-salvazzjoni lill-bnedmin kollha; hi trawwimna nwarrbu l-ħażen u l-ġibdiet tad-dinja, biexngħixu bir-rażna u l-ġustizzja u t-tjieba f’dan iż-żmien, u nistennew it-tama hienja u d-dehra tal-glorja tal-kbir Alla u Salvatur tagħna, Ġesù Kristu. Hu li ta lilu nnifsu għalina biex jifdina minn kull ħażen u jnaddafna u jagħmel minna poplu magħżul għalih, poplu mħeġġeġ għall-għemil it-tajjeb.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Lq 2, 10-11

Hallelujah. R/. Hallelujah
Qiegħed inħabbrilkom ferħ kbir:
illum twildilkom Salvatur, Kristu l-Mulej!
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Illum twildilkom Salvatur.
Lq 2, 1-14

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dik il-ħabta Ċesari Awgustu ħareġ digriet biex isir ċensiment fid-dinja kollha. Dan kien l-ewwel ċensiment li sar meta Kirinu kien gvernatur tas-Sirja. U kulħadd mar biex jinkiteb, kull wieħed fil-belt tiegħu.

Ġużeppi wkoll mar mill-Galilija, mill-belt ta’ Nazaret, u tala’ l-Lhudija, fil-belt ta’ David jisimha Betlehem – għax hu kien mid-dar u l-familja ta’ David – biex jinkiteb flimkien ma’ Marija l-għarusa tiegħu, li kienet tqila.

Ġara li, meta kienu hemm, Marija għalqilha ż-żmien biex teħles, u wildet l-ewwel iben tagħha, fisqietu u medditu f’maxtura, għax ma kienx hemm post għalihom fil-lukanda.

F’dawk l-inħawi kien hemm xi rgħajja fir-raba’, għassa mal-merħla tagħhom billejl. U dehrilhom anġlu tal-Mulej, il-glorja tal-Mulej iddiet madwarhom, u qabadhom biża’ kbir. Iżda l-anġlu qalilhom: “Tibżgħux, għax araw, qiegħed inħabbrilkom ferħ kbir, ferħ li se jkun għall-poplu kollu. Illum, fil-belt ta’ David, twildilkom Salvatur, li hu l-Messija, il-Mulej. U bħala sinjal ikollkom dan: issibu tarbija mfisqija u mimduda f’maxtura”.

F’daqqa waħda ngħaqdu mal-anġlu għadd kbir ta’ qtajja’ tas-sema, ifaħħru lil Alla u jgħidu: “Glorja lil Alla fl-ogħla tas-smewwiet, u sliem fl-art lill-bnedmin li jogħġbu lilu!”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

About the author

Ikkummenta