Solennità tal-Ġisem u d-Demm Imqaddes ta’ Kristu

QARI I
Hawn hu d-demm tal-Patt li l-Mulej għamel magħkom.
Eż 24:3-8

Qari mill-Ktieb tal-Eżodu

F’dak iż-żmien, Mosè niżel jgħid lill-poplu kulma qallu l-Mulej u kulma ordnalu. Il-poplu wieġeb b’leħen wieħed u qal: “Kulma qalilna l-Mulej nagħmluh”.

Mosè kiteb il-kliem kollu tal-Mulej, u filgħodu qam, bena altar taħt il-muntanja, u waqqaf tnax-il plier għat-tnax-il tribù ta’ Iżrael.

Imbagħad bagħat xi żgħażagħ minn ulied Iżrael biex joffru sagrifiċċji u joqtlu għoġiela bħala sagrifiċċji tas-sliem lill-Mulej. Mosè ħa nofs id-demm u qiegħdu fi bwieqi, u xerred in-nofs l-ieħor fuq l-altar. Imbagħad ħa l-ktieb tal-patt, u qara minnu hekk li seta’ jisimgħu l-poplu. U huma qalu: “Kulma qalilna l-Mulej nagħmluh, u nisimgħu minnu”.

Mosè mbagħad ħa d-demm u, hu u jroxxu fuq il-poplu, qal: “Hawn hu d-demm tal-patt li l-Mulej għamel magħkom skont dan il-kliem kollu”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI
Salm 115(116):12-13,15,16bċ,17-18

R/. (13): Ngħolli l-kalċi tas-salvazzjoni,
u isem il-Mulej insejjaħ.

Xi rrodd lill-Mulej
għall-ġid kollu li għamel miegħi?
Ngħolli l-kalċi tas-salvazzjoni,
u isem il-Mulej insejjaħ. R/.

Għażiża f’għajnejn il-Mulej
hi l-mewt tal-ħbieb tiegħu.
Jien qaddej tiegħek, bin il-qaddejja tiegħek.
Int ħallejtli l-irbit tiegħi. R/.

Lilek noffri sagrifiċċju ta’ radd il-ħajr,
u isem il-Mulej insejjaħ.
Intemm lill-Mulej il-wegħdiet tiegħi,
quddiem il-poplu tiegħu kollu. R/.

QARI II
Id-demm ta’ Kristu jnaddaf il-kuxjenza tagħna.
Lhud 9:11-15

Qari mill-Ittra lil-Lhud

Ħuti, Kristu ġie bħala l-qassis il-kbir tal-ġid li diġà ġie. Hu daħal minn tinda aqwa u aktar perfetta li mhijiex maħduma b’idejn il-bnedmin, jiġifieri mhijiex ħolqien ta’ din l-art; hu daħal darba għal dejjem fis-Santwarju, mhux bis-saħħa tad-demm tal-mogħoż u tal-għoġiela, imma bis-saħħa ta’ demmu stess, u hekk kiseb fidwa għal dejjem.

Jekk id-demm tal-mogħoż u tal-gniedes u l-irmied tal-għoġla mraxxax fuq dawk li huma mniġġsa jista’ jqaddishom billi jagħtihom l-indafa tal-ġisem, kemm aktar id-demm ta’ Kristu, li bl-Ispirtu ta’ dejjem offra lilu nnifsu vittma safja lil Alla, jista’ jnaddaf il-kuxjenza tagħkom mill-għemil mejjet biex taqdu lil Alla ħaj!

U għalhekk hu medjatur ta’ patt ġdid, testment ġdid, biex, wara li seħħet il-mewt għall-fidwa tal-ħtijiet li saru fi żmien il-patt ta’ qabel, dawk li huma msejħa minn Alla jiksbu l-wirt ta’ dejjem li hu wegħedhom.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 6:51

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema, jgħid il-Mulej;
jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem.
R/. Hallelujah.

EVANĠELJU
Dan hu ġismi. Dan hu demmi.
Mk 14:12-16,22-26

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

Fl-ewwel jum tal-Ażżmi, meta kienu jissagrifikaw il-ħaruf tal-Għid, id-dixxipli tiegħu qalu lil Ġesù: “Fejn tridna mmorru nħejju biex tiekol l-ikla tal-Għid?”.

Imbagħad hu bagħat tnejn mid-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Morru l-belt, u tiltaqgħu ma’ raġel iġorr ġarra ilma. Morru warajh, u għidu lil sid id-dar ta’ fejn tarawh dieħel: ‘Qallek l-Imgħallem: Fejn hi l-kamra tiegħi li fiha nista’ niekol l-ikla tal-Għid mad-dixxipli tiegħi?’. U hu jurikom kamra kbira fuq, imgħammra u lesta. Ħejjulna hemmhekk”.

U d-dixxipli marru u daħlu fil-belt, u sabu kollox kif kien qalilhom hu; u ħejjew l-ikla tal-Għid.

Huma u jieklu, ħa l-ħobż f’idejh, qal il-barka, qasmu, newwilhulhom u qal: “Ħudu, dan hu ġismi”. Imbagħad ħa kalċi f’idejh, radd il-ħajr, u newwilhulhom, u lkoll xorbu minnu. U qalilhom: “Dan huwa demmi, id-demm tal-patt, li jixxerred għal ħafna. Tassew ngħidilkom, li ma nixrobx iżjed mill-frott tad-dielja sa dakinhar li nixrob inbid ġdid fis-Saltna ta’ Alla”.

Imbagħad kantaw is-salmi u ħarġu lejn l-Għolja taż-Żebbuġ.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

About the author

Ikkummenta