QARI I
Hawn jien: ibgħat lili!
Iż 6:1-2a,3-8
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija
Fis-sena li fiha miet is-sultan Għużżija, jien rajt lil Sidi bilqiegħda fuq tron għoli merfugħ ’il fuq; djul il-libsa tiegħu kienu jimlew it-tempju. ’Il fuq minnu kien hemm serafini, li kienu jgħajtu u jwieġbu lil xulxin:
“Qaddis, qaddis, qaddis hu l-Mulej tal-eżerċti!
L-art kollha mimlija bil-glorja tiegħu”.
Bl-għajat tagħhom is-sisien tal-għetiebi theżżu, u t-tempju mtela bid-duħħan. Imbagħad jiena għedt:
“Jaħasra għalija! Mitluf jien!
Bniedem b’xufftejh imniġġsa jien!
U f’nofs poplu b’xufftejh imniġġsa ngħammar;
madankollu rajt b’għajnejja lis-Sultan, il-Mulej tal-eżerċti”.
Wieħed mis-serafini ttajjar lejja, b’ġamra nar f’idu, li hu kien qabad bi mqass minn fuq l-altar, u messli fommi biha u qalli:
“Ara, din messitlek xufftejk:
ħżunitek għebet, u dnubek inħafer”.
Imbagħad smajt leħen Sidi jgħid: “Lil min se nibgħat? Min se jmurilna?”. U jien weġibt: “Hawn jien: ibgħat lili!”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
SALM RESPONSORJALI
Salm 137(138):1-2a,2bċ-3,4-5,7ċ-8
R/.(1ċ): Quddiem l-allat, Mulej, irrid ngħannilek.
Irroddlok ħajr, Mulej, b’qalbi kollha,
għaliex int smajt kliem fommi.
Quddiem l-allat irrid ngħannilek.
B’wiċċi fl-art ninxteħet quddiem is-santwarju tiegħek. R/.
Irroddlok ħajr għat-tjieba u l-fedeltà tiegħek,
għax int kabbart ismek u kelmtek fuq kollox.
Meta sejjaħtlek, int weġibtni,
kattarli l-qawwa f’ruħi. R/.
Iroddulek ħajr, Mulej, is-slaten kollha tal-art,
għaliex semgħu l-kliem ta’ fommok.
U jgħannu l-imġiba tal-Mulej,
għax kbir hu sebħ il-Mulej! R/.
Il-leminija tiegħek issalvani.
Il-Mulej iżomm kelmtu miegħi.
It-tjieba tiegħek, Mulej, tibqa’ għal dejjem;
la titlaqx għemil idejk. R/.
QARI II
Dan aħna xandarna, u dan emmintu intom.
1 Kor 15:1-11
Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin
Ħuti, irrid infakkarkom fl-Evanġelju li xandarnielkom u li intom ilqajtu u li fih qegħdin iżżommu sħiħ. Bih intom salvi bil-kelma li jien ħabbartilkom, kemm-il darba żżommuha, jekk ma emmintux għalxejn.
Qabelxejn, jien għallimtkom dak li tgħallimt jien, jiġifieri, li Kristu miet minħabba dnubietna, skont l-Iskrittura; difnuh u qam mill-imwiet fit-tielet jum, skont l-Iskrittura. U deher lil Kefa, u mbagħad lit-Tnax.
Deher imbagħad lil aktar minn ħames mitt aħwa flimkien. Ħafna minnhom għadhom ħajjin sal-lum; xi wħud minnhom raqdu. Imbagħad deher lil Ġakbu u lill-appostli kollha. Fl-aħħar deher lili wkoll wara kulħadd, qisni twelidt mormi qabel il-waqt, għax jien l-inqas wieħed fost l-appostli, u ma jistħoqqlix nissejjaħ appostlu, għaliex kont naħqar il-Knisja ta’ Alla.
Imma bil-grazzja ta’ Alla jien dak li jien u l-grazzja tiegħu fija ma sfatx fix-xejn, għax tħabatt ħafna iktar minnhom ilkoll; għad li mhux jien, iżda l-grazzja ta’ Alla li hi miegħi. Imma sew huma u sew jien, dan aħna xandarna, u dan emmintu intom.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

