It-Tridu tal-Għid: id-Dawl tas-Sena Liturġika

Fil-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika nsibu li s-sena liturġika mhux biss tilħaq il-milja tagħha fit-Tridu tal-Għid imma proprju ċ-ċelebrazzjoni tal-misteru tas-salvazzjoni f’dan it-tridu ddawwal is-sena liturġika sħiħa. Minkejja li t-Tridu tal-Għid jiġi ċċelebrat fuq tlett ijiem (għalhekk triduum), fir-realtà liturġikament qegħdin fl-istess ċelebrazzjoni li tiġbor f’għaqda waħda l-misteru tas-salvazzjoni tagħna. DIN HIJA ĊELEBRAZZJONI WAĦDA li tibda’ f’Ħamis ix-Xirka u tispiċċa permezz tal-Vġili tal-Għid. Għalhekk huwa importanti li kull parroċċa għandha torganiżża tlett ijiem sħaħ ta’ dan it-Tridu tal-Għid. Li torganiżża ġurnata waħda minn tlieta mhix in-norma u ma treġix għax kif għidna qabel – hija ċelebrazzjoni waħda maqsuma fuq tlett ijiem.

It-Tridu tal-Għid iwassal għal tmiem iż-Żmien tar-Randan, erbgħin ġurnata ta’ preparazzjoni kontinwa għaċ-ċelebrazzjoni tal-misteru tas-salvazzjoni. B’hekk it-Tridu tal-Għid iwassal għall-qabar vojt u l-proklamazzjoni tal-qawmien mill-imwiet ta’ Ġesù. Għalhekk it-tridu mhux kwalunkwe ċelebrazzjoni, imma huwa ċ-ċelebrazzjoni taċ-ċelebrazzjonijiet u s-solennità tas-solennitajiet.

F’Ħamis ix-Xirka filgħaxija, il-quddiesa tfakkar fl-aħħar ċena ta’ Ġesù u b’hekk kemm fil-ħasil tas-saqajn tal-Appostli u fil-kmand li nħobbu lil xulxin, kif ukoll fl-istituzzjoni tal-Ewkaristija u tas-saċerdozju. Il-kulur liturġiku huwa abjad li jissimbolizza s-solennità u l-qdusija ta’ din iċ-ċelebrazzjoni. Titkanta l-Glorja fil-bidu tal-quddiesa u wara jindaqqu l-qniepen li jibqgħu siekta sal-Vġili tal-Għid. Qabel it-talba tal-aħħar, il-Ġisem ta’ Ġesù jiġi mqiegħed fl-altar tar-repożizzjoni sabiex jiġi miqjum u adurat hemmhekk. Hija din l-adorazzjoni ta’ sahra hekk kif wara l-aħħar ċena Ġesù talab lill-Appostli biex jishru miegħu fl-ort tal-Ġetsemani.

Sbieħ il-Ġimgħa l-Kbira l-Knisja tosserva s-silenzju u anke l-importanza tas-sawm. L-azzjoni liturġika ta’ wara nofsinhar, proprju fit-tlieta ta’ wara nofsinhar, hija maqsuma fi tliet sezzjonijiet: il-liturġija tal-Kelma; il-venerazzjoni tas-Salib imqaddes bil-kliem, “Araw l-għuda tas-Salib li fuqha ġie msallab is-Salvatur tad-Dinja”; u t-tqarbin. Il-kulur liturġiku huwa aħmar, il-kulur tal-martri li l-prinċep tagħhom huwa Kristu.

Is-Sibt Imqaddes il-Knisja tgħaddih fis-skiet, timmedita t-tbatija u l-mewt ta’ Sidna Ġesù Kristu, tishar miegħu mhux b’nuqqas ta’ tama iżda bi stennija kbira. Dan is-skiet jinħall biss fil-Vġili tal-Għid, iċ-ċelebrazzjoni taċ-ċelebrazzjoni, fejn il-Knisja tinfexx f’għanja ta’ ferħ tal-Għid. Din iċ-ċelebrazzjoni nistgħu naqsmuha f’erba’ sezzjonijiet:

  1. Iċ-Ċelebrazzjoni tad-Dawl: Iċ-ċelebrazzjoni tal-Vġili tal-Għid tibda fid-dlam  u mbagħad iċ-ċelebrant jixgħel il-blandun, li jissimbolizza lil Kristu rxoxt, u hekk kulħadd jixgħel ix-xemgħa mid-“Dawl ta’ Kristu”. Wara li l-Blandun jasal fuq l-altar, jiġi inċensat u jitkanta l-Exsultet, l-innu ta’ ferħ li jipproklama l-misteru tar-rebħa ta’ Kristu fuq id-dnub permezz tal-qawmien mill-imwiet.
  2. Il-Liturġija tal-Kelma: Wara l-Exsultet jinqraw seba’ lezzjonijiet u salmi mit-Testment il-Qadim li huma meħuda minn mumenti partikolari fir-rakkont tal-pjan tas-salvazzjoni. Wara titkanta l-Glorja u mbagħad tinqara l-Epistola, titkanta l-Hallelujah u jinqara l-Evanġelju.
  3. Ir-Rit tal-Magħmudija: Wara l-Omelija, l-ilma fil-fonti tal-magħmudija jiġi mbierek filwaqt li l-qassis jgħaddas il-blandun fl-ilma. Il-ġemgħa ġġedded il-wegħdiet tal-magħmudija u wara huma wkoll jiġu mbierka bl-ilma tal-fonti tal-magħmudija. Wara jkun hemm it-talbiet tal-ġemgħa.
  4. Iċ-Ċelebrazzjoni Ewkaristika: wara l-liturġija tal-Ewkaristija tkompli bħal quddisiet oħrajn.

Nhar Ħadd il-Għid il-Knisja tkompli tiċċelebra l-Qawmien ta’ Ġesù hekk kif tkompli tiċċelebra matul l-Ottava tal-Għid kollha, jiġifieri għal tmint ijiem sħaħ.

About the author

Ikkummenta

Discover more from Parroċċa San Ġiljan

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading