Il-Ħadd, 4 t’ Awwissu – Jum il-Ħajja

8.30AM sa 1.00PM: Uffiċjali miċ-Ċentru Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm ser ikunu qegħdin fis-Sala Michael Farrugia, fil-Każin Banda San Ġiljan għal dawk in-nies li jixtiequ jagħtu għotja tad-demm. Inħeġġu lill-parruċċani biex jaċċettaw din l-istedina b’għan nobbli. Din l-attività qed issir fuq inizjattiva tal-Każin Banda San Ġiljan b’kollaborazzjoni mal-Parroċċa u l-Kunsill Lokali San Ġiljan.
Is-Sibt, 17 t’ Awwissu – Jum it-Tħabbira tal-Festa
7:45PM: Quddiesa f’Xatt is-Sajjieda mill-W.R. Kappillan Dun Paul Mizzi animata mis-St. Julians Youth Band bis-sehem tas-St. Julians Choral Group fi ħdan il-Każin Banda San Ġiljantaħt id-direzzjoni tad-Direttur Mużikali Mro Jessica Scerri Ellul.
Wara l-quddiesa jkun hemm Lejla Maltija bis-sehem tal-istess banda u kor fejn tindaqq mużika popolari taħt id-direzzjoni ta’ l-istess Direttur Mużikali.
Illum ma ssirx il-quddiesa tat-7.45pm fil-Knisja Parrokkjali.

Il-Ħadd, 18 t’ Awwissu
21 Ħadd ta’ Matul is-Sena
Il-quddies ikun bħal ta’ nhar ta’ Ħadd.
It-Tnejn, 19 t’ Awwissu Jum id-Dilettanti tal-Festa – Ħruġ tal-Vara min-Niċċa
7.00PM: Quddiesa fil-Knisja Parrokkjali mill-W. R. Mons Gwann Galea, ex-kappillan tal-parroċċa, u animata mis-St. Julian’s Choral Group, immexxi mis-Sur Brendan Attard. Mistiedna speċjali membri tal-għaqdiet li jorganiżżaw jew jieħdu sehem attiv fil-festa ta’ San Ġiljan, dilettanti tal-festa u persuni li jisimhom għall-qaddis patrun San Ġiljan.

Wara l-quddiesa, il-vara titulari ta’ San Ġiljan tinħareġ min-niċċa tagħha u titwassal sa fuq iz-zuntier tal-knisja, fejn tiġi milqugħa mill-Banda San Ġiljan li tagħtiha tislima permezz tad-daqq tal-innu popolari u innijiet u marċi oħra.
Mal-ħruġ tal-vara fuq iz-zuntier jinħarqu salut u kaxxa infernali bil-beraq minn Triq Michelanġ Borg organizzati mis-Sur Julian Sammut.
It-Tlieta, 20 t’ Awwissu – Jum l-Anzjani u l-Morda
6.30PM: Fil-Knisja Parrokkjali l-Antika (Ta’ Lapsi), quddiesa għall-anzjani u l-morda organiżżata mill-Kummissjoni Djakonija, li fiha jiġi amministrat is-sagrament tal-griżma tal-morda. Il-quddiesa tkun immexxija mill-Rev.du Dun Alex Bezzina, Direttur ta’ Attiviatajiet Pastorali fid-djar Residenzjali tal-Anzjani, u ex Viċi Kappillan tal-parroċċa tagħna u animata mis-St Julian’s Choral Group taħt it-tmexxija tas-Sur Brendan Attard.
Wara jkun hemm riċeviment għall-anzjani fuq iz-zuntier tal-Knisja ta’ Lapsi.
Fis-7.00pm ikun hemm xorta waħda quddiesa fil-Knisja Parrokkjali.

L-Erbgħa, 21 t’ Awwissu – Jum it-Tfal u l-Adolexxenti
7.00PM: Fil-Knisja Parrokkjali tiġi ċċelebrata quddiesa għat-tfal u l-adolexxenti kollha tal-parroċċa mir-Rev.du Dun Joshua Cortis, Viċi Kappillan u Amministratur tal-Parroċċa tal-Balluta. Il-quddiesa tkun animata mill-Banda taż-Żgħażagħ tas-Soċjetà Mużikali Spinola, taħt id-direzzjoni tas-Surmast Aldo Minuti.

Wara ssir manifestazzjoni għat-tfal bl-istatwa ta’ San Ġiljan, mill-Knisja Parrokkjali sal-Knisja ta’ Lapsi. Il-manifestazzjoni tiġi akkumpanjata mill-Banda taż-Żgħażagħ tas-Soċjetà Mużikali Spinola u tgħaddi minn Triq Mons. Guido Calleja, Triq il-Kbira, Triq S. Elija, Triq Sant’Anġlu, Triq Lapsi. Il-briju f’din il-manifestazzjoni jkun organizzat mill-grupp Briju Ġiljaniż u mill-Għaqda Dilettanti Knisja ta’ Lapsi, San Ġiljan.
Wara l-manifestazzjoni, jitqassmu ħlewwiet lit-tfal u dawk preżenti jkunu jistgħu jassistu għan-nar tal-art (ġigġifogu) fil-fetħa ta’ quddiem l-iskola primarja.
Il-Ħamis, 22 t’ Awwissu – Jum l-Għaqdiet
7.00PM Fil-Knisja Parrokkjali ssir quddiesa mill-W.R. Dun Aayrton Muscat, Kappillan tal-Parroċċa ta’ Pembroke. Din il-quddiesa tiġi organizzata mill-Kunsill Pastorali Parrokkjali u huma mistiedna b’mod speċjali l-kummissjonijiet parrokkjali u l-għaqdiet reliġjużi u soċjali tal-parroċċa. Il-quddiesa tkun animata mis-St Julian’s Choral Group, u l-orkestra, taħt it-tmexxija tas-Sur Brendan Attard.
F’din il-quddiesa, il-membri tal-kummissjonijiet u l-għaqdiet jippreżentaw għotja b’risq il-proġetti ta’ karità tal-parroċċa. Wara jkun hemm riċeviment.

Il-Ġimgħa, 23 t’ Awwissu – Jum il-Familja

6.00PM Quddiesa letta fil-Knisja ta’ Lapsi mill-W.R. Kan. Dr. Jonathan Farrugia. Wara l-quddiesa, il-Kan. Ryan Lee Pace, Kanċillier tal-Kapitlu tal-Perinsinji Kolleġjata u viċi Parroku tal-Parroċċa ta’ Santa Elena, Birkirkara, jinseġ prietka b’tifħir u glorja lil San Ġiljan.
Hekk kif tintemm il-prietka, tingħad il-kurunella, isir il-kant tal-Innu tal-Istrofi Nomine Insignem u l-antifona Beate Juliane (1847). Fl-aħħar tingħata l-barka sagramentali. Il-liturġija ser tiġi ppreseduta mill-W.R. Kan. Dr. Jonathan Farrugia.
Jieħu sehem l-Amadeus Chamber Choir u l-orkestra taħt it-tmexxija ta’ Mro Brian Cefai. Tiġi esegwita mużika mill-Cappella Nani.

Wara, riċeviment fuq iz-zuntier għal dawk kollha li jattendu.
7.00PM Fil-Knisja Parrokkjali, quddiesa għall-familji kollha tal-parroċċa mill-W.R. P. Bertrand Vella, Kappillan tal-Parroċċa ta’ San Gwann, u animata mis-St Julian’s Choral Group.
Mistiedna jattendu:
- koppji li ngħaqdu fis-sagrament taż-żwieġ mill-festa tas-sena l-oħra sal-lum;
- koppji li għalqu xi anniversarju speċjali taż-żwieġ (speċjalment dawk li għalqu 25, 50 jew 60 sena miżżewġin).;
- Familji li għandhom tfal li irċevew il-magħmudija mil-festa tas-sena l-oħra;
- Anzjani fid-Djar Residenzjali tal-Anzjani;
- Persuni separati.
- Gruppi sportivi.
Waqt il-quddiesa jingħata s-sagrament tal-morda u fi tmiem il-quddiesa, issir il-preżentazzjoni tat-trabi lil San Ġiljan u tingħata tifkira.
Wara, riċeviment żgħir fuq iz-zuntier għal dawk kollha li jattendu.
Is-Sibt, 24 t’ Awwissu – Lejlet il-Festa

5.45PM: Quddiesa fil-Knisja Parrokkjali l-Antika (Ta’ Lapsi) mir-Rev.du Dun Malcolm Saliba, saċerdot novell li jservi fil-Knisja Arċipretali ta’ San Filep, Haż-Żebbuġ.
6.30PM: Translazzjoni solenni bir-relikwa ta’ San Ġiljan mill-Knisja Parrokkjali l-Antika (Ta’ Lapsi) sal-Knisja Parrokkjali mmexxija mill-W.R. Mons. Alex Cordina.
7.00PM: Il-W.R. Mons. Alex Cordina, jiċċelebra quddiesa solenni fil-Knisja Parrokkjali bis-sehem l-Amadeus Chamber Choir u l-orkestra mmexxija minn Mro. Brian Cefai. Tiġi esegwita l-quddiesata’ Mro. C. Zammit fuq arranġament ta’ Mro B. Cefai.
Il-quddiesa tispiċċa bil-kant tal-antifona Beate Juliane ta’ Dr Paolo Nani (1847), Ċelebrazzjoni Ewkaristika u jitkanta l-innu ta’ San Ġiljan.
Illum ma ssirx il-quddiesa tat-7.45pm.

Il-Ħadd, 25 t’ Awwissu – Jum il-Festa
Il-ħin tal-quddies ikun hekk:
8.00am: Quddiesa ċċelebrata mill-W.R. Kan. Dun Martin Bruno.
9.00am: Quddiesa (fil-Knisja ta’ Lapsi) mir-Rev.du Dun Carlo Calleja.

9.30am: Quddiesa solenni mmexxija mir-Rev.du P. Julian Sammut OFM, Ekonomu tal-Fraternita’ Franġiskana tal-parroċċa tas-Sacro Cuor, tas-Sliema, flimkien mal-kleru tal-parroċċa. Jinseġ il-paniġierku, il-W.R. Kan. Anton Galea Scannura, Arċipriet tal-Parroċċa ta’ Santa Katerina, iż-Żejtun. Il-quddiesa tkun animata mill-Amadeus Chamber Choir u l-orkestra mmexxija minn Mro. Brian Cefai. Tiġi esegwita l-Missa Brevis “D”, kompożizzjoni ta’ W. A. Mozart.
Il-quddiesa tispiċċa bil-kant tal-antifona Beate Juliane ta’ Dr Paolo Nani (1847) u jitkanta l-innu ta’ San Ġiljan.
11.30am: (minflok tal-11.00am u l-12.15pm) Quddiesa bl-Ingliż mmexxija mir-Rev.du Dun Tony Agius, ex-kappillan tal-parroċċa.
6.00pm: Quddiesa qabel il-ħruġ tal-purċissjoni mill-W.R. Dun Brian Gialanze, Kappillan tal-Parroċċa ta’ Marija Immakulata Omm il-Knisja, Tal-Ibraġġ.
7.00pm: Ħruġ tal-purċissjoni bl-istatwa artistika ta’ San Ġiljan, immexxija mill-W.R. Dun Brian Gialanze. Jingħata salut mill-kaċċaturi miġbura fuq il-bejt tal-knisja.
Waqt il-ħruġ tal-purċissjoni jinħarqu salut u kaxxa infernali organizzati mis-Sur Julian Sammut minn Triq Michelanġ Borg.
Il-Banda San Ġiljan, tilqa’ l-purċissjoni fuq iz-zuntier tal-knisja bid-daqq tal-innu popolari u wara takkumpanjaha matul it-toroq: Forrest, Mensija, San Ġorġ, il-Kbira, Mons. Guido Calleja, Lapsi, Sant’ Anġlu u Telgħet Birkirkara. L-istess banda tkompli marċ minn Triq il-Kbira, Trejqet Grenfell, Triq Ġorġ Borg Olivier sal-Pjazza tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù.

8:00PM Marċ mill-Banda tal-Għaqda Mużikali Santa Marija ta’ Ħal-Għaxaq, mistiedna tas-Soċjetà Mużikali Spinola, li jibda mill-każin tas-soċjetà fi Triq Francis Zammit għal Triq San Ġorġ, Misraħ il-Qalb ta’ Ġesù, Triq Ġorġ Borġ Olivier sa kantuniera ma’ Triq il-Kbira.
9.00PM Il-Banda tal-Għaqda Mużikali Santa Marija ta’ Ħal-Għaxaq tilqa’ l-istatwa artistika ta’ San Ġiljan fi Triq Ġorġ Borg Olivier bl-innu popolari, u takkumpanja l-purċissjoni sad-dħul tagħha fil-knisja.
9.45PM: Spettaklu tan-nar fil-Bajja Spinola mill-Għaqda Piroteknika San Ġiljan b’akkumpanjament lill-purċissjoni li tkun għaddejja minn Triq Borg Olivier u Pjazza Spinola.

10.15PM: Il-Ġiljaniżi jkunu jistgħu jerfgħu l-vara ta’ San Ġiljan tul Triq Wied Għomor sal-pont tal-knisja.
Waqt id-dħul tal-purċissjoni u l-wasla tal-vara fuq il-pont u z-zuntier tal-knisja jkun hemm akkumpanjament ta’ nar u kaxxa infernali tal-kulur minn Triq Michelang Borg organizzati mis-Sur Julian Sammut.
11.00PM: Dħul tal-purċissjoni fil-knisja, milqugħa bil-kant tal-antifona Beate Juliane ta’ Dr Paolo Nani (1847). Wara ssir Ċelebrazzjoni Ewkaristika u jitkanta l-innu ta’ San Ġiljan.


