Għaxar Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

QARI I
Innissel mibegħda bejn nislek u bejn nisel il-mara.
Ġen 3, 9-15

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi

Wara li Adam kiel mis-siġra, il-Mulej Alla sejjaħ lil Adam u staqsieh: “Fejn int?” U dak wieġeb: “Smajt ħossok fil-ġnien u bżajt għax jien għeri, u nħbejt”. U staqsieh: “Min qallek li int għeri? Jaqaw kilt mis-siġra li jien ordnajtlek li ma tikolx minnha?” U wieġeb Adam: “Il-mara li inti tajtni għal miegħi, hi tatni mis-siġra, u jiena kilt”.

U l-Mulej Alla qal lill-mara: “X’inhu dan li għamilt?” U l-mara wieġbet: “Is-serp qarraq bija, u jien kilt”.

U l-Mulej Alla qal lis-serp:
“Talli għamilt dan,
misħut int fost il-bhejjem kollha
u fost l-annimali selvaġġi!
Għal żaqqek titkaxkar,
u t-trab tal-art tiekol il-jiem kollha ta’ ħajtek.
U jien inqajjem mibegħda bejnek u bejn il-mara,
bejn nislek u nisilha,
u hu jisħaqlek rasek
u int tisħaqlu għarqubu”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 129 (130), 1-2.3-4ab.4ċ-6.7-8

R/. (7): Għand il-Mulej hemm it-tjieba, u l-fidwa għandu bil-kotra

Minn qiegħ l-art insejjaħlek, Mulej:
isma’, Sidi, il-leħen tiegħi!
Ħa jkunu widnejk miftuħa,
jiena u nitolbok bil-ħniena. R/.

Jekk tal-ħtijiet int tagħti kas, Mulej,
Sidi, min jista’ jżomm sħiħ?
Imma għandek hemm il-maħfra,
biex hekk inqimuk fil-biża’ tiegħek. R/.

Jien lill-Mulej nistenna,
ruħi f’kelmtu tittama.
Tistenna ruħi lil Sidi,
aktar milli l-għassiesa s-sebħ. R/.

Jistenna Iżrael lill-Mulej!
Għax għand il-Mulej hemm it-tjieba,
u l-fidwa għandu bil-kotra.
Hu li jifdi lil Iżrael
minn ħtijietu kollha. R/.

QARI II
Emminna, u għalhekk tkellimna.
2 Kor 4, 13 – 5, 1

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Ħuti, billi aħna għandna l-istess spirtu ta’ fidi li fuqu hemm miktub: “Emmint, u għalhekk tkellimt”, aħna wkoll emminna, u għalhekk tkellimna; għax nafu li dak li qajjem lill-Mulej Ġesù, lilna wkoll għad iqajjimna flimkien ma’ Ġesù u jressaqna quddiemu flimkien magħkom. Għax dan kollu minħabba fikom, biex il-grazzja tilħaq ħafna bnedmin oħra, u b’hekk jitkattar ir-radd ta’ ħajr, għall-glorja ta’ Alla.

Għalhekk ma naqtgħux qalbna, għax imqar jekk il-bniedem ta’ barra jitħassar, il-bniedem ta’ ġewwa jiġġedded minn jum għal jum. Id-daqsxejn ta’ tbatija tagħna ta’ issa tħejjilna kobor ta’ glorja bla qjies għal dejjem; lilna li ma nħarsux lejn il-ħwejjeġ li jidhru, iżda lejn dawk li ma jidhrux. Dawk li jidhru huma għal żmien qasir, dawk li ma jidhrux huma għal dejjem.

Aħna nafu li jekk din it-tinda tal-għamara tagħna fl-art tiġġarraf, aħna għandna dar oħra, maħduma mhux bl-idejn, imma xogħol ta’ Alla, għal dejjem fis-sema.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 12, 31b-32

Hallelujah. R/. Hallelujah
Issa se jitkeċċa l-Prinċep ta’ din id-dinja, jgħid il-Mulej;
u meta nintrefa’ ’l fuq mill-art, jiena niġbed il-bnedmin kollha lejja.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Ix-xitan wasal fit-tmiem.
Mk 3, 20-35

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, Ġesù, flimkien mad-dixxipli tiegħu, mar id-dar, u l-kotra reġgħet inġemgħet, hekk li anqas biss setgħu jieklu. Qrabatu, malli semgħu, ħarġu biex iżommuh, għax qalu li tilef moħħu. Il-kittieba li kienu niżlu minn Ġerusalemm bdew jgħidu: “Dan għandu fih lil Begħelżebul u bis-saħħa tal-Prinċep tax-xjaten qiegħed ikeċċihom ix-xjaten”.

Hu sejħilhom lejh u beda jkellimhom bil-parabboli: “Kif jista’ x-Xitan ikeċċi x-Xitan? Jekk saltna tinqasam fiha nfisha, dik is-saltna ma tistax iżżomm wieqfa. U jekk familja tinqasam fiha nfisha, dik il-familja ma tistax iżżomm wieqfa. Li kieku mela x-Xitan qam kontra tiegħu nnifsu u nfired, ma kienx jista’ jżomm sħiħ, imma jkun wasal fit-tmiem. Ħadd ma jista’ jidħol fid-dar ta’ wieħed qawwi u jaħtaflu ġidu jekk qabel ma jkunx rabat lil dak il-qawwi; imbagħad id-dar jaħtafhielu żgur.

Tassew ngħidilkom, kollox jinħafrilhom lil ulied il-bniedem, id-dnubiet u d-dagħa kollu li jidgħu. Imma min jieqaf lill-Ispirtu s-Santu ma jkollu qatt maħfra; jibqa’ ħati għal dejjem”. Għax kienu qalu: “Għandu fih spirtu ħażin”.

Darba ġew ommu u ħutu, baqgħu barra u bagħtu jsejħulu. Dak il-ħin kien hemm ħafna nies bilqiegħda madwaru, u qalulu: “Ara, ommok u ħutek qegħdin hemm barra u jriduk”. U hu weġibhom: “Min huma ommi u ħuti?” Imbagħad dawwar ħarstu fuq dawk li kien hemm madwaru bilqiegħda, u qal: “Dawn, ara, huma ommi u ħuti. Kull min jagħmel ir-rieda ta’ Alla, dak huwa ħija, u oħti, u ommi”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

About the author

Ikkummenta