Għid il-Ħamsin Solennità – Quddiesa tal-Vġili

Qari I
Insawwab l-Ispirtu tiegħi fuq il-qaddejja kollha tiegħi.
Ġoel 3, 1-5

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġoel
Dan jgħid il-Mulej:

“Jiena nsawwab l-Ispirtu tiegħi fuq il-ħlejjaq kollha.
Uliedkom iħabbru, subien u bniet,
ix-xjuħ tagħkom ikollhom ħolm,
iż-żgħażagħ tagħkom jaraw viżjonijiet.
U mqar fuq il-qaddejja, irġiel u nisa,
insawwab l-ispirtu tiegħi f’dawk il-jiem.

Fis-sema u fl-art nuri sinjali,
demm u nar u kolonni ta’ duħħan!
Ix-xemx tinbidel fi dlam,
u l-qamar f’demm,
qabel ma jasal Jum il-Mulej,
kbir u tal-biża’!

U kull min isejjaħ isem il-Mulej jinħeles,
għax fuq il-muntanja Sijon ikun hemm is-salvazzjoni,
kif qal il-Mulej,
u f’Ġerusalemm jibqgħu xi wħud li l-Mulej isejjaħ”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali
Salm 103 (104), 1-2a.24.35ċ.27-28.29bċ-30

R/. (30): Ibgħat l-Ispirtu tiegħek, Mulej, u ġedded il-wiċċ tal-art
jew R/. Hallelujah, hallelujah, hallelujah

Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej!
Mulej, Alla tiegħi, int kbir bil-bosta!
Bis-sebħ u bil-ġmiel inti mlibbes,
bid-dawl, bħal b’mantell, inti mkebbeb. R/.

Kemm huma kotrana l-għemejjel tiegħek, Mulej!
Kollha bl-għerf int għamilthom;
mimlija l-art bil-ħlejjaq tiegħek.
Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej! R/.

Minnek jistennew il-ħlejjaq kollha
li tagħtihom ikilhom f’waqtu.
Inti tagħtihom, u huma jiġbru;
tiftaħ idejk, u jixbgħu bil-ġid. R/.

Jekk teħdilhom nifishom, imutu,
u lejn it-trab jerġgħu jmorru.
Malli tibgħat in-nifs tiegħek, jinħolqu,
u inti ġġedded il-wiċċ tal-art. R/.

Qari II
L-Ispirtu jidħol għalina bit-talb tiegħu bi tnehid li ma jistax jitfisser bil-kliem.
Rum 8, 22-27

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani
Ħuti, aħna nafu li l-ħolqien kollu għadu s’issa jitniehed bl-uġigħ tal-ħlas; u mhux hu biss, imma wkoll aħna li għandna l-ewwel frott tal-Ispirtu, aħna wkoll nitniehdu fina nfusna waqt li nistennew l-adozzjoni ta’ wlied, il-fidwa ta’ ġisimna. Aħna salvi bit-tama. Meta wieħed jara l-ħwejjeġ li jkun ittama, ma tkunx aktar tama; għax kif jista’ wieħed jittama l-ħwejjeġ li ġa jkun ra? Imma dak li qegħdin nittamaw, jekk m’aħniex narawh, qed nistennewh bis-sabar.

Hekk ukoll l-Ispirtu, min-naħa tiegħu, jgħinna fin-nuqqas ta’ ħila tagħna. Għax aħna anqas biss nafu nitolbu kif imiss, imma l-Ispirtu stess jidħol għalina bit-talb tiegħu bi tnehid li ma jistax jitfisser bil-kliem; u Alla, li l-ħarsa tiegħu tinfed il-qlub, jaf x’inhi x-xewqa tal-Ispirtu; bit-talb tiegħu jidħol għall-qaddisin skont ma jrid Alla.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Sekwenza

Spirtu s-Santu, ejja fina,
raġġ ta’ dawl qaddis agħtina,
xerrdu f’ruħna mis-smewwiet.

O Missier il-foqra tiegħek,
inti ġġib id-doni miegħek,
tagħni b’dawlek qalb l-ulied.

Inti l-aqwa faraġ tagħna,
fik kull hena xħin tkun magħna,
tħossok fewġa ħelwa r-ruħ.

Fl-għaja, lejn is-serħ twassalna;
jekk imħeġġa wisq, trażżanna;
mill-għajnejn tixxotta d-dmugħ.

O dawl hieni ta’ qdusija,
nitolbuk li bik mimlija
tkun il-qalb ta’ kull fidil.

Mingħajr dawlek li jmexxina
ebda ħajr ma jkun hemm fina,
ebda safa fl-għemil.

Naddaf kull fejn hemm it-tbajja’,
fejn hemm nixfa reġġa’ l-ħajja,
lill-miġruħ agħtih fejqan.

Rattab fina l-ebusija,
agħti lill-berdin bżulija,
għin fit-triq lil min beżgħan.

Agħti s-seba’ doni tiegħek
lil min jimxi fidil miegħek
u li fik jistrieħ kull ħin.

Agħti ’l kull virtù sabiħa
ħlas ta’ salvazzjoni sħiħa,
agħti l-ġenna lit-tajbin.

Ammen. Hallelujah.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Hallelujah. R/. Hallelujah

Ejja, Spirtu s-Santu, imla l-qlub tal-fidili tiegħek
u kebbes fihom in-nar ta’ mħabbtek.

R/. Hallelujah

Evanġelju
Minnu joħorġu xmajjar ta’ ilma ħaj.
Ġw 7, 37-39

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
Fl-aħħar jum tal-festa, il-jum l-aktar solenni, Ġesù qam jgħid b’leħen għoli: “Min jieħdu l-għatx, jiġi għandi u jixrob. Kif tgħid l-Iskrittura, min jemmen fija, minnu joħorġu xmajjar ta’ ilma ħaj”. Dan qalu għall-Ispirtu li kellhom jirċievu dawk li jemmnu fih, għax l-Ispirtu kien għad ma ngħatalhomx, billi Ġesù kien għadu ma ġiex igglorifikat.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

About the author

Ikkummenta