10 ta’ Frar – Solennità tal-Appostlu Missierna San Pawl, Patrun ta’ Malta

L-EWWEL QARI

Qari mill-Ktieb tal-Għerf (14:3-7)

O Missier, bil-providenza tiegħek inti tmexxi l-bniedem. Għax int tajtu triq fil-baħar, u mogħdija żgura fuq il-ħalel. Int urejt li tista’ tħarsu minn kull tiġrif, hekk li wkoll min mhux tas-sengħa jista’ jbaħħar. Int ma tridx li l-opri tal-għerf tiegħek jisfgħu fix-xejn; għalhekk il-bnedmin jafdaw ħajjithom fuq daqsxejn ta’ laqxa, jaqsmu l-imwieġ fuq dgħajsa u jaslu fil-port bis-sliem.

Għax tassew, sa mill-bidu taż-żmien, meta ġganti kburin kienu qegħdin jinqerdu, it-tama tad-dinja sabet il-kenn fuq dgħajsa u mmexxija minn idek, ħalliet lid-dinja ż-żerriegħa ta’ nisel ġdid. Imbierka l-għuda li biha jsir is-sewwa.

Il-Kelma tal-Mulej.       Irroddu ħajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI(Salm 106)

Rit: Ħa jsebbħu l-Mulej għal tjubitu, għall-għeġubijiet tiegħu mal-bnedmin!

Ħa jsebbħu l-Mulej għal tjubitu,

għall-għeġubijiet tiegħu mal-bnedmin!

Ħa joffru sagrifiċċji ta’ radd il-ħajr, u jxandru l-għemejjel tiegħu b’għana ferrieħi. Rit…

Dawk li jmorru bil-baħar fuq l-iġfna,

li jagħmlu l-qligħ f’ibħra kbar ħafna,

huma raw l-għemejjel tal-Mulej

u l-opri tiegħu tal-għaġeb f’qiegħ il-baħar. Rit…

Hu ordna u qajjem riefnu,

li qanqal imwieġ il-baħar.

Għolew m’ogħla s-smewwiet,

niżlu sa qiegħ il-baħar;

qalbhom tmewtet bil-biża’ tat-telfa. Rit…

Bdew iduru u jixxenglu bħal nies fis-sakra,

u tilfu ħilithom kollha.

Sejħu l-Mulej fit-tiġrib tagħhom,

u mill-hemm tagħhom ħelishom.

Hu bidel ir-riefnu f’żiffa,

u siktu mwieġ il-baħar. Rit…

Huma ferħu għax waqfu l-imwieġ;

u hu mexxihom sal-port li xtaqu.

Ħa jsebbħu l-Mulej għal tjubitu,

għall-għeġubijiet tiegħu mal-bnedmin! Rit…

IT-TIENI QARI

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli (27:16 – 28:10)

F’dak iż-żmien: b’ġirja waħda għaddejna taħt ir-riħ ta’ daqsxejn ta’ gżira jisimha Kawda. Bilkemm stajna nżommu d-dgħajsa warajna, u għalhekk tellgħuha mill-baħar. Imbagħad qabdu l-armar u rabtu l-ġifen dawramejt biċ-ċimi, niżżlu l-qlugħ u l-arbli, għax beżgħu li ninkaljaw fuq is-Sirti, u hekk ħallejna l-mewġ ikaxkarna miegħu. Il-għada t-tempesta ħabbtitna ħafna, bdew iwaddbu t-tagħbija l-baħar, u fit-tielet jum irmew il-parank tal-ġifen b’idejhom stess. Għal ħafna jiem la dehret xemx u lanqas kwiekeb, it-tempesta li laqtitna ma kinitx ħafifa, hekk li fl-aħħar tlifna kull tama li nsalvaw.

In-nies kienu ilhom ħafna ma jieħdu xi ħaġa biex jitrejqu; Pawlu waqaf f’nofshom u qalilhom: “Ħbieb, kien imisskom smajtu minni u ma tlaqtux minn Kreta; kontu teħilsu minn din il-ħsara u t-telf.

Imma issa nwissikom biex tagħmlu l-qalb, għax ħadd minnkom mhu sa jitlef ħajtu: il-ġifen biss jintilef. Għax dal-lejl deherli anġlu ta’ dak Alla li tiegħu jien u li lilu nqim, u qalli: ‘Tibżax, Pawlu. Jeħtieġ li inti tidher quddiem Ċesari; ara, Alla tak il-ħajja ta’ dawk kollha li qegħdin jivvjaġġaw miegħek.’ Mela qawwu qalbkom, ħbieb. Jien nemmen f’Alla li hekk isir, sewwasew kif tħabbar lili. Jeħtieġ iżda li naħbtu ma’ gżira.”

Meta wasal l-erbatax-il lejl, konna ninsabu mitfugħin ’l hawn u ’l hemm fil-baħar ta’ Adrija. Għall-ħabta ta’ nofsillejl il-baħrin ħassew li konna resqin qrib xi art. Skandaljaw il-għoli tal-baħar, u sabu għoxrin qama, imxejna ftit ieħor ’il quddiem reġgħu skandaljaw, u sabu ħmistax. Huma beżgħu li xi mkien konna sa naħbtu ma’ xi sikka, u għalhekk niżżlu erba’ ankri mill-poppa. Ix-xewqa tagħhom kienet li ma jdumx ma jisbaħ. Il-baħrin bdew ifittxu li jaħarbu mill-ġifen, u niżżlu d-dgħajsa l-baħar bħallikieku biex idendlu xi ankri mill-pruwa.

Iżda Pawlu qal liċ-ċenturjun u lis-suldati: “Jekk dawn ma jibqgħux fuq il-ġifen, intom ma tistgħux issalvaw.” Imbagħad is-suldati qaċċtu l-ħbula tad-dgħajsa u ħallewha tmur għal riħha.

Meta sar il-ħin biex jisbaħ, Pawlu qabad iħajjarhom ilkoll biex jitrejqu b’xi ħaġa, u qalilhom: “Issa ġa ilkom erbatax-il ġurnata tistennew sajmin u ma dduqu xejn. Għalhekk inħajjarkom tieħdu xi ħaġa tal-ikel, u jwetikom f’saħħitkom, għax ħadd minnkom mhi sa tintiliflu xagħra waħda minn rasu.” Kif qal dan, qabad il-ħobż, radd il-ħajr ’l Alla quddiem kulħadd, qasam u beda jiekol. Imbagħad kulħadd għamel il-qalb u ħadu xi ħaġa tal-ikel huma wkoll. Konna b’kollox mitejn u sitta u sebgħin ruħ fuq il-ġifen. Wara li xebgħu, bdew iħeffu l-ġifen u jwaddbu l-qamħ il-baħar.

Meta mbagħad sebaħ, l-art ma għarfuhiex, lemħu biss bajja bi xtajta fiha, u qatgħuha li, jekk jista’ jkun, jitfgħu l-ġifen fuqha. Irħew l-ankri u telquhom il-baħar, u ħallew ukoll l-irbit tat-tmun. Imbagħad tellgħu l-qala’ tat-trinkett għar-riħ u ħadu għax-xtajta. Iżda ħbatna ma’ sikka, li kellha l-baħar miż-żewġ naħat. Il-pruwa baqgħet imwaħħla sewwa fil-post u ma tħarrkitx iżjed, imma l-poppa bdiet titfarrak bil-qilla tal-mewġ. Is-suldati riedu kieku joqtlu l-priġunieri, li ma jaħrabx xi ħadd minnhom bil-għawm; iżda ċ-ċenturjun, li ried isalva ’l Pawlu, ma ħalliex il-ħsieb tagħhom iseħħ. Lil dawk li kienu jafu jgħumu ordnalhom jintefgħu huma l-ewwel il-baħar u jmorru l-art; lill-oħrajn ordnalhom jilħqu x-xatt min fuq twavel u min fuq bċejjeċ imkissra tal-ġifen. U hekk kulħadd qabad l-art qawwi u sħiħ.

Meta ħlisna mill-għarqa, sirna nafu li l-gżira kien jisimha Malta. In-nies tagħha ġiebu ruħhom magħna bi ħlewwa liema bħalha. Laqgħuna tajjeb lilna lkoll u qabbdulna ħuġġieġa, għax kienet bdiet nieżla x-xita u kien il-bard. Mela Pawlu ġabar qatta zkuk niexfa u tefagħhom fin-nar. Fiz-zkuk kien hemm lifgħa li malli ħasset is-sħana, ħarġet u qabdet ma’ id Pawlu. In-nies tal-gżira, kif raw il-lifgħa mdendla ma’ idu, bdew jgħidu wieħed lill-ieħor: “Dar-raġel żgur xi qattiel, għax għad li ħelisha mill-baħar, il-ġustizzja ma ħallitux jgħix!” Imma hu farfar il-lifgħa ġon-nar u ma ġralu xejn. Huma stennew li sa jarawh jintefaħ jew jaqa’ u jmut f’daqqa. Wara li damu jistennew ħafna u raw li ma ġralu ebda deni, biddlu l-ħsieb u bdew jgħidu li kien xi alla.

F’dawk l-inħawi kien hemm l-oqsma tal-prinċep tal-gżira, li kien jismu Publju. Dan laqagħna u bil-qalb kollha żammna għandu tlitt ijiem. Missier Publju inzerta mixħut, marid bid-deni u d-disenterija. Pawlu daħal ħdejh, għamel talba, qiegħed idejh fuqu u fejjqu. Wara dan, imbagħad, bdew ukoll jersqu għandu l-morda l-oħra tal-gżira, u hu fejjaqhom. Urewna ġieħ kbir, u meta ġejna biex nitilqu, għabbew fuq il-ġifen kulma konna neħtieġu.

Il-Kelma tal-Mulej.       Irroddu ħajr lil Alla.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU (Salm 116:1.2)

Hallelujah. Hallelujah.

Faħħru l-Mulej, ġnus kollha, sebbħuh, popli kollha, għaliex qawwija hi l-grazzja tiegħu għalina: il-fedeltà tal-Mulej tibqa’ għal dejjem.

Hallelujah!

L-EVANĠELJU

Għeluq l-Evanġelju skont San Mark (16:15-20)

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-Ħdax: Morru fid-dinja kollha, xandru l-Bxara t-tajba lill-ħolqien kollu. Min jemmen u jitgħammed, isalva; iżda min ma jemminx, ikun ikkundannat. U dawn huma l-mirakli li jsieħbu ’l dawk li jemmnu: f’ismi jkeċċu x-xjaten, jitkellmu b’ilsna ġodda, jaqbdu is-sriep b’idejhom, u jekk jixorbu xi xorb li jġib il-mewt ma jagħmlilhomx ħsara; iqiegħdu jdejhom fuq il-morda u dawn ifiqu.”

U hekk il-Mulej Ġesù, wara li kellimhom kien imtella’ fis-sema u qagħad in-naħa tal-lemin ta’ Alla. Huma mbagħad marru jippritkaw kullimkien; il-Mulej kien jaħdem magħhom u jwettaq il-kelma bil-mirakli li kienu jsiru magħha.

Il-Kelma tal-Mulej.      Tifħir lilek Kristu.

About the author

Ikkummenta