Qari I
Dak li għandi se nagħtihulek: fl-isem ta’ Ġesù Kristu ta’ Nazaret, imxi!
Atti 3, 1-10
Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli
F’dak iż-żmien, Pietru u Ġwanni kienu telgħin lejn it-tempju għat-talb ta’ wara nofsinhar. U xi wħud kienu qegħdin iġorru raġel magħtub minn ġuf ommu, li kienu jqegħduh kuljum ħdejn il-bieb tat-tempju, li jgħidulu s-Sabiħ, biex jitlob il-karità lil dawk li jkunu deħlin fit-tempju. Dan kif ra lil Pietru u ’l Ġwanni deħlin fit-tempju talabhom il-karità. Pietru, kif ukoll Ġwanni, tefa’ għajnejh fuqu u qallu: “Ħares lejna”. Dak dawwar għajnejh fuqhom bit-tama li jaqla’ xi ħaġa mingħandhom. Imma Pietru qallu: “Fidda u deheb ma għandix; imma dak li għandi se nagħtik: fl-isem ta’ Ġesù Kristu ta’ Nazaret, imxi!”. U qabdu minn idu l-leminija u qajmu. Minnufih tqawwewlu riġlejh u l-għekiesi u malajr qabeż fuq riġlejh u qabad miexi. U daħal magħhom fit-tempju, jimxi u jaqbeż bil-ferħ u jfaħħar lil Alla. Il-nies kollha rawh jimxi u jfaħħar lil Alla; għarfuh li hu kien dak li kien joqgħod jitlob il-karità ħdejn il-Bieb is-Sabiħ tat-tempju. U baqgħu mistagħġba u miblugħa b’dak li ġralu.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali Rispons: Ma’ l-art kollha jasal leħinhom
Is-smewwiet ixandru l-kobor ta’ Alla,
u għemilu tħabbru il-wesgħa tas-smewwiet.
Jum lil jum iħabbru,
lejl lil lejl jgħarrfu.
Rispons: Ma’ l-art kollha jasal leħinhom
Ma hemmx taħdit u anqas kliem,
li leħnu ma jinstemax.
Ma’ l-art kollha laħaq leħenhom,
U kliemhom xtered mad-dinja kollha.
Rispons: Ma’ l-art kollha jasal leħinhom
Qari II
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Galatin Gal 1:11-24
Irrivelali lil Ibnu biex inħabbru
Dan ngħarrafkom, ħuti: l-Evanġelju li ħabbartilkom jien m’huwiex Evanġelju tal-bnedmin. Għaliex jiena mhux mingħand bniedem irċevejtu jew tgħallimtu, imma kien irrivelat lili minn Ġesù Kristu.
Intom smajtu bl-imġiba tiegħi meta kont għadni fir-reliġjon Lhudija, kif kont nippersegwita bis-sħiħ il-Knisja ta’ Alla u nfittex li nħarbatha, u kemm kont ‘il quddiem fir-reliġjon Lhudija fost il-poplu tiegħi, aktar minn sħabi kollha ta’ mpari, imġennen kif kont għat-tradizzjonijiet ta’ missirijieti.
Imma meta dak li għażilni sa minn ġuf ommi, u li sejjaħli permezz tal-grazzja tiegħu, għoġbu jirrivelali lil Ibnu biex inħabbru fost il-ġnus, minnufih, bla ma qgħadt infittex li nieħu parir mingħand bnedmin tal-laħam u d-demm, bla ma tlajt Ġerusalemm għand dawk li kienu appostli qabli, jiena mort fl-Għarabja, u mbagħad erġajt lura lejn Damasku. Mbagħad, tliet snin wara, tlajt Ġerusalemm inżur lil Kefa, u bqajt miegħu ħmistax-il ġurnata; mill-appostli l-oħra ma rajt lil ħadd ħlief lil Ġakbu, ħu l-Mulej.
F’dan li qiegħed niktbilkom, nixhed quddiem Alla li m’iniex nigdeb.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Hallelujah. ℟.Hallelujah.
Mulej, Inti taf kollox; Inti taf li nħobbok.
Hallelujah.
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann (San Ġwann 21:15-19)
F’dak iż-żmien: Ġesu’ deher lid-dixxipli tiegħu. Wara li kielu xi ħaġa, Ġesù staqsa lil Xmun Pietru: “Xmun bin Ġwanni, tħobbni int aktar minn dawn?” “Iva, Mulej,” wieġbu, “int taf li nħobbok.” Qallu: “Irgħa l-ħrief tiegħi.” Staqsieh għat-tieni darba: “Xmun bin Ġwanni, tħobbni int?” “Iva, Mulej,” wieġbu, “int taf li nħobbok.” Qallu: “Irgħa n-nagħaġ tiegħi.” Għat-tielet darba staqsieh: “Xmun bin Ġwanni, tħobbni?” Pietru ħass għafsa ta’ qalb għax staqsieh għat-tielet darba, jekk iħobbux, u qallu: “Mulej, int taf kollox, inti taf li nħobbok.” Qallu Ġesù: “Irgħa n-nagħaġ tiegħi. Tassew tassew ngħidlek, meta kont żagħżugħ, kont titħażżem waħdek u tmur fejn trid; imma meta tixjieħ, int tiftaħ idejk u ħaddieħor iħażżmek u jieħdok fejn ma tridx!” Dan qalu biex juri b’liema mewta kien sa jagħti glorja lil Alla. Mbagħad Ġesù ssokta jgħidlu: “Ejja warajja.”
Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir Lilek Kristu
Talbiet:
Ħuti għeżież, filwaqt li niċċelebraw l-Appostli Pietru u Pawlu li fuqhom Kristu waqqaf il-Knisja, ejjew nitolbu lil Alla għall-poplu qaddis tiegħu. Ngħidu għalhekk:
Mulej, ieqaf mal-Knisja tiegħek.
Għall-Papa u għall-Isqfijiet kollha, biex bħala suċċessuri tal-Appostli, ikomplu jmexxu lill-poplu Nisrani afdat f’idejhom.
Nitolbu… Mulej, ieqaf mal-Knisja tiegħek.
Għall-mexxejja tan-nazzjonijiet, biex ifittxu l-paċi u r-rispett bejn il-bnedmin.
Nitolbu… Mulej, ieqaf mal-Knisja tiegħek.
Għall-Insara li qed isofru persekuzzjoni minħabba l-Evanġelju, biex jibqgħu sħaħ fil-fedeltà tagħhom lejn Kristu.
Nitolbu… Mulej, ieqaf mal-Knisja tiegħek.
Għalina, biex nibqgħu magħquda fl-imħabba mas-Suċċessur tal-Appostlu San Pietru u sħaħ fil-fidi li rċevejna mill-Appostlu Missierna San Pawl.
Nitolbu… Mulej, ieqaf mal-Knisja tiegħek.
Mulej Alla tagħna, ħares lill-poplu tiegħek, u għat-talb tal-Appostli San Pietru u San Pawl, agħtih fedeltà lejn l-Evanġelju, kuraġġ biex ixandar u spritu ta’ għaqda fost dawk kollha li jemmnu fi Kristu, li miegħek jgħix u jsaltan għal dejjem ta’ dejjem.
Ammen.

